FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

ID-XIX-IL JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 2 ta’ Frar 2015

 

Inżommu quddiem il-ħsieb tagħna l-ikona ta’ Ommna Marija li timxi b’Ġesù Tarbija f’dirgħajha.  Tieħdu fit-Tempju, iddaħħlu fil-poplu, twasslu biex jiltaqa’ mal-poplu tiegħu.

 

Dirgħajn l-Omm huma bħas-“sellum” li minnu l-Iben ta’ Alla jinżel ħdejna, is-sellum tal-kondixxendenza ta’ Alla.  Dan smajnieh fl-Ewwel Qari, mill-Ittra lil-Lhud: Kristu “kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun il-qassis il-kbir, ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla” (2:17).  Hi t-triq doppja ta’ Ġesù: Hu niżel, sar bħalna, biex jitla’ għand il-Missier flimkien magħna, u jagħmilna bħalU.

 

Nistgħu nikkontemplaw fil-qalb tagħna dan il-moviment, u nistħajlu x-xena evanġelika ta’ Marija li tidħol fit-Tempju bit-Tarbija f’idejha.  Il-Madonna timxi, imma hu Binha li jimxi qabilha.  Hi twasslu, imma Hu li jieħu lilha f’din il-mixja ta’ Alla li jiġi għandna biex aħna nistgħu naslu għandU.

 

Ġesù terraq l-istess triq tagħna biex jurina l-mixja l-ġdida, jiġifieri it-“triq ġdida u ħajja” (ara Lhud 10:20) li hi Hu stess.  U għalina, l-ikkonsagrati, din hi l-unika triq li, fil-konkret u bla alternattivi oħra, jeħtieġ nimxu bil-ferħ u l-perseveranza.

 

Il-Vanġelu ħames darbiet jinsisti fuq l-ubbidjenza ta’ Marija u Ġużeppi għal-“Liġi tal-Mulej” (ara Lq 2:22,23,24,27,39).  Ġesù ma ġiex jagħmel ir-rieda tiegħu nnifsu, imma r-rieda tal-Missier; u dan – qalilna – kien l-“ikel” tiegħu (ara Ġw 4:34).  Hekk, min jimxi wara Ġesù, jimxi fit-triq ta’ l-ubbidjenza, u hekk ikun jimita l-“kondixxendenza” tal-Mulej; tbaxxa u għamel tiegħu r-rieda tal-Missier, anki sat-tixjin u l-umiljazzjoni tiegħu nnifsu (ara Fil 2:7-8).  Reliġjuż ikun jimxi ’l quddiem jekk jitbaxxa fil-qadi, jiġifieri jagħmel l-istess mixja ta’ Ġesù, li “ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla” (Fil 2:6).  Jitbaxxa u jsir qaddej biex jaqdi.

 

U din it-triq tieħu x-xejra tar-regola, magħġuna mill-kariżma tal-fundatur, bla ma ninsew li r-regola għal kulħadd li l-ebda oħra ma teħdilha postha hi dejjem il-Vanġelu.  L-Ispirtu s-Santu, imbagħad, fil-kreattività bla tarf tiegħu, jittraduċiha anki fil-bosta regoli ta’ ħajja kkonsagrata li kollha jitwieldu mis-sequela Christi, jiġifieri minn din il-mixja li fiha wieħed jitbaxxa biex jaqdi.

 

Permezz ta’ din il-“liġi”, l-ikkonsagrati jistgħu jilħqu l-għerf, li m’hux xi attitudni astratta imma hu ħidma u don ta’ l-Ispirtu s-Santu.  U sinjal ċar ta’ dan l-għerf hu l-ferħ.  Iva, il-ferħ evanġeliku tar-reliġjuż hu frott tal-mixja li fiha hu jitbaxxa ma’ Ġesù…  U meta nkunu mdejqa, jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: “Kif qed ngħixu din id-dimensjoni kenotika?”.

 

Fir-rakkont tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, l-għerf hu rrappreżentat miż-żewġt ixjuħ, Xmun u Anna: persuni doċli għall-Ispirtu s-Santu (jissemma tliet darbiet), immexxija minnU, imdawla minnU.  Il-Mulej tahom l-għerf permezz ta’ mixja twila fit-triq ta’ l-ubbidjenza għal-liġi tiegħu.  Ubbidjenza li, minn naħa, tbaxxi u xxejjen, imma, min-naħa l-oħra tixgħel u tħares it-tama, tagħmilhom kreattivi, għax kienu mimlija bl-Ispirtu s-Santu.  Huma jiċċelebraw ukoll xorta ta’ liturġija madwar it-Tarbija li tidħol fit-Tempju: Xmun ifaħħar lill-Mulej u Anna “titkellem” fuq is-salvazzjoni (ara Lq 2:28-32,38).  Bħal fil-każ ta’ Marija, anki x-xwejjaħ Xmun jieħu t-tarbija f’dirgħajh, imma, fir-realtà, hi t-tarbija li tagħfsu magħha u tmexxih.  Il-liturġija ta’ l-Ewwel Għasar tal-Festa tal-lum dan tesprimih b’mod ċar u sabiħ: senex puerum portabat, puer autem senem regebat.  Kemm Marija, l-omm xbejba, u kemm Xmun, ix-xwejjaħ “nannu”, jieħdu t-tarbija f’idejhom, imma hi t-tarbija nfisha li tmexxihom it-tnejn li huma.

 

Hu kurjuż kif f’din il-biċċa l-kreattivi m’humiex dawk li għadhom żgħar fl-età, imma x-xjuħ.  Iż-żgħar, bħal Marija u Ġużeppi, jimxu wara l-liġi tal-Mulej fit-triq ta’ l-ubbidjenza; ix-xjuħ, bħal Xmun u Anna, jilmħu fit-tarbija t-twettiq tal-Liġi u tal-wegħdiet ta’ Alla.  U kapaċi jagħmlu festa: huma kreattivi fil-ferħ, fl-għerf.

 

Madankollu, bl-azzjoni ta’ l-Ispirtu Qaddis tiegħu, il-Mulej jibdel l-ubbidjenza f’għerf.

 

Kultant, Alla jista’ jagħni bid-don ta’ l-għerf tiegħu anki lil xi ħadd għadu żagħżugħ u inespert, basta jkun lest jimxi fit-triq ta’ l-ubbidjenza u d-doċilità għall-Ispirtu.  Din l-ubbidjenza u din id-doċilità m’humiex fatt teoriku, imma jidħlu fil-loġika ta’ l-Inkarnazzjoni tal-Verb: doċilità u ubbidjenza lejn il-fundatur, doċilità u ubbidjenza lejn regola konkreta, doċilità u ubbidjenza lejn is-superjur, doċilità u ubbidjenza lejn il-Knisja.  Qed nitkellmu fuq doċilità u ubbidjenza konkreti.

 

Permezz tal-mixja perseveranti fl-ubbidjenza, jimmatura l-għerf personali u komunitarju, u hekk isir possibbli wkoll li nadattaw ir-regoli għaż-żminijiet: l-“aġġornament” veru, fil-fatt, hu opra ta’ l-għerf, imsawra fid-doċilità u l-ubbidjenza.

 

It-tisħiħ u t-tiġdid tal-ħajja kkonsagrata jiġu permezz ta’ mħabba kbira għar-regola, u anki permezz tal-ħila li nikkontemplaw u nisimgħu lill-anzjani tal-Kongregazzjoni.  Hekk id-“depożitu”, il-kariżma ta’ kull familja reliġjuża tiġi mħarsa flimkien ma’ l-ubbidjenza u l-għerf.  U, permezz ta’ din il-mixja, inkunu qed inħarsu lilna nfusna milli ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna b’mod leġġer, b’mod diżinkarnat, bħallikieku kienet xi njosi, li l-ħajja reliġjuża ġġibha “karikatura”, karikatura li fiha ssir mixja bla ċaħda, talba bla laqgħa, ħajja fraterna bla komunjoni, ubbidjenza bla fiduċja, u karità mingħajr traxxendenza.

 

Il-lum, aħna wkoll, bħal Marija u bħal Xmun, irridu nieħdu f’dirgħajna lil Ġesù biex Hu jiġi jżur il-poplu tiegħu, u dan ċertament niksbuh biss jekk inħallu l-misteru ta’ Kristu jaħfinna fih.  Immexxu lill-poplu għand Ġesù u nħallu lilna nfusna wkoll niġu mmexxija minnU.  Dan hu li rridu nkunu: mexxejja mmexxija.

 

Il-Mulej, bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija, ta’ San Ġużepp u ta’ l-imqaddsa Xmun u Anna, jaqlgħalna dak li tlabnieh fil-Kolletta tal-lum: li “niġu ppreżentati [lilU] imġedda għal kollox fl-ispirtu”.  Hekk ikun.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard