QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI

Salamun Leclercq, Ġużeppi Sánchez del Río, Manwel González García, Ludoviku Pavoni, Alfons Marija Fusco, Ġużeppi Gabrijel tar-Rużarju Brochero,

Eliżabetta tat-Trinità Qaddisa Catez

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 16 ta’ Ottubru 2016

 

Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni tal-lum dorna lejn il-Mulej b’din it-talba fuq fommna: “Agħmel li norbtu dejjem ir-rieda tagħna ma’ tiegħek, u naqdu s-setgħa tiegħek b’qalb safja” (Talba tal-Kolletta”.

 

Waħidna aħna m’għandniex ħila nrawmu fina qalb hekk, Alla biss jista’ jagħmel dan, u għalhekk nitolbuhielu fit-talb tagħna, nitolbuh jagħtihielna bħala don, bħala “ħolqien” tiegħu. Hekk nidħlu fit-tema tat-talb, li hi fil-qalba tal-qari mill-Iskrittura f’dan il-Ħadd u li tisfida lilna wkoll, hawn miġbura għall-kanonizzazzjoni ta’ qaddisin ġodda. Huma laħqu d-destinazzjoni, kellhom qalb ġeneruża u fidila, grazzi għall-ħajja ta’ talb tagħhom: talbu bil-qawwa kollha tagħhom, issieltu, u rebħu.

 

Nitolbu, mela. Bħal Mosè, li kien fuq kollox bniedem ta’ Alla, bniedem tat-talb. Dan illum narawh fl-episodju tal-battalja kontra Għamalek, bilwieqfa fuq il-quċċata tal-għolja b’dirgħajh merfugħa; imma kultant, minħabba li jitqalu, dirgħajh kienu jċedu, u f’dawk il-mumenti l-poplu kien jispiċċa minn taħt; allura Aron u Ħur qiegħdu lil Mosè bilqiegħda u weżnulu dirgħajh merfugħa, sa ma waslet ir-rebħa.

 

Dan hu l-istil tal-ħajja spiritwali li titlob minna l-Knisja: mhux biex nirbħu l-gwerer, imma biex niksbu l-paċi!

 

Fil-ġrajja ta’ Mosè hemm messaġġ importanti: l-impenn tat-talb jitlob minna li nwieżnu lil xulxin. L-għeja ma nistgħux naħarbuha, xi drabi jiġrilna li ma nkunux nistgħu nkampaw, imma bl-għajnuna ta’ ħutna t-talba tagħna tista’ tibqa’ sħiħa, sa ma l-Mulej iwassal l-opra tiegħu sat-tmiem.

 

San Pawl, huwa u jikteb lid-dixxiplu u kollaboratur tiegħu Timotju, jirrikkmandalu li jżomm sħiħ f’dak li tgħallem u li fih jemmen fis-sod (ara 2 Tim 3:14). Imma lanqas Timotju ma seta’ jwassal waħdu: it-“taqbida” tal-perseveranza ma tistax tirbaħha mingħajr it-talb. Imma mhux xi talba ’l hawn u ’l hinn, bħal ċaqlembuta, imma magħmula kif jgħallimna Ġesù fil-Vanġelu tal-lum: “dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu” (Lq 18:1). Hekk għandu jġib ruħu n-Nisrani: inkunu sħaħ fit-talb biex nibqgħu sħaħ fil-fidi u fix-xhieda. U araw mill-ġdid x’jgħid il-leħen ta’ ġo fina: “Imma Mulej, kif tista’ ma tegħjiex? Aħna bnedmin… anki Mosè għeja!…”. Hu minnu dan, kull wieħed u waħda minna jegħja xi darba. Imma m’aħniex waħidna, aħna nagħmlu parti minn Ġisem! Aħna membri tal-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja, li dirgħajha huma lejl u nhar merfugħa lejn is-Sema grazzi għall-preżenza ta’ Kristu Rxoxt u tal-Ispirtu Qaddis tiegħu. U fil-Knisja biss u grazzi għat-talb tal-Knisja li aħna nistgħu nibqgħu sħaħ fil-fidi u fix-xhieda.

 

Smajnieha l-wegħda ta’ Ġesù fil-Vanġelu: Alla jagħmel ħaqq mal-magħżulin tiegħu, li lejl u nhar jgħajtulu (ara Lq 18:7). Dan hu l-misteru tat-talb: għajjat, tehdiex, u, jekk tegħja, itlob l-għajnuna ta’ min jista’ jżommlok idejk merfugħa. Dan hu t-talb li Ġesù wriena u tana fl-Ispirtu s-Santu. Li titlob ma jfissirx tistkenn f’dinja ideali, ma jfissirx taħrab lejn stat falz ta’ ġabra egoistika. Bil-maqlub, titlob ifisser tissielet, u tħalli li anki l-Ispirtu s-Santu jitlob fik. Hu l-Ispirtu s-Santu li jgħallimna nitolbu, li jmexxina fit-talb tagħna, li jgħinna nitolbu bħala wlied.

 

Il-qaddisin huma rġiel u nisa li jidħlu fil-qalba tal-misteru tat-talb. Irġiel u nisa li jissieltu bit-talb, iħallu lill-Ispirtu s-Santu jitlob u jissielet fihom; jissieltu sal-aħħar, bil-qawwa kollha tagħhom, u jirbħu, imma mhux waħidhom: il-Mulej jirbaħ fihom u magħhom. Anki dawn is-seba’ xhieda li llum ġew ikkanonizzati, tqabdu t-taqbida t-tajba tal-fidi u tal-imħabba billi talbu. Għalhekk baqgħu sħaħ fil-fidi, b’qalb ġeneruża u fidila. Għall-eżempju u l-interċessjoni tagħhom, Alla jagħti lilna wkoll li nkunu rġiel u nisa ta’ talb; li ngħajtu lejl u nhar lil Alla, bla ma naqtgħu; li nħallu lill-Ispirtu s-Santu jitlob fina, u nitolbu billi nwieżnu lil xulxin ħalli nibqgħu b’dirgħajna merfugħa, sa ma l-Ħniena Divina toħroġ rebbieħa.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard