“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, / għax hu kkonsagrani, / bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, / inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, / u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, / irodd il-ħelsien lill-maħqurin” (Lq 4:18). Il-Mulej, Midluk mill-Ispirtu, iġib il-Bxara hienja lill-foqra. Dak kollu li Ġesù jħabbar, u li nħabbru anki aħna, saċerdoti, hu Bxara hienja. Hienja bil-ferħ tal-Vanġelu: ta’ min ġie midluk fi dnubietu biż-żejt tal-maħfra u midluk fil-kariżma tiegħu biż-żejt tal-missjoni, biex jidlek lill-oħrajn. U bħal Ġesù, is-saċerdot jagħmel hienja l-bxara bil-persuna kollha tiegħu. Meta jipprietka l-omelija – qasira, jekk possibbli – dan jagħmlu bil-ferħ li jmiss il-qalb tal-poplu tiegħu permezz tal-Kelma li biha l-Mulej mess lilu waqt it-talb. Bħal kull dixxiplu missjunarju, is-saċerdot il-bxara jagħmilha hienja b’dak kollu li hu. U min-naħa l-oħra, huma proprju d-dettalji l-iżjed ċkejknin – dan kollu għexnieh – li jżommu u jwasslu bl-aħjar mod il-ferħ: id-dettall ta’ min imidd pass ċkejken iktar mis-soltu u jħabrek biex il-ħniena tixtered f’artijiet li mhuma ta’ ħadd; id-dettall ta’ min jiddeċiedi li jikkonkretizza u jiffissa l-jum u s-siegħa tal-laqgħa; id-dettall ta’ min, b’disponibbiltà ħelwa, iħalli lil min jeħodlu mill-ħin tiegħu…

 

Il-Bxara hienja tista’ tidher sempliċiment mod ieħor kif ngħidu “Vanġelu”, bħal “bxara t-tajba”, jew “aħbar it-tajba”. Madankollu, fiha xi ħaġa li tiġbor il-bqija kollu: il-ferħ tal-Vanġelu. Tiġbor fiha kollox għax hi hienja fiha nfisha.

 

Il-Bxara hienja hi l-ġawhra prezzjuża tal-Vanġelu. Mhix oġġett, hi missjoni. Dan jafu kull min iduq “dak il-hena ħelu, li jagħti l-qawwa tal-evanġelizzatur” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 10).

 

Il-Bxara hienja titnissel mid-Dilka. L-ewwel, id-“dilka kbira saċerdotali” ta’ Ġesù, hi dik li wettaq l-Ispirtu s-Santu fil-ġuf ta’ Marija.

 

F’dawk il-jiem, it-Tħabbira hienja wasslet lill-Omm Verġni tgħanni l-Magnificat, imliet bi skiet qaddis il-qalb ta’ żewġha Ġużeppi, u ġagħlet jaqbeż bil-ferħ lil Ġwanni fil-ġuf ta’ ommu Eliżabetta.

 

Illum, Ġesù jirritorna Nazaret, u l-ferħ tal-Ispirtu jġedded id-Dilka fis-sinagoga żgħira tar-raħal: l-Ispirtu joqgħod u jissawwab fuqu u jidilku b’żejt il-hena (ara Salm 45:8).

 

Il-Bxara hienja. Kelma waħda – Vanġelu – li hi u titħabbar issir verità hienja u ħanina.

 

Jalla ħadd ma jipprova jifred dawn it-tliet grazzji tal-Vanġelu: il-Verità tiegħu – mhix negozjabbli –, il-Ħniena tiegħu – bla qies mal-midinbin kollha –, u l-Ferħ tiegħu – intimu u inklusiv –. Verità, Ħniena u Ferħ: it-tlieta flimkien.

 

Il-verità tal-Bxara hienja qatt ma tista’ tkun biss verità astratta, minn dawk li ma jitlaħħmu qatt b’mod sħiħ fil-ħajja tal-persuni għax iħossuhom iżjed komdi fl-ittra stampata tal-kotba.

 

Il-ħniena tal-Bxara hienja qatt ma tista’ tkun dak is-sentiment falz ta’ min jitħassar lil xi ħadd, imma li jħalli lill-midneb fil-miżerja tiegħu għax ma jnewwillux idu biex jasal jieqaf fuq riġlejh u lanqas jakkumpanjah biex imidd pass ’il quddiem fl-impenn tiegħu.

 

Il-Bxara ma tista’ tkun qatt imnikkta jew newtrali, għax hi espressjoni ta’ ferħ kollu kemm hu personali: “il-ferħ ta’ Missier li ma jrid li jintilef ħadd miċ-ċkejknin tiegħu” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 237): il-ferħ ta’ Ġesù meta jara lill-foqra jiġu evanġelizzati u liċ-ċkejknin jevanġelizzaw (ara ibid., 5).

 

Il-ferħat tal-Vanġelu – issa qed nuża l-plural, għax huma ħafna u differenti, skont kif l-Ispirtu jrid jikkomunika f’kull epoka, lil kull persuna f’kull kultura partikolari – huma ferħat speċjali. Jitqiegħdu f’damiġġani ġodda tal-ġild, dawk li dwarhom jitkellem il-Mulej biex jesprimi l-karattru ġdid tal-messaġġ tiegħu.

 

Naqsam magħkom, għeżież saċerdoti, għeżież ħuti, tliet ikoni ta’ damiġġani ġodda fejn il-Bxara hienja tista’ tinħażen tajjeb – hemm bżonn naħżnuha – ma ssirx ħall, u tissawwab bil-kotra.

 

Ikona tal-Bxara hienja hi dik tal-ġarar tal-ħaġar fit-tieġ ta’ Kana (ara Ġw 2:6). F’dettall minnhom, huma bħal rifless tajjeb ta’ dik id-Damiġġana perfetta li hija – hi nfisha, kollha kemm hi – il-Madonna, il-Verġni Marija. Jgħid il-Vanġelu li “mlewhom sax-xfar” (Ġw 2:7). Nistħajjel lil xi ħadd mill-qaddejja jħares lejn Marija biex jara jekk daqshekk kienx biżżejjed u kien hemm xi ġest li bih hi qaltlu jżid xi żewġ pulzieri oħra. Marija hi d-damiġġana ġdida ta’ sħuħija li tittieħed. Għax għeżież, mingħajr il-Madonna ma nistgħux nimxu ’l quddiem fis-saċerdozju tagħna! Hi “l-qaddejja ċkejkna tal-Missier li taqbeż bil-ferħ fit-tifħir” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 286), il-Madonna li tiġi dritt, dik li malli nisslet fil-ġuf safi tagħha lill-Verb tal-ħajja, tmur iżżur u taqdi lil qaribtha Eliżabetta. Is-sħuħija tagħha li tittieħed tgħinna negħlbu t-tentazzjoni tal-biża’: meta ma nsibux il-kuraġġ li nimtlew sax-xfar u anki iżjed, meta noqogħdu lura milli mmorru nxerrdu l-ferħ tagħna lill-oħrajn. Xejn minn dan kollu, għax “il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù” (ibid., 1).

 

It-tieni ikona tal-Bxara hienja li rrid naqsam magħkom hi dik il-ġarra li – flimkien mal-kuċċarun tal-injam tagħha – taħt ix-xemx tisreġ ta’ nofsinhar, kienet qed iġġorr fuq rasha s-Samaritana (ara Ġw 4:5-30). Tesprimi tajjeb kwistjoni essenzjali: dik tal-konkretezza. Il-Mulej, li hu l-Għajn tal-Ilma ħaj, ma kellux biex itella’ l-ilma u jixrob ftit. U l-mara Samaritana tellgħetlu l-ilma bil-kuċċarun mill-ġarra tagħha u qatgħet l-għatx tal-Mulej. U hu qatgħalha għatx akbar bl-istqarrija tad-dnubiet veri tagħha. Meta heżżeż id-damiġġana ta’ dik ir-ruħ Samaritana, l-Ispirtu s-Santu kollu ħniena ssawwab fuq in-nies kollha ta’ dak ir-raħal ċkejken, li stiednu lil Ġesù biex jieqaf għandhom.

 

Damiġġana ġdida b’din il-konkretezza inklusiva l-Mulej tahielna fir-ruħ “Samaritana” li kienet Madre Teresa ta’ Calcutta. Hu sejħilha u qalilha: “Għandi l-għatx”. “Ċkejkna tiegħi, ejja, ħudni fit-toqob tal-foqra. Ejja, kun id-dawl tiegħi. Ma nistax immur waħdi. Ma jafunix, u għalhekk ma jridunix. Ħudni int għandhom”. U hi bdiet minn ħaġa konkreta, bit-tbissima tagħha u bil-mod kif b’idejha kienet tmiss il-ġrieħi tagħhom, wasslet il-Bxara hienja lil kulħadd. Il-mod kif kienet tmiss il-ġrieħi b’idejha: iż-żegħil saċerdotali lill-morda, lil ta’ qalbhom maqtugħa. Is-saċerdot bniedem tal-ħlewwa. Konkretezza u ħlewwa!

 

It-tielet ikona tal-Bxara hienja hi d-Damiġġana immensa tal-Qalb minfuda tal-Mulej: integrità ta’ qalb ħelwa, umli u fqajra, li tiġbed lil kulħadd lejha. Minnu rridu nitgħallmu illi ma nistgħux inħabbru ferħ kbir lil dawk li huma foqra ħafna jekk mhux b’mod rispettuż u umli sal-punt tal-umiljazzjoni. L-evanġelizzazzjoni ma tistax tkun prużuntuża. Konkreta, ħelwa u umli: hekk l-evanġelizzazzjoni tkun hienja. Ma tistax tkun prużuntuża l-evanġelizzazzjoni, ma tistax tkun riġida l-integrità tal-verità, għax il-verità saret laħam, saret ħlewwa, saret tarbija, saret raġel, saret dnub fuq is-salib (ara 2 Kor 5:21). L-Ispirtu jħabbar u jgħallem “il-verità kollha” (Ġw 16:13) u ma jibżax idewwaqhielna biċċa biċċa. L-Ispirtu jgħidilna f’kull ħin dak li għandna ngħidu lil dawk li jeħduha kontrina (ara Mt 10:19) u jdawwal il-pass ċkejken ’il quddiem li f’dak il-ħin inkunu nistgħu nagħmlu. Din l-integrità umli timla lill-foqra bil-ferħ, trodd il-ħajja lill-midinba, tagħti n-nifs lil dawk li huma mjassra mix-xitan.

 

Għeżież saċerdoti, aħna u nikkontemplaw u nixorbu minn dawn it-tliet damiġġani ġodda, il-Bxara hienja tħalli fina s-sħuħija li tittieħed u li l-Madonna tgħaddilna b’dak kollu li hi, il-konkretezza inklusiva tat-tħabbira tas-Samaritana, u l-integrità umli li biha l-Ispirtu jgelgel u jissawwab, bla waqfien, mill-Qalb minfuda ta’ Sidna Ġesù.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard