ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

ĠUBLEW TAL-ĦNIENA DIVINA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 3 ta’ April 2016

 

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb (Ġw 20:30).  Il-Vanġelu hu l-ktieb tal-ħniena ta’ Alla, li wieħed għandu jaqra u jerġa’ jaqra, għax dak li Ġesù qal u għamel hu espressjoni tal-ħniena tal-Missier.  Imma mhux kollox ġie miktub; il-Vanġelu tal-ħniena jibqa’ dejjem ktieb miftuħ, li fuqu jissoktaw jinkitbu s-sinjali tad-dixxipli ta’ Kristu, ġesti konkreti ta’ mħabba, li huma l-aqwa xhieda tal-ħniena.  Ilkoll aħna msejħin insiru kittieba ħajja tal-Vanġelu, ħabbâra tal-Bxara t-Tajba lil kull bniedem tal-lum.  Dan nistgħu nagħmluh billi nqiegħdu fil-prattika l-għemejjel tal-ħniena li jmissu l-ġisem u r-ruħ, li huma l-istil tal-ħajja tan-Nisrani.  Permezz ta’ dawn il-ġesti sempliċi u qawwija, xi drabi lanqas jidhru, nistgħu nżuru lil dawk li huma fil-bżonn, ħa nwasslulhom il-ħlewwa u l-faraġ ta’ Alla.  Hekk inkomplu nwettqu dak li għamel Ġesù nhar l-Għid, meta nefaħ fil-qlub tad-dixxipli mbeżżgħin il-ħniena tal-Missier, u sawwab fuqhom l-Ispirtu s-Santu li jaħfer id-dnubiet u jagħti l-ħajja.

 

Madankollu, mir-rakkont li għadna kemm smajna joħroġ kuntrast ċar: minn naħa, hemm il-biża’ tad-dixxipli, li jagħlqu l-bibien tad-dar; min-naħa l-oħra, hemm il-missjoni min-naħa ta’ Ġesù, li jibgħathom fid-dinja ħa jwasslu l-bxara tal-maħfra.  Dan il-kuntrast jista’ jkun ukoll fina, taqbida interjuri bejn l-għeluq tal-qlub u s-sejħa ta’ l-imħabba biex niftħu l-bibien magħluqa tagħna u noħorġu minna nfusna.  Kristu, li għall-imħabba tagħna daħal mill-bibien magħluqa tad-dnub, tal-mewt u ta’ art l-imwiet, jixtieq jidħol anki għand kull wieħed u waħda minna biex jiftaħ beraħ il-bibien magħluqa ta’ qlubna.  Hu, li bil-qawmien tiegħu rebaħ il-biża’ li jżommna mjassra, jixtieq jiftaħ beraħ il-bibien magħluqa tagħna u jibgħatna.  It-triq li l-Imgħallem rebbieħ fuq il-mewt qed jurina direzzjoni waħda għandha: noħorġu minna nfusna, noħorġu biex nagħtu xhieda tal-qawwa li tfejjaq ta’ l-imħabba li rebħitna għaliha.  Quddiemna nistgħu naraw umanità spiss miġruħa u mbeżżgħa, li għadha ġġorr il-ġrieħi tat-tbatija u tad-dubju.  Quddiem din il-karba ta’ wġigħ għall-ħniena u l-paċi, nisimgħu l-lum tingħad lil kull wieħed u waħda minna l-istedina fiduċjuża ta’ Ġesù: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (v. 21).

 

Kull marda tista’ ssib fil-ħniena ta’ Alla fejqan effikaċi.  Fil-fatt, il-ħniena tiegħu ma tiqafx fil-bogħod: tixtieq toħroġ tiltaqa’ mal-faqar kollu u teħles mill-bosta xejriet ta’ jasar li qed jifilġu lid-dinja tagħna.  Tixtieq tilħaq il-ġrieħi ta’ kulħadd, biex iddewwihom.  Li nkunu appostli tal-ħniena jfisser immissu u mmellsu l-pjagi tiegħu, preżenti anki l-lum fil-ġisem u fir-ruħ ta’ tant ħutu.  Meta ndewwu dawn il-pjagi nkunu nistqarru lil Ġesù, nagħmluh preżenti u ħaj; inkunu qed nippermettu lil oħrajn imissu b’idejhom il-ħniena tiegħu, jagħrfuh bħala “Mulej u Alla” (ara v. 28), kif għamel l-Appostlu Tumas.  Din hi l-missjoni li qed niġu fdati biha.  Tant persuni jridu min jismagħhom u jifhimhom.  Il-Vanġelu tal-ħniena, li aħna għandna nxandru u niktbu f’ħajjitna, qed ifittex persuni b’qalb mimlija sabar u miftuħa, “Samaritani tajba” li jafu x’inhi mogħdrija u x’inhu silenzju quddiem il-misteru ta’ l-aħwa; għandu bżonn ta’ qaddejja ġenerużi u hienja, li jħobbu b’xejn u bla ma jistennew xejn lura.

 

“Il-paċi magħkom!” (v. 21): din hi t-tislima li Kristu jagħti lid-dixxipli; hi l-istess paċi li qed jistennew in-nies ta’ żmienna.  M’hix paċi nnegozjata, m’hix il-waqfien minn xi ħaġa li ma kinitx sejra sew: hi l-paċi tiegħu, il-paċi li ġejja mill-qalb ta’ l-Irxoxt, il-paċi li rebħet fuq id-dnub, il-mewt u l-biża’.  Hi l-paċi li ma tifridx, imma tgħaqqad; hi l-paċi li ma titlaqniex waħidna, imma tridna nħossuna milqugħin u maħbubin; hi l-paċi li tibqa’ magħna fit-tbatija u twarrad it-tama.  Din il-paċi, bħal nhar l-Għid, titwieled u terġa’ titwieled kull darba mill-maħfra ta’ Alla, li tneħħi kull tħassib tal-qalb.  Li tkun messaġġiera tal-paċi tiegħu: din hi l-missjoni li nhar l-Għid Hu ħalla f’idejn il-Knisja.  Aħna tnissilna fi Kristu bħala strumenti ta’ rikonċiljazzjoni, biex inwasslu lil kulħadd il-maħfra tal-Missier, biex nuru l-wiċċ tiegħu ta’ mħabba fis-sinjali tal-ħniena.

 

Fis-Salm Responsorjali ġie mħabbar hekk: “Imħabbtu hi għal dejjem” (117/118:2).  Huwa minnu, il-ħniena ta’ Alla hi eterna; ma tintemmx, ma tispiċċax, ma ċċedix quddiem l-għeluq, u ma tegħja qatt.  F’dan l-“għal dejjem” insibu xi jweżinna fil-mumenti ta’ prova u ta’ dgħufija, għax aħna ċerti li Alla ma jitlaqna qatt waħidna: Hu jibqa’ magħna għal dejjem.  Ejjew irroddulu ħajr għal din l-imħabba tiegħu hekk kbira, li impossibbli għalina nifhmuha: hi kbira wisq!  Nitolbu l-grazzja li ma negħjew qatt nixorbu mill-ħniena tal-Missier u nwassluha fid-dinja: nitolbu li nkunu aħna stess ħanina, biex inxerrdu kullimkien il-qawwa tal-Vanġelu, biex niktbu dawk il-paġni tal-Vanġelu li l-Appostlu Ġwanni ma kitibx.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard