ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

ĠUBLEW TAD-DJAKNI

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 29 ta’ Mejju 2016

 

“Qaddej ta’ Kristu” (Gal 1:10). Għadna kemm smajna din l-espressjoni, li biha l-Appostlu Pawlu jsejjaħ lilu nnifsu, meta jikteb lill-Galatin. Fil-ftuħ ta’ l-ittra qalilhom li, bir-rieda tal-Mulej Ġesù, hu “appostlu” (ara Gal 1:1). Iż-żewġ termini, appostlu u qaddej, imorru flimkien, qatt ma jistgħu jinfirdu minn xulxin; huma bħal żewġt uċuħ ta’ l-istess munita: min ixandar lil Ġesù hu msejjaħ jaqdi, u min jaqdi jkun ixandar lil Ġesù.

 

Il-Mulej dan uriehulna hu l-ewwel wieħed: Hu, il-Verb tal-Missier, Hu, li ġabilna l-bxara hienja (Is 61:1), Hu, li hu fih innifsu l-aħbar it-tajba (ara Lq 4:18), sar qaddej tagħna (Fil 2:7), “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi” (Mk 10:45). “Sar djaknu ta’ kulħadd”, kiteb wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja (Polikarpu, Ad. Phil. V,2). Kif għamel Hu, hekk huma msejħa jagħmlu x-xandara tiegħu. Id-dixxiplu ta’ Ġesù ma jistax jimxi triq differenti minn dik ta’ l-Imgħallem tiegħu, imma jekk irid ixandar jeħtieġ isir jixbhu, kif għamel Pawlu: jixxennaq li jsir qaddej. Fi kliem ieħor, jekk il-missjoni li għandu kull Nisrani mill-Magħmudija hi li jevanġelizza, li jaqdi hu l-istil li bih irid jgħix il-missjoni, l-uniku mod kif ikun dixxiplu ta’ Ġesù. Hu xhud tiegħu min jagħmel bħalu: min jaqdi lill-aħwa, bla ma jegħja jkun ta’ Kristu umli, bla ma jegħja mill-ħajja Nisranija li hi ħajja ta’ qadi.

 

Mnejn nibdew biex insiru “qaddejja tajba u fidili” (ara Mt 25:21)? Bħala l-ewwel pass, aħna mistiedna ngħixu d-disponibbiltà. Il-qaddej ta’ kuljum jitgħallem jiddistakka ruħu milli jinqeda b’kollox għalih innifsu u li jagħmel dak li jrid hu. Jitħarreġ kull fil-għodu kif jagħti ħajtu, kif jaħseb li kull ġurnata m’hix tiegħu, imma jrid jgħixha bħala għotja tiegħu nnifsu lill-oħrajn. Min jaqdi, fil-fatt, ma joqgħodx jgħasses għajjur fuq il-ħin tiegħu, anzi ma jridx ikun is-sid tal-ġurnata tiegħu. Jaf li ż-żmien li qed jgħix m’huwiex tiegħu, imma hu don li jirċievi minn għand Alla biex issa hu joffrih: hekk biss jista’ jagħmel frott tassew. Min jaqdi m’hux ilsir ta’ l-aġenda li jagħmel, imma, b’qalb ħelwa u umli, hu disponibbli għal dak li m’hux ipprogrammat: lest biex jaqdi lil ħuh u qalbu miftuħa għal dak li jista’ jinqala’ bla ma ppjanah, li qatt ma jonqos li jitfaċċa u spiss hu s-sorpriża ta’ kuljum ta’ Alla. Il-qaddej hu miftuħ għas-sorpriża, għas-sorpriżi li jagħmillu ta’ kuljum Alla. Il-qaddej jaf jiftaħ il-bibien ta’ ħinu u ta’ l-ispazji tiegħu għal min jinsab qrib tiegħu u anki għal min iħabbat barra mill-ħin, anki jekk ikollu jitlaq f’nofsha xi ħaġa li togħġbu jew il-mistrieħ li jixraqlu. Il-qaddej jittraskura [imur lil hemm mill-] il-ħinijiet stabbiliti. Lili tuġagħni qalbi meta nara orarju, fil-parroċċi: “Minn din is-siegħa sa dik is-siegħa”. U mbagħad? M’hemmx bieb miftuħ, m’hemmx qassis, m’hemmx djaknu, m’hemmx lajk li jilqa’ n-nies… Dan ħażin. Tittraskura [tmur lil hemm mill-] il-ħinijiet stabbiliti ta’ l-orarju. Hekk, għeżież djakni, jekk tgħixuh bid-disponibbiltà, il-qadi tagħkom ikun meħlus minn kull vantaġġ personali u jsir għammiel skond il-Vanġelu.

 

Anki l-Vanġelu tal-lum ikellimna dwar il-qadi, meta jurina żewġ qaddejja, li minnhom nistgħu nieħdu tagħlim prezzjuż: il-qaddej taċ-ċenturjun, li jiġi mfejjaq minn Ġesù, u ċ-ċenturjun innifsu, għall-qadi ta’ l-Imperatur. Il-kliem li dan jibgħat jgħid lil Ġesù, biex ma joqgħodx jinqala’ u jiġi f’daru, hu sorprendenti u spiss hu bil-kontra tat-talb li nagħmlu aħna: “Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi” (Lq 7:6); “ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess” (v. 7); “jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor” (v. 8). Quddiem dan il-kliem Ġesù jibqa’ mistagħġeb. Tolqtu l-umiltà kbira taċ-ċenturjun, il-ħlewwa ta’ qalbu. U l-ħlewwa ta’ qalb umli hi waħda mill-virtujiet tad-djakni. Meta d-djaknu għandu qalbu ħelwa, hu qaddej u ma joqgħodx jilgħabha ta’ “kopja” tal-qassisin, le, hu qalbu ħelwa u umli. Hu, quddiem il-problema li kienet qed tifnih, seta’ aġita ruħu u ppretenda li talbu jiġi maqlugħ, u juri li l-awtorità tiegħu tiswa; seta’ pprova jikkonvinċi b’insistenza, sa anki jġiegħel lil Ġesù jmur f’daru. Imma hu jiċċekken, jibqa’ wara l-kwinti, umli, ma jgħollix leħnu u ma jridx jaqilgħu. Forsi bla ma jaf, qed iġib ruħu skond l-istil ta’ Alla, li hu “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Fil-fatt, Alla, li hu mħabba, għall-imħabba tagħna jasal ukoll biex isir qaddej tagħna: magħna jistabar, hu twajjeb, dejjem lest u dispost, ibati minħabba fl-iżbalji tagħna u jfittex mod kif jgħinna u jagħmilna aħjar. Dawn huma wkoll il-kwalitajiet ħelwa u umli tal-qadi Nisrani, li jfisser li nixbhu lil Alla billi naqdu lill-oħrajn: nilqgħuhom bi mħabba kollha sabar, ma nehdew qatt nifhmuhom, ngħinuhom iħossuhom milqugħa, f’darhom, fil-komunità ekkleżjali, fejn il-kbir m’hux dak li jikkmanda, imma li jaqdi (ara Lq 22:26). U ma ngħollu qatt leħinna, qatt. Hekk, għeżież djakni, fil-ħlewwa, tikber is-sejħa tagħkom ta’ ministri ta’ l-imħabba.

 

Wara l-Appostlu Pawlu u ċ-ċenturjun, fil-qari tal-lum hemm it-tielet qaddej, dak li Ġesù jfejjaq. Fir-rakkont jingħad li kien għażiż ħafna għal sidu u li kien marid, imma ma nafux x’kienet il-marda gravi li kellu (v. 2). B’xi mod, nistgħu aħna wkoll naraw lilna nfusna f’dak il-qaddej. Kull wieħed u waħda minna hu għażiż ħafna għal Alla, maħbub u magħżul minnu, u hu msejjaħ biex jaqdi, imma qabel xejn għandu bżonn il-fejqan interjuri. Biex ikollna l-ħila nidħlu għall-qadi, għandna bżonn is-saħħa tal-qalb: qalb imfejqa minn Alla, li tħossha maħfura u la tkun magħluqa u lanqas iebsa. Jagħmlilna tajjeb jekk ta’ kuljum nitolbu dan b’fiduċja, nitolbu li niġu mfejqa minn Ġesù, li nixbhu dejjem iżjed lilu, li “ma jsejħilniex iktar qaddejja, imma ħbieb” (ara Ġw 15:15). Għeżież djakni, ta’ kuljum tistgħu titolbu din il-grazzja fit-talb, f’talb fejn tressqu t-taħbit, dak li nqalgħalkom bla ma ppjanajtuh, l-għeja u t-tamiet tagħkom: talba vera, li tressaq il-ħajja lejn Alla u lil Alla lejn il-ħajja. U meta taqdu l-mejda Ewkaristika, hemm issibu l-preżenza ta’ Ġesù, li jingħata għalikom, biex intom tingħataw għall-oħrajn.

 

Hekk, b’ħajja mogħtija għall-oħrajn, b’qalb ħelwa u umli u fi djalogu kostanti ma’ Ġesù, ma tibżgħux issiru qaddejja ta’ Kristu, li tiltaqgħu u tmellsu l-ġisem tal-Mulej fil-foqra tal-lum.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard