ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

It-XXX Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2015

 

Fil-qalba ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, li tidher hekk festiva, hemm il-kelma li smajna fl-innu meħud mill-Ittra lill-Filippin: “Ċekken lilu nnifsu” (2:8).  L-umiljazzjoni ta’ Ġesù.

 

Din il-kelma tikxfilna l-istil ta’ Alla u, konsegwentement, dak li għandu jkun tan-Nisrani: l-umiltà.  Stil li qatt m’hu ħa jieqaf jissorprendina u jpoġġina fi kriżi: qatt ma nistgħu nidraw Alla umli!

 

L-umiljazzjoni hi qabel xejn l-istil ta’ Alla: Alla jiċċekken biex jista’ jimxi mal-poplu tiegħu, biex jissaporti l-infedeltajiet tiegħu.  Dan narawh tajjeb ħafna meta naqraw l-istorja ta’ l-Eżodu: x’umiljazzjoni għall-Mulej jisma’ dak it-tgemgim kollu, dak it-tgergir!  Kien kontra Mosè, imma fl-aħħar mill-aħħar kienu qed jeħduha kontriH, Missierhom, li kien ħariġhom mill-jasar u mexxiehom huma u jaqsmu d-deżert sa art il-ħelsien.

 

F’din il-Ġimgħa, il-Ġimgħa Mqaddsa, li ħa twassalna għall-Għid, aħna rridu nimxu f’din it-triq ta’ l-umiljazzjoni ta’ Ġesù.  Hekk biss tkun “imqaddsa” anki għalina!

 

Se nisimgħu t-tkasbir tal-kapijiet tal-poplu tiegħu u l-qerq tagħhom biex ineħħuh.  Se naraw it-tradiment ta’ Ġuda, wieħed mit-Tnax, li sa jbiegħu għal tletin biċċa tal-fidda.  Se nilmħu lill-Mulej jiġi maqbud u arrestat bħallikieku kien xi delinkwent; mitluq mid-dixxipli tiegħu; imkaxkar quddiem is-Sinedriju, ikkundannat għall-mewt, imsawwat u mżeblaħ.  Se nisimgħu kif Pietru, il-“blata” tad-dixxipli, jiċħdu għal tliet darbiet.  Nisimgħu l-għajat tal-folla, mimlija kontrih mill-kapijiet, li titlob il-ħelsien ta’ Barabba, u li Hu jiġi msallab.  Narawh iżżuffjettat mis-suldati, imlibbes mantar tal-porpra, inkurunat bix-xewk.  U mbagħad, matul it-triq tat-tbatija u taħt is-salib, nisimgħu t-tagħjir tan-nies u tal-kapijiet, li jwaqqgħuh għaċ-ċajt għax qal li hu Sultan u Bin Alla.

 

Din hi t-triq ta’ Alla, it-triq ta’ l-umiltà.  Hi it-triq ta’ Ġesù, m’hemmx oħra.  U m’hemmx umiltà mingħajr umiljazzjoni.

 

L-Iben ta’ Alla mxieha sa l-aħħar din it-triq, u hekk ħa n-“natura ta’ lsir” (ara Fil 2:7).  Fil-fatt, umiltà tfisser qadi, tfisser li nagħmlu wisa’ għal Alla billi ninżgħu minna nfusna, “nixxejnu”, kif tgħid l-Iskrittura (v. 7).  Din – it-tixjin tagħna nfusna – hi l-akbar umiljazzjoni.

 

Hemm triq li tmur kontra dik ta’ Kristu: il-mondanità.  Il-mondanità toffrilna t-triq tal-vanità, tal-kburija, tas-suċċess…  Din hi t-triq l-oħra.  Il-ħażin anki lil Ġesù pproponieha, tul dawk l-erbgħin jum fid-deżert.  Imma Ġesù warrabha minn quddiemu bla dewmien.  U miegħU, bil-grazzja tiegħu biss, bl-għajnuna tiegħu, anki aħna nistgħu negħlbu din it-tentazzjoni tal-vanità, tal-mondanità, mhux biss fl-okkażjonijiet il-kbar, imma anki fiċ-ċirkustanzi komuni tal-ħajja.

 

F’dan hemm jgħinna u jfarraġna l-eżempju ta’ tant irġiel u nisa li, fis-skiet u fil-moħbi, kuljum jiċħdu lilhom infushom biex jaqdu lill-oħrajn: xi qarib marid, anzjan waħdu, persuna diżabbli, xi ħadd bla saqaf fuq rasu…

 

Ejjew naħsbu wkoll fl-umiljazzjoni ta’ dawk kollha li minħabba l-imġiba tagħhom fidila lejn il-Vanġelu huma ddiskriminati u qed iħallsu b’ħajjithom.  U naħsbu f’ħutna rġiel u nisa ppersegwitati għax huma Nsara, il-martri tal-lum – għandna ħafna minnhom – li ma jiċħdux lil Ġesù u jġarrbu b’dinjità tmaqdir u tkasbir.  Huma mexjin warajh fit-triq tiegħu.  Nistgħu tabilħaqq nitkellmu dwar “sħaba kbira ta’ xhieda”: il-martri ta’ żmienna (ara Lhud 12:1).

 

Matul din il-Ġimgħa, ejjew aħna wkoll niddeċiedu li nimxu f’din it-triq ta’ l-umiltà, b’tant imħabba lejH, il-Mulej u Feddej tagħna.  Ħa tkun l-imħabba li tmexxina u tqawwina.  U fejn hemm Hu, inkunu aħna wkoll (ara Ġw 12:26).

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard