ĦADD I-PALM U ĦADD IL-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

XXIX Jum Dinji Taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd, 13 ta’ April 2014

 

Din il-ġimgħa tibda bil-purċissjoni ferrieħa bil-friegħi taż-żebbuġ: il-poplu kollu jilqa’ ‘l Ġesu’.  It-tfal, iż-żgħażagħ ikantaw, ifaħħru lil Ġesu’.

Imma din il-ġimgħa tkompli fil-misteru tal-mewt ta’ Ġesu’ u tal-Qawmien tiegħu.  Smajna l-r-rakkont tal-Passjoni tal-Mulej.  Jagħmlilna tajjeb jekk biss nagħmlu mistoqsija waħda:  Jien min jien?  Jien min jien quddiem il-Mulej tiegħi?  Jien min jien quddiem Ġesu’ li jidħol f’festa Ġerusalemm?  Jien għandi l-qawwa li nesprimi l-ferħ tiegħi, li nfaħħru?  Jew inżomm ruħi ‘l bogħod?  Jien min jien, quddiem Ġesu’ li jbati?

Smajna ħafna ismijiet, ħafna ismijiet.  Il-grupp tal-mexxejja, xi saċerdoti, xi fariżej, xi imgħallmin tal-liġi, li kienu ddeċidew li joqtluH.  Kienu jistennew l-okkażżjoni biex jaqbduh.  Jiena bħal xi wieħed minnhom?

Smajna wkoll isem ieħor: Ġuda.  30 munita.  Jiena bħal Ġuda?  Smajna ismijiet oħrajn: id-dixxipli li ma kienu qed jifhmu xejn, li kienu reqdin waqt li l-Mulej kien qed ibati.  Il-ħajja tiegħi hija rieqda?  Jew jiena bħad-dixxipli li ma kienux qed jifhmu x’jiġifieri tittradixxi lil Ġesu’?  Bħad-dixxiplu l-ieħor li ried isolvi kollox bis-sejf:  Jiena bħalhom?  Jiena bħal Ġuda, li jagħmel ta’ bir-ruħu li jħobb u jbus l-Imgħallem biex jagħtih f’idejn l-għedewwa, biex jittradiH?  Jien traditur?  Jiena bħal dawk il-mexxejja li bil-għaġġla jwaqqfu t-tribunal u jfittxu xhieda foloz: jiena wieħed minnhom?  U meta nagħmel dawn il-ħwejjeġ, jekk nagħmilhom, nemmen li b’daqshekk se nsalva l-poplu?

Jiena bħal Pilatu?  Meta nara li s-sitwazzjoni hija diffiċli, naħsel idejja u ma nerfax ir-responsabbilta tiegħi u nħalli li jiġu kkundannati – jew nikkundanna jiena – l-persuni?

Jiena bħal dik il-folla li ma kenitx taf sewwa jekk kenitx f’laqgħa reliġjuża, jew f’qorti jew f’xi spettaklu, u tagħżel lil Barabba?  Għalihom kien l-istess: kienet aktar okkażżjoni li jieħdu gost sabiex jumiljaw lil Ġesu’.

Jiena bħas-suldati li jsawwtu lill-Mulej, li jobżqulu, li jinsultawH, li jgħaddu ż-żmien billi jumiljaw il-Mulej?

Jiena bħaċ-Ċirinew li waqt li kien ġej lura mix-xogħol, għajjien, imma li kellu rieda tajba li jgħin lill-Mulej iġorr is-salib?

Jiena bħal dawk li kienu għaddejjin quddiem is-Salib u kienu jiddieħku b’Ġesu’: “Kien daqshekk kuraġġjuż!  Ħa jinżel mis-salib, u aħna nemmnu fiH!”.  Twaqqa’ għaċ-ċajt lil Ġesu’ ...

Jiena bħal dawk in-nisa kuraġġjużi, jew bħal Omm Ġesu’, li kienu hemm, ibatu fis-skiet?

Jiena bħal Ġużeppi, id-dixxiplu bil-moħbi, li jġib il-ġisem ta’ Ġesu’ bi mħabba, biex jidfnu?

Jiena bħaż-żewġ Marijiet li jibqgħu quddiem il-qabar jibku, jitolbu?

Jiena bħal dawk il-kapijiet li l-għada marru għand Pilatu biex jgħidulu: “Ħares li dan kien qal li kien sejjer iqum.  Li ma jseħħx xi ngann ieħor!” u jagħalqu l-ħajja, jagħalqu l-qabar biex jiddefendu d-duttrina, sabiex il-ħajja ma toħroġx barra?

Fejn hija qalbi?  Lil min nixbah jiena minn dawn il-persuni ?  Jalla din il-mistoqsija takkumpanjana matul din il-ġimgħa kollha.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.