ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

ĠUBLEW TAL-MORDA U L-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 12 ta’ Ġunju 2016

 

“Issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:19-20). L-Appostlu Pawlu jinqeda bi kliem qawwi ħafna biex jesprimi l-misteru tal-ħajja Nisranija: kollox jinġabar fid-dinamiżmu Paskwali tal-mewt u l-qawmien, li rċivejna fil-Magħmudija. Fil-fatt, bit-tgħaddis fl-ilma kull persuna qisha tkun mietet u ndifnet ma’ Kristu (ara Rum 6:3-4), waqt li, meta toħroġ minnu, tidher fiha l-ħajja ġdida fl-Ispirtu s-Santu. Din il-kundizzjoni ta’ twelid mill-ġdid tolqot il-ħajja kollha, f’kull aspett tagħha: anki l-mard, it-tbatija u l-mewt jidħlu fi Kristu, u jsibu Fih it-tifsira aħħarija tagħhom. Il-lum, fil-jum ġubilari ddedikat lil dawk li jġorru s-sinjali tal-mard u tad-diżabbiltà, din il-Kelma tal-ħajja ddoqq b’mod partikulari fil-Ġemgħa tagħna.

 

Fir-realtà, ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra aħna msejħin inħabbtu wiċċna u xi drabi rasna mad-dgħufijiet u l-mard tagħna jew ta’ ħaddieħor. U kemm uċuħ differenti jkollhom dawn l-esperjenzi hekk tipikament u drammatikament umani! Ikun xi jkun il-każ, huma jqegħdulna quddiemna b’aċċent iktar qawwi u pressanti l-mistoqsija fuq is-sens ta’ ħajjitna. F’qalbna jista’ jsib postu wkoll atteġġjament ċiniku, bħallikieku kollox seta’ jissolva billi nserrħu biss fuq il-qawwa tagħna. Drabi oħra, għall-kuntrarju, inqiegħdu l-fiduċja kollha tagħna fl-iskoperti tax-xjenza, billi naħsbu li bla dubju ta’ xejn f’xi parti tad-dinja hemm mediċina li tista’ tfejjaq dik il-marda. Imma b’xorti ħażina m’huwiex hekk, u anki kieku kienet teżisti dik il-mediċina, tkun aċċessibbli biss għal ftit min-nies.

 

In-natura umana, miġruħa mid-dnub, iġġorr miktuba fiha r-realtà tal-limiti. Nafu x’argument jinġab, speċjalment fi żminijietna, quddiem ħajja mmarkata minn limitazzjonijiet fiżiċi kbar. Jingħad li persuna marida jew diżabbli ma tistax tkun ferħana, għax m’hix kapaċi twettaq dak l-istil ta’ ħajja impost mill-kultura tal-pjaċir u tad-divertiment. Fi żmien meta ċerta kura tal-ġisem saret mît tal-massa u allura affari ekonomika, dak li hu imperfett għandu jitwarrab għall-ġenb, għax hu attentat kontra l-ferħ u s-serenità ta’ l-ipprivileġġjati u jqiegħed fi kriżi l-mudell dominanti. Aħjar inżommu dawn il-persuni għalihom, wara xi “ħajt” – forsi anki tad-deheb – jew fir-“riservi” tal-pjetiżmu u ta’ l-assistenzjaliżmu, biex ma jtellfux ir-ritmu tal-benessri falz. F’xi każijiet, saħansitra, jingħad li aħjar neħilsu minnhom malajr kemm jista’ jkun, biex ma jsirux piż ekonomiku insostenibbli fi żmien ta’ kriżi. Imma, fir-realtà, x’illużjoni jkun jgħix il-bniedem tal-lum meta jagħlaq għajnejh quddiem il-mard u d-diżabbiltà! Hu ma jifhimx is-sens veru tal-ħajja, li jġib miegħu wkoll l-aċċettazzjoni tat-tbatija u tal-limiti. Id-dinja ma ssirx aħjar għax magħmula biss minn persuni li minn barra jidhru “perfetti”, biex ma ngħidux “miżbugħa”, imma meta bejn il-bnedmin jikbru s-solidarjetà, l-aċċettazzjoni reċiproka u r-rispett. Kemm hu minnu kliem l-Appostlu: “Alla għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija” (1 Kor 1:27)!

 

Anki l-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd (Lq 7:36-8:3) jippreżentalna sitwazzjoni partikulari ta’ dgħufija. Il-midinba tiġi ġġudikata u mwarrba, waqt li Ġesù jilqagħha u jiddefendiha: “Ħabbet ħafna” (v. 47). Din hi l-konklużjoni ta’ Ġesù, attent għat-tbatija u għall-biki ta’ dik il-persuna. Il-ħlewwa tiegħu hi sinjal ta’ l-imħabba li Alla jsawwab fuq dawk li qed ibatu u jħossuhom esklużi. M’hemmx biss it-tbatija fiżika; il-lum, waħda mill-mardiet l-aktar frekwenti hi wkoll dik li tmiss ir-ruħ. Hi tbatija li tolqot ir-ruħ u tnikkitha għax sajma u mċaħħda mill-imħabba. Il-marda tad-dwejjaq. Meta wieħed fir-relazzjonijiet importanti ta’ ħajtu jgħaddi mid-delużjoni jew mit-tradiment, allura jħossu vulnerabbli, dgħajjef u bla difiża. It-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna mbagħad issir iktar b’saħħitha, u nirriskjaw li nitilfu l-okkażjoni tal-ħajja: li nħobbu, minkejja kollox. Inħobbu minkejja kollox!

 

Mill-banda l-oħra, il-ferħ li kulħadd jixtieq, jista’ jesprimi ruħu b’ħafna modi u nistgħu naslu għalih biss jekk kapaċi nħobbu. Din hi t-triq. Dejjem hi kwistjoni ta’ mħabba, m’hemmx triq oħra. Il-vera sfida hi dik ta’ min iħobb l-iżjed. Kemm persuni b’diżabbiltà u li qed ibatu jerġgħu jinfetħu għall-ħajja malli jiskopru li huma maħbuba! U kemm imħabba tista’ tnixxi minn qalb imqar minħabba fi tbissima! It-terapija tat-tbissima. Għalhekk id-dgħufija nfisha tista’ ssir faraġ u sostenn fis-solitudni tagħna. Ġesù, fil-passjoni tiegħu, ħabbna għall-aħħar (ara Ġw 13:1); fuq is-salib uriena l-Imħabba li tingħata bla qies. X’mard u tbatija nistgħu nakkużaw lil Alla li tefa’ fuqna illi mhux diġà jidhru fuq il-wiċċ ta’ Ibnu mislub? Ma’ l-uġigħ fiżiku tiegħu jiżdiedu ż-żebliħ, l-emarġinazzjoni u dawk li jitħassruh, waqt li Hu jwieġeb bil-ħniena li lil kulħadd tilqa’ u taħfer: “bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu” (Is 53:5; 1 Piet 2:24). Ġesù hu t-tabib li jfejjaq bid-duwa ta’ l-imħabba, għax jieħu fuqu t-tbatija tagħna u jifdiha. Aħna nafu li Alla jaf jifhem il-mard tagħna, għax Hu stess għadda minnu qabilna (ara Lhud 4:15).

 

Il-mod kif ngħixu l-mard u d-diżabbiltà jikxef xi mħabba lesti noffru. Kif naffrontaw it-tbatija u l-limiti tagħna hu kriterju ta’ kemm għandna libertà biex nagħtu sens lill-esperjenzi tal-ħajja, anki meta jidhru assurdi u li ma jimmeritaw ebda attenzjoni. Mela, ejjew ma nħallux dan it-tiġrib iħawwadna (ara 1 Tess 3:3). Nafu li fid-dgħufija nistgħu nsiru qawwija (ara 2 Kor 12:10), u nirċievu l-grazzja li nwettqu dak li hu nieqes fina mit-tbatijiet ta’ Kristu, għall-ġid tal-ġisem tiegħu li hu l-Knisja (ara Kol 1:24); ġisem li, fuq ix-xbieha ta’ dak ta’ Kristu Rxoxt, għadu jġorr il-pjagi, sinjali tat-taqbida qawwija, imma huma pjagi ttrasfigurati għal dejjem mill-imħabba.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard