QUDDIESA IN CŒNA DOMINI

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

C.A.R.A. Auxilium

Castelnuovo di Porto (Ruma)

Ħamis ix-Xirka, 24 ta’ Marzu 2016

 

Il-ġesti jitkellmu ħafna iżjed mix-xbihat u l-kliem.  Il-ġesti.  F’din il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm qrajna hemm żewġ ġesti: Ġesù li jaqdi, li jaħsel ir-riġlejn.  Hu, li kien il-kap, jaħsel riġlejn l-oħrajn, dawk li kienu tiegħu, iż-żgħar nett.  It-tieni ġest: Ġuda li jmur għand l-għedewwa ta’ Ġesù, għand dawk li ma jridux il-paċi ma’ Ġesù, biex jieħu l-flus li bihom ittradieh, it-tletin biċċa tal-fidda.  Żewġ ġesti.  Anki l-lum għandna żewġ ġesti: l-ewwel hu dak tal-lejla: ilkoll kemm aħna, flimkien, Musulmani, Ħindu, Kattoliċi, flimkien.  Il-ġest l-ieħor hu dak ta’ tlitt ijiem ilu: ġest ta’ gwerra, ta’ qerda f’belt ta’ l-Ewropa, ta’ persuni li ma jridux jgħixu fil-paċi.  Imma wara dak il-ġest, bħal wara Ġuda, kien hemm oħrajn.  Wara Ġuda kien hemm dawk li tawh il-flus biex jagħtihom f’idejhom lil Ġesù.  Wara dak il-ġest ta’ tlitt ijiem ilu f’dik il-kapitali Ewropea, hemm il-fabbrikanti, it-traffikanti ta’ l-armi li jridu d-demm, mhux il-paċi; li jridu l-gwerra, mhux l-imħabba ta’ l-aħwa.

 

Żewġ ġesti bħal xulxin: minn naħa Ġesù jaħsel ir-riġlejn, waqt li Ġuda jbigħ lil Ġesù għall-flus; u minn naħa intom, aħna, ilkoll flimkien, bosta reliġjonijiet, diversi kulturi, imma wlied l-istess Missier, aħwa, waqt li dawk l-imsejkna qed jixtru l-armi biex jeqirdu din l-imħabba ta’ l-aħwa.  Il-lum, f’dan il-mument, meta jien se nagħmel l-istess ġest ta’ Ġesù u naħsel ir-riġlejn tagħkom it-tnax, ilkoll kemm aħna qed nagħmlu l-istess ġest ta’ mħabba bejn l-aħwa, u lkoll flimkien nistgħu ngħidu: “Aħna lkoll differenti minn xulxin, għandna kulturi u reliġjonijiet differenti, imma aħna aħwa u rridu ngħixu fis-sliem”.  U dan hu l-ġest li jien qed nagħmel magħkom.  Kull wieħed u waħda minna għandu l-istorja tiegħu, kull wieħed u waħda minnkom għandu storja: tant slaleb, tant uġigħ, imma anki qalb miftuħa li tixtieq l-imħabba bejn l-aħwa.  Kull wieħed u waħda, fil-lingwa reliġjuża tiegħu, ħa jitlob lill-Mulej biex id-dinja kollha tittieħed minn din l-imħabba ta’ l-aħwa, biex ma jkun hemm qatt dawk it-tletin biċċa tal-fidda biex jinqatel ħija, biex dejjem ikun hemm din l-imħabba u t-tjieba bejn l-aħwa.  Hekk ikun.

 


 

Kelmtejn fi tmiem il-Quddiesa

 

Issa nixtieq insellmilkom wieħed wieħed u waħda waħda, minn qalbi.  Nirringrazzjakom ta’ din il-laqgħa tagħna.  U ejjew niftakru biss u nuru kemm hu sabiħ li ngħixu flimkien bħal aħwa, b’kulturi, reliġjonijiet u tradizzjonijiet differenti: aħna lkoll aħwa!  U dan kollu għandu isem: paċi u mħabba.  Grazzi.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard