OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

FIL-QUDDIESA TAL-KANONIZZAZZJONI

TAL-PAPIET ĠWANNI XXIII U ĠWANNI PAWLU II

Pjazza San Pietru

II Ħadd tal-Għid (jew Ħadd tal-Ħniena Divina)

27 ta’ April 2014

 

Fil-qalba ta’ dan il-Ħadd li jagħlaq l-Ottava ta’ l-Għid, u li San Ġwanni Pawlu II ried isemmih għall-Ħniena Divina, hemm il-pjagi glorjużi ta’ Kristu Rxoxt.

 

Hu kien diġà wriehom lill-Appostli l-ewwel darba li dehrilhom, dak in-nhar stess fl-għaxija ta’ l-għada tas-Sibt, jum il-Qawmien.  Imma f’dik il-lejla, kif smajna, Tumas ma kienx hemm; u meta l-oħrajn tarrfulu li kienu raw lill-Mulej, hu weġibhom li jekk ma jarax u jmiss b’idejh dawn il-ġrieħi, ma jemminx.  Tmint ijiem wara, Ġesù deher mill-ġdid fiċ-Ċenaklu, f’nofs id-dixxipli tiegħu: Tumas kien hemm ukoll; dar fuqu u stiednu jmiss il-pjagi tiegħu.  U dak il-ħin dak il-bniedem sinċier, dak il-bniedem li kien imdorri jivverifika hu stess il-fatti, niżel għarkubbtejh quddiem Ġesù u stqarr: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28).

 

Il-pjagi ta’ Ġesù huma skandlu għall-fidi, imma huma wkoll il-prova tal-fidi.  Hu għalhekk li l-pjagi ma jgħibux lanqas minn fuq ġisem Kristu Rxoxt, jibqgħu hemm, għax dawk il-pjagi huma s-sinjal permanenti ta’ l-imħabba ta’ Alla għalina, u huma indispensabbli biex nistgħu nemmnu f’Alla.  Mhux biex nemmnu li Alla jeżisti, imma biex nemmnu li Alla hu mħabba, ħniena, fedeltà.  San Pietru, huwa u jikteb lill-Insara, jikkwota lil Isaija: “Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu” (1 Piet 2:24; ara Is 53:5).

 

San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II kellhom il-kuraġġ iħarsu lejn il-ġrieħi ta’ Ġesù, imissu l-pjagi ta’ jdejh u tal-kustat minfud tiegħu.  Ma stħawx mill-ġisem ta’ Kristu, ma ħadux skandlu minħabba fiH, mis-Salib tiegħu; ma stħawx mill-ġisem ta’ ħuhom (ara Is 58:7), għax f’kull persuna li qed tbati kienu jilmħu lil Ġesù.  Kienu żewġt irġiel kuraġġjużi, mimlija bil-parresia ta’ l-Ispirtu s-Santu, u quddiem il-Knisja u d-dinja taw xhieda tat-tjieba ta’ Alla, tal-ħniena tiegħu.

 

Kienu saċerdoti, u isqfijiet u papiet tas-seklu għoxrin.  Raw it-traġedji, imma ma ħallewhomx ikissruhom.  Aqwa minnhom, ġo qalbhom, kien hemm Alla; aqwa kienet il-fidi f’Ġesù Kristu, Feddej tal-bniedem u Sinjur ta’ l-istorja; aqwa fihom kienet il-ħniena ta’ Alla li juri ruħu f’dawn il-ħames pjagi; aqwa kienet ir-rabta materna ta’ Marija.

 

F’dawn iż-żewġt irġiel kontemplattivi tal-pjagi ta’ Kristu u xhieda tal-ħniena tiegħu kienet tgħammar “tama ħajja”, flimkien ma’ “ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser” (1 Piet 1:3,8).  It-tama u l-ferħ li Kristu Rxoxt jagħti lid-dixxipli tiegħu, u li ħadd u xejn ma jista’ jċaħħadhom minnhom.  It-tama u l-ferħ ta’ l-Għid, mgħoddija minn ġol-forġa tat-tneżżigħ, tat-tbattil, ta’ ħajja qrib il-midinba sa l-aktar punt estrem, saħansitra sal-punt li wieħed jiddardar mill-morr ta’ dak il-kalċi.  Dawn huma t-tama u l-ferħ li ż-żewġ Papiet qaddisin irċivew b’don minn għand Kristu Rxoxt u mbagħad xerrduh bil-kotra lill-Poplu ta’ Alla, li jibqa’ midjun lejhom għal dejjem.

 

Din it-tama u dan il-ferħ stajt tħosshom fl-ewwel komunità ta’ dawk li emmnu, f’Ġerusalemm, li dwarha jitkellmu l-Atti ta’ l-Appostli (ara 2:42-47), li smajna fit-Tieni Qari.  Hi komunità li tgħix l-essenzjal tal-Vanġelu, jiġifieri l-imħabba, il-ħniena, f’sempliċità u fraternità.

 

Din hi x-xbieha ta’ Knisja li żamm quddiem għajnejh il-Konċilju Vatikan II.  Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II ikkollaboraw id f’id ma’ l-Ispirtu s-Santu biex iġeddu u jaġġornaw lill-Knisja skond il-fiżjonomija tagħha tal-bidu, il-fiżjonomija li tawha l-qaddisin matul is-sekli.  Ma ninsewx li huma propju l-qaddisin li jmexxu ’l quddiem u jkabbru l-Knisja.  Meta sejjaħ il-Konċilju, San Ġwanni XXIII wera doċilità l-iżjed delikata għall-Ispirtu s-Santu, ħallieh imexxih Hu u kien għall-Knisja ragħaj, gwida-iggwidata, iggwidata mill-Ispirtu.  Dan kien is-servizz kbir li ta lill-Knisja; għalhekk jiena nieħu gost naħseb fih bħala l-Papa tad-doċilità għall-Ispirtu s-Santu.

 

F’dan is-servizz lill-Poplu ta’ Alla, San Ġwanni Pawlu II kien il-Papa tal-familja.  Hu stess, darba minnhom, qal li jixtieq jibqa’ mfakkar hekk, bħala l-Papa tal-familja.  Nixtieq nagħfas fuq dan il-punt meta ninsabu mexjin lejn Sinodu fuq il-familja u mal-familji, mixja li żgur li mis-Sema hu qed isieħeb u jwieżen.

 

Jalla dawn il-qaddisin ġodda, Rgħajja tal-Poplu ta’ Alla, it-tnejn li huma jidħlu għall-Knisja biex, matul dawn is-sentejn ta’ mixja sinodali, tkun doċli għall-Ispirtu s-Santu fis-servizz pastorali lill-familja.  Jalla mit-tnejn li huma nitgħallmu ma niskandalizzawx ruħna mill-pjagi ta’ Kristu, biex nidħlu fil-qalba tal-misteru tal-ħniena divina li tittama dejjem, taħfer dejjem, għax tħobb dejjem.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard