ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

ĠUBLEW TAL-ĦABSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 6 ta’ Novembru 2016

 

Il-messaġġ li l-Kelma ta’ Alla trid twasslilna llum żgur li hu dak tat-tama, ta’ dik it-tama li ma tqarraqx bina.

 

Wieħed mis-sebat aħwa kkundannati għall-mewt mis-sultan Antjoku Epifanju jgħid: “Aħjar li wieħed imut b’idejn il-bnedmin meta jkollu t-tama mingħand Alla li għad iqajmu mill-ġdid” (2 Mak 7:14). Dan il-kliem juri l-fidi ta’ dawk il-martri li, minkejja t-tbatijiet u t-torturi, għandhom il-qawwa li jħarsu lil hinn. Fidi li, waqt li tagħraf f’Alla l-għajn tat-tama, turi x-xewqa li tilħaq ħajja ġdida.

 

Bl-istess mod, fil-Vanġelu, smajna kif Ġesù bi tweġiba sempliċi, imma perfetta, iħassar il-każistika banali kollha li s-Sadduċej kienu qegħdulu. L-espressjoni tiegħu: “Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix” (Lq 20:38), turi l-veru wiċċ tal-Missier, li jixtieq biss il-ħajja ta’ wliedu kollha. Għalhekk, it-tama tagħna li nerġgħu nitwieldu għal ħajja ġdida hi dak li aħna msejħin nagħmlu biex inkunu fidili lejn it-tagħlim ta’ Ġesù.

 

It-tama hi don ta’ Alla. Jeħtieġ nitolbuhielu. Hi mqiegħda fil-qiegħ nett tal-qalb ta’ kull persuna biex bid-dawl tagħha tista’ ddawwal il-preżent, spiss imġarrab u mdallam minn tant sitwazzjonijiet li jġibu niket u wġigħ. Jeħtieġ dejjem insaħħu l-għeruq tat-tama tagħna, biex jistgħu jagħtu l-frott. L-ewwel nett, iċ-ċertezza tal-preżenza u tal-ħniena ta’ Alla, minkejja l-ħażen li għamilna. Ma jeżistix post fil-qalb li ma jistax jintlaħaq mill-imħabba ta’ Alla. Fejn hemm persuna li żbaljat, hemm iktar tidher il-ħniena tal-Missier, biex tqanqal l-indiema, il-maħfra, ir-rikonċiljazzjoni, is-sliem.

 

Illum qed niċċelebraw il-Ġublew tal-Ħniena għalikom u magħkom, ħuti ħabsin. U hu b’din l-espressjoni tal-imħabba ta’ Alla, il-ħniena, li nħossu l-bżonn li nikkonfrontaw ruħna. Veru, in-nuqqas ta’ rispett lejn il-liġi stħaqqlu l-kundanna; u ċ-ċaħda tal-libertà hi l-itqal xorta ta’ piena li wieħed jista’ jiskonta, għax tmiss il-persuna fl-iktar intimu tagħha. Madankollu, it-tama ma tistax tonqos. Fil-fatt, dak li jistħoqqilna minħabba l-ħażen li għamilna hu ħaġa; imma ħaġa oħra n-“nifs” tat-tama, li ma jistax jiġi fgat minn xejn u minn ħadd. Il-qalb tagħna dejjem tittama fit-tajjeb; aħna midjuna mal-ħniena li biha Alla jiġi jiltaqa’ magħna bla ma qatt jitlaqna waħidna (ara Wistin, Sermo 254, 1).

 

Fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, l-Appostlu Pawlu jitkellem dwar Alla bħala “Alla tat-tama” (Rum 15:13). Qisu jrid jgħid lilna wkoll: “Alla jittama”; u tidher kemm tista’ tidher ħaġa paradossali, hekk hu: Alla jittama! Il-ħniena tiegħu ma tħallihx joqgħod bi kwietu. Hu bħal dak il-Missier tal-parabbola, li dejjem jittama li ibnu li żbalja jerġa’ lura (ara Lq 15:11-32). La hemm waqfien u lanqas mistrieħ għal Alla sa ma jkun sab in-nagħġa li ntilfitlu (ara Lq 15:5). Mela jekk Alla jittama, allura t-tama ħadd ma jista’ jneħħiha lil ħadd, għax hi l-qawwa biex nibqgħu mexjin; hi t-tensjoni lejn il-futur biex tibdlilna ħajjitna; hi spinta lejn l-għada, biex l-imħabba li biha, minkejja kollox, aħna maħbuba, tista’ ssir mixja ġdida… Insomma, it-tama hi l-prova li għandna fina tal-qawwa tal-ħniena ta’ Alla, li titlobna nħarsu ’l quddiem, bil-fidi u l-abbandun tagħna fih, nirbħu l-ġibda lejn il-ħażen u d-dnub.

 

Għeżież ħabsin, dan hu jum il-Ġublew tagħkom! Ħa tkun mixgħula llum it-tama tagħkom quddiem il-Mulej. Il-Ġublew, mill-istess natura tiegħu, iġib miegħu t-tħabbira tal-ħelsien (ara Lev 25:39-46). Ma jiddependix minni li nagħti dan, imma li tqanqal f’kull wieħed u waħda minnkom ix-xewqa tal-vera libertà hu dmir li l-Knisja ma tistax twarrab. Xi drabi, ċerta ipokrezija twassalna biex fikom naraw biss persuni li żbaljaw, li għalihom l-unika triq hi dik tal-ħabs. Jien ngħidilkom: kull darba li nidħol f’ħabs, jien nistaqsi lili nnifsi: “Għaliex dawk u mhux jien?”. Ilkoll għandna l-possibbiltà li niżbaljaw: kollha. B’xi mod jew ieħor żbaljajna. U l-wiċċ b’ieħor tagħna jġagħalna ma naħsbux fil-possibbiltà li nibdlu ħajjitna: ftit għandna fiduċja fir-riabilitazzjoni, fir-ri-inseriment fis-soċjetà. Imma b’dan il-mod inkunu ninsew li lkoll aħna midinbin u, spiss, aħna wkoll ħabsin bla ma nindunaw. Meta nibqgħu magħluqin fil-preġudizzji tagħna, jew aħna lsiera tal-idoli ta’ benessri falz, mea niċċaqilqu fi skemi ideoloġiċi jew nassolutizzaw liġijiet tas-suq li jgħaffġu l-persuni, fir-realtà ma nkunux nagħmlu ħaġa oħra għajr ningħalqu bejn il-ħitan dojoq taċ-ċella tal-individwaliżmu u tal-awtosuffiċjenza, imċaħħda mill-verità li ġġib il-ħelsien. U li nippuntaw subgħajna kontra xi ħadd li żbalja ma jistax isir skuża biex naħbu l-istess ħażen tagħna.

 

Fil-fatt nafu li ħadd quddiem Alla ma jista’ jqis ruħu ġust (ara Rum 2:1-11). Imma ħadd ma jista’ jgħix mingħajr iċ-ċertezza li jsib il-maħfra! Il-ħalliel niedem, mislub maġenb Ġesù, mar miegħu l-Ġenna (ara Lq 23:43). Għalhekk, ħadd minnkom m’għandu jingħalaq fil-passat! Bla dubju, l-istorja tal-passat, imqar jekk hekk xtaqna, ma nistgħux nerġgħu niktbuha. Imma l-istorja li tibda llum, u li tħares lejn il-futur, kollha għadha triq tinkiteb, bil-grazzja ta’ Alla u bir-responsabbiltà personali tagħkom. Jekk nitgħallmu mill-iżbalji tal-passat, nistgħu niftħu kapitlu ġdid fil-ħajja. Ejjew ma naqgħux fit-tentazzjoni li naħsbu li ma nistgħux niġu maħfura. Kull ħaġa, kbira jew żgħira, li l-kuxjenza ċċanfarna fih, “Alla hu aqwa mill-kuxjenza” (1 Ġw 3:20): jeħtieġ biss nafdaw ruħna fil-ħniena tiegħu.

 

Il-fidi, imqar jekk żgħira daqs żerriegħa tal-mustarda, kapaċi ċċaqlaq il-muntanji (ara Mt 17:20). Kemm drabi bil-qawwa tal-fidi stajna llissnu l-kelma maħfra f’kundizzjonijiet umanament impossibbli! Persuni li ġarrbu vjolenza jew abbużi fuqhom jew fuq l-għeżież tagħhom jew il-ġid tagħhom… Il-qawwa ta’ Alla biss, il-ħniena, tista’ tfejjaq ċerti ġrieħi. U fejn għall-vjolenza nwieġbu bil-maħfra, hemm ukoll il-qalb ta’ min żbalja tista’ tintrebaħ mill-imħabba li tirbaħ kull għamla ta’ ħażen. U hekk, qalb il-vittmi u qalb il-ħatja, Alla jqajjem xhieda u operaturi awtentiċi tal-ħniena.

 

Illum inqimu lill-Verġni Marija f’din l-istatwa li turiha bħala Omm li żżomm f’dirgħajha lil Ġesù b’katina mqattgħa, il-katina tal-jasar u tal-priġunerija. Hi tixħet ħarsitha ta’ Omm fuq kull wieħed u waħda minna; ħa tnissel f’qalbkom il-qawwa tat-tama għal ħajja ġdida u denja li tingħax fil-libertà sħiħa u fil-qadi tal-proxxmu.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard