QUDDIESA TA’ L-IKLA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Knisja “Missierna”

Casa circondariale Nuovo Complesso Rebibbia, Ruma

Ħamis ix-Xirka, 2 ta’ April 2015

 

F’dan il-Ħamis, Ġesù qagħad fuq il-mejda mad-dixxipli tiegħu, u ċċelebera l-festa ta’ l-Għid.  U s-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna fiha frażi li hi propju ċ-ċentru ta’ dak li għamel Ġesù għalina lkoll: “Hu li kien ħabb li tiegħu, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1).  Ġesù ħabbna.  Ġesù jħobbna.  Bla limiti, dejjem, sa l-aħħar.  L-imħabba ta’ Ġesù għalina m’għandhiex limiti: dejjem iżjed, dejjem iktar.  Ma jegħjiex iħobb.  Lil ħadd.  Iħobb lilna lkoll, sal-punt li jagħti ħajtu għalina.  Iva, jagħti ħajtu għalina; iva, jagħti ħajtu għalina lkoll, jagħti ħajtu għal kull wieħed u waħda minna.  U kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Hu ta ħajtu għalija”.  Kull wieħed.  Ta ħajtu għalik, għalik, u għalik, għalija, għal dak… għal kulħadd, b’ismu u b’kunjomu.  Hekk hi l-imħabba tiegħu: personali.  L-imħabba ta’ Ġesù qatt ma tqarraq, għax Hu ma jegħjiex iħobb, kif ma jegħjiex jaħfer, ma jegħjiex jgħannaqna miegħu.  Din hi l-ewwel ħaġa li ridt ngħidilkom: Ġesù ħabbna, lil kull wieħed u waħda minna, sa l-aħħar.

 

U mbagħad, jagħmel din il-ħaġa li d-dixxipli ma setgħux jifhmu: ħaslilhom riġlejhom.  F’dak iż-żmien, kienet drawwa, din, kienet użanza, għax in-nies meta kienet tasal id-dar, kien ikollha saqajha maħmuġin bit-trab tat-triq; ma kienx hemm is-sampietrini dak iż-żmien  Kien hemm it-trab fit-triq.  U fid-daħla tad-dar, kienu jaħslu riġlejhom.  Imma dan ma kienx jagħmlu sid id-dar, imma l-ilsiera kienu jagħmluh.  Kien xogħol l-iskjavi.  U Ġesù bħal wieħed ilsir jaħslilna riġlejna, riġlejn id-dixxipli, u għalhekk jgħid: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien – jgħidlu lil Pietru –, tifhmu aktar ’il quddiem” (Ġw 13:7).  Ġesù, tant hi kbira mħabbtu, li sar ilsir biex jaqdina, biex ifejjaqna, biex inaddafna.

 

U l-lum, f’din il-Quddiesa, il-Knisja trid li s-saċerdot jaħsel riġlejn tnax-il persuna, b’tifkira tat-Tnax-il Appostlu.  Imma fil-qalb tagħna jrid ikollna ċ-ċertezza, jeħtieġ li nkunu żguri li l-Mulej, meta jaħslilna riġlejna, qed jaħslilna kollox, qed isaffina, qiegħed għal darb’oħra jġagħilna nħossu mħabbtu.  Fil-Bibbja hemm frażi, fil-profeta Isaija, sabiħa wisq; tgħid: “Tista’ omm tinsa lil binha?  Imma mqar jekk omm tinsa lil binha, jien ma ninsiek qatt” (ara 49:15).  Daqshekk hi kbira l-imħabba ta’ Alla għalina.

 

U jien il-lum se naħsel riġlejn tnax minnkom, imma f’dawn l-aħwa hemm intom kollha, ilkoll, ilkoll.  Dawk kollha li jgħixu hawn.  Intom qed tirrappreżentaw lilhom.  Imma anki jien għandi bżonn li niġi maħsul mill-Mulej, u għalhekk itolbu matul din il-Quddiesa biex il-Mulej jaħsilni wkoll mill-ħmieġ tiegħi, biex insir iżjed ilsir tagħkom, iżjed ilsir fil-qadi tal-poplu, kif kien Ġesù.

 

Issa nibdew din il-parti taċ-ċelebrazzjoni.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard