ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-XXXI Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 20 ta’ Marzu 2016

 

“Imbierek min ġej f’isem il-Mulej” (ara Lq 19:38), għajtet b’ton ta’ festa l-kotra ta’ Ġerusalemm hi u tilqa’ lil Ġesù.  Aħna għamilna tagħna wkoll dan l-entużjażmu: xejjirna l-palm u l-friegħi taż-żebbuġ, u hekk esprimejna l-ġieħ u l-ferħ, ix-xewqa li nilqgħu lil Ġesù li ġej għandna.  Iva, kif daħal Ġerusalemm, Hu jixtieq jidħol fil-bliet u l-ħajja tagħna.  Kif għamel fil-Vanġelu, meta rikeb fuq felu ta’ ħmara, jiġi għandna umli, imma jiġi “f’isem il-Mulej”: bil-qawwa ta’ l-imħabba divina tiegħu jaħfrilna dnubietna u jħabbibna mill-ġdid mal-Missier u magħna nfusna.

 

Ġesù jieħu gost bil-manifestazzjoni popolari ta’ rispett li turih in-nies, u meta l-Fariżej riduh isikket lit-tfal u lill-oħrajn li kienu qed ifaħħruh, iwieġeb: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel” (Lq 19:40).  Xejn ma seta’ jwaqqaf l-entużjażmu li nħoloq għad-daħla ta’ Ġesù; xejn ma jista’ jżommna milli nsibu Fih l-għajn tal-ferħ tagħna, il-ferħ veru, li jibqa’ u jagħti l-paċi; għax Ġesù biss jista’ jsalvana mir-rabtiet tad-dnub, tal-mewt, tal-biża’ u tad-dwejjaq.

 

Imma l-Liturġija tal-lum tgħallimna li l-Mulej ma salvaniex b’xi daħla trijonfali jew b’xi mirakli qawwija.  L-Appostlu Pawlu, fit-Tieni Qari, jiġbor f’żewġ verbi l-mixja kollha tal-fidwa: “xejjen” u “ċekken” lilu nnifsu (Fil 2:7,8).  Dawn iż-żewġ verbi juruna sa fejn waslet l-imħabba ta’ Alla għalina.  Ġesù xejjen lilu nnifsu: iċċaħħad mill-glorja ta’ Iben ta’ Alla u sar Bin il-bniedem, biex f’kollox ikun solidali magħna l-midinbin, Hu li hu bla dnub.  Mhux hekk biss: għex fostna fin-“natura ta’ lsir” (v. 7): mhux ta’ sultan, lanqas ta’ prinċep, imma ta’ lsir.  Għalhekk ċekken lilu nnifsu, u l-abbiss ta’ l-umiljazzjoni tiegħu, li turina din il-Ġimgħa Mqaddsa, donnu bla qiegħ.

 

L-ewwel ġest ta’ din l-imħabba “għall-aħħar” (Ġw 13:1) hu l-ħasil tar-riġlejn.  “Il-Mulej u l-Imgħallem” (Ġw 13:14) tbaxxa sar-riġlejn tad-dixxipli, kif il-qaddejja biss jagħmlu.  Uriena bl-eżempju li għandna bżonn inħallu lil imħabbtu tilħaqna, titbaxxa lejna; ma nistgħux ngħaddu mingħajrha, ma nistgħux inħobbu qabel ma l-ewwel inħallu Lilu jħobbna, bla ma nduqu l-ħlewwa ta’ l-għaġeb tiegħu u bla ma naċċettaw li l-imħabba vera tikkonsisti fil-qadi konkret.

 

Imma dan hu biss il-bidu.  L-umiljazzjoni li jġarrab Ġesù tasal sa l-estremità tagħha fil-Passjoni: jinbiegħ għal tletin biċċa tal-fidda u jiġi ttradut b’bewsa minn dixxiplu li hu kien għażel u sejjaħlu ħabib.  L-oħrajn kważi kollha jaħarbu u jitilquh waħdu; Pietru jiċħdu tliet darbiet fil-bitħa tat-Tempju.  Umiljat fil-qalb tiegħu b’żebliħ, tagħjir u bżieq, iġarrab f’ġismu vjolenza mill-aktar orribbli: id-daqqiet ta’ ħarta, is-swat u l-kuruna tax-xewk iġibuh ma jibqax jintgħaraf.  Iġarrab ukoll l-għajb u l-kundanna inġusta ta’ l-awtoritajiet, reliġjużi u politiċi: sar dnub u tqies inġust.  Imbagħad Pilatu jibagħtu għand Erodi u dan jibagħtu lura għand il-Gvernatur Ruman: waqt li jiġi mċaħħad minn kull ġustizzja, Ġesù jħoss fuqu wkoll l-indifferenza, għax ħadd ma jrid jassumi r-responsabbiltà tad-destin tiegħu.  U hawn naħseb f’tant persuni, f’tant emarġinati, f’tant immigranti, f’tant rifuġjati, f’dawk li ħadd ma jrid jerfa’ r-responsabbiltà tad-destin tagħhom.  Il-kotra, li ftit tal-ħin qabel kienet laqgħetu bil-ġieħ, tibdel it-tifħir tagħha f’għajta ta’ akkuża, u saħansitra tippreferi li floku jinħeles qattiel.  Hekk jasal għall-mewt tas-salib, li fiha l-akbar uġigħ u hi l-aktar infami, miżmuma għat-tradituri, għall-ilsiera, għall-agħar kriminali.  Imma s-solitudni, il-kalunnja u l-uġigħ għadhom m’humiex il-quċċata tat-tneżżigħ tiegħu.  Biex f’kollox ikun solidali magħna, fuq is-salib jgħaddi wkoll mill-abbandun misterjuż tal-Missier.  Fl-abbandun, imma, jitlob u jintreħa f’idejn Alla: “Missier, f’idejk nerħi ruħi” (Lq 23:46).  Minxur mal-patibolu, barra ż-żebliħ, jaffronta l-aħħar tentazzjoni: il-provokazzjoni biex jinżel mis-salib, biex jegħleb il-ħażen bil-qawwa u juri l-wiċċ ta’ alla qawwi u invinċibbli.  Imma Ġesù, propju hawn, fil-qofol tat-tixjin tiegħu, juri l-wiċċ veru ta’ Alla, li hu ħniena.  Jaħfer lil dawk li sallbuh, jiftaħ bieb il-Ġenna għall-ħalliel niedem u jmiss il-qalb taċ-ċenturjun.  Jekk hu fond il-misteru tal-ħażen, bla tarf hi r-realtà ta’ l-Imħabba li niżlet fih, u waslet sal-qabar u fl-imwiet, u hekk refgħet fuqha l-uġigħ kollu tagħna biex tifdih, ġabet id-dawl fid-dlam, il-ħajja fil-mewt, l-imħabba fil-mibegħda.

 

Jista’ jidhrilna mbiegħed dan il-mod ta’ kif jaġixxi Alla, li xxejjen għalina, meta aħna nsibuha bi tqila saħansitra li ninsew xi ftit lilna nfusna.  Hu jiġi jsalvana; aħna msejħin nagħżlu t-triq tiegħu: it-triq tal-qadi, ta’ l-għotja, li ninsew lilna nfusna.  Nistgħu nimxu f’din it-triq billi matul dawn il-jiem nieqfu nħarsu lejn il-Kurċifiss, għax hu l-“kattedra ta’ Alla”.  Matul din il-ġimgħa nistedinkom biex tħarsu spiss lejn din il-“kattedra ta’ Alla” ħalli titgħallmu l-imħabba umli, li tifdi u tagħti l-ħajja, biex tiċħdu l-egoiżmu, it-tiftix tal-poter u tal-fama.  Bl-umiljazzjoni tiegħu, Ġesù jgħallimna nimxu fit-triq tiegħu.  Indawru ħarsitna Lejh, u nitolbuh il-grazzja li nifhmu għall-inqas xi ħaġa minn dan il-misteru tat-tixjin tiegħu għalina; u hekk, fis-skiet, nikkontemplaw il-misteru ta’ din il-Ġimgħa.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard