QUDDIESA FL-OKKAŻJONI
TAL-FESTA TA’ SIDTNA MARIJA TA’ GUADALUPE

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 12 ta’ Diċembru 2015

 

“Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok […].  Minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajat ta’ ferħ” (Sof 3:17-18).  Dawn il-kelmiet tal-profeta Sofonija, indirizzati lil Israel, jistgħu jiġu indirizzati wkoll lil Ommna, il-Verġni Marija, lill-Knisja, u lil kull wieħed u waħda minna, lir-ruħ tagħna, maħbuba minn Alla bi mħabba ħanina.  Iva, Alla jħobbna tant li jithenna u jifraħ magħna.  Iħobbna bi mħabba b’xejn, bla limiti, bla ma jistenna xejn lura.  Ma jogħġbux il-Pelaġjaniżmu.  Din l-imħabba ħanina hi l-iżjed attribut ta’ l-għaġeb li għandu Alla, il-ġabra qasira tal-messaġġ kollu tal-Vanġelu, il-fidi tal-Knisja.

 

Il-kelma “miżerikordja” hi magħmula minn żewġ kelmiet: miżerja (miser) u qalb (cordes).  Il-qalb turi l-ħila li wieħed iħobb; il-miżerikordja hi l-imħabba li tħaddan il-miżerja tal-persuna.  Hi mħabba li “tħoss” il-faqar tagħna bħallikieku kien tagħha, biex teħlisna.  “U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejnal Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1 Ġw 4:9-10).  “Il-Verb sar laħam” – lil Alla lanqas l-Injostiċiżmu ma jogħġbu –: ried jaqsam fid-dgħufijiet kollha tagħna; ried iduq il-qagħda umana tagħna, sa ma jitgħabba bis-Salib tat-tbatija kollha tal-ħajja tal-bnedmin.  Hi hekk qawwija l-kompassjoni u l-ħniena tiegħu: ċekken lilu nnifsu biex jissieħeb u jaqdi lill-umanità miġruħa.  L-ebda dnub ma jista’ jneħħi l-qrubija ħanina tiegħu, lanqas iżommu milli jwettaq il-grazzja tiegħu ta’ konverżjoni, sakemm aħna nsejħulha.  Anzi, id-dnub stess jagħmel li tilma b’dawl iktar qawwi l-imħabba ta’ Alla l-Missier li, biex jeħlisna mill-jasar, issagrifika lil Ibnu.  Din il-ħniena ta’ Alla tilħaqna bid-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, li fil-Magħmudija jagħmel possibbli, inissel u jkabbar il-ħajja ġdida tad-dixxipli tiegħu.  Kbar kemm huma kbar u gravi kemm huma gravi d-dnubiet tad-dinja, l-Ispirtu, li jġedded il-wiċċ ta’ l-art, jagħmel possibbli l-miraklu ta’ ħajja iżjed umana, mimlija ferħ u tama.

 

U anki aħna ngħannu bil-ferħ: “Il-Mulej hu Alla tiegħi u l-Ħellies tiegħi!”.  “Il-Mulej hu qrib”, u dan jgħidhulna l-Appostlu Pawlu, xejn m’għandu jnikktina, Hu fil-qrib.  U mhux waħdu, imma ma’ Ommu.  Lil San Juan Diego hi qaltlu: “Għaliex qed tibża’?  Jaqaw m’hawnx jien miegħek, l-Omm tiegħek?”.  Hu fil-qrib.  Hu u Ommu.  L-ikbar ħniena qiegħda għax hu jinsab f’nofsna, fil-preżenza u l-kumpanija tagħna.  Jimxi magħna, jurina t-triq ta’ l-imħabba, jerġa’ jqajjimna meta naqgħu – u b’liema ħlewwa jagħmel dan! – iweżinna fl-għeja tagħna, jimxi magħna fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja tagħna.  Jiftħilna għajnejna biex naraw il-miżerji tagħna u dawk tad-dinja, imma fl-istess ħin jimliena bit-tama.  “U s-sliem ta’ Alla […] iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù” (Fil 4:7), jgħidilna Pawlu.  Dan hu l-għajn tal-ħajja tagħna mseddqa fis-sliem u l-hena.  Xejn u ħadd ma jista’ jċaħħadna minn dan is-sliem u dan l-hena, minkejja t-tbatijiet u l-provi tal-ħajja.  Il-Mulej bil-ħlewwa tiegħu jiftħilna qalbu, jiftħilna mħabbtu.  Il-Mulej hu allerġiku għar-riġidità.  Ejjew ngħożżu din l-esperjenza ta’ ħniena, ta’ paċi u ta’ tama, matul il-mixja ta’ l-Avvent li qed nagħmlu u fid-dawl tas-Sena Ġubilari.  Li nħabbru l-Bxara t-Tajba lill-foqra, bħal Ġwanni l-Battista, billi  nwettqu opri ta’ ħniena, hu mod tajjeb kif nistennew il-miġja ta’ Ġesù fil-Milied.  Ifisser li nkunu nixbhu lilU, li ta kollox, ingħata kollu kemm hu.  Din hi l-ħniena tiegħu, bla ma jistenna xejn lura.

 

Alla jifraħ u jitgħaxxaq b’mod għal kollox speċjali f’Marija.  F’waħda mill-egħżeż talbiet għall-poplu Nisrani, is-Salve Regina, lil Marija nsejħulha “Omm tal-ħniena”.  Hi daqet il-ħniena divina, u laqgħet f’ġufha lill-istess għajn ta’ din il-ħniena: Ġesù Kristu.  Hi, li dejjem għexet b’mod intimu magħquda ma’ Binha, taf aktar minn ħaddieħor dak li Hu jrid: li l-bnedmin kollha jsalvaw, li ħadd ma jibqa’ nieqes mill-ħlewwa u l-faraġ ta’ Alla.  Ħa tkun Marija, Omm il-Ħniena, li tgħinna nifhmu kemm iħobbna Alla.

 

Lil Marija Santissma nafdawlha t-tbatija u l-ferħ tal-popli tal-kontinent Amerikan kollu, li jħobbuha bħala omm, jagħrfuha bħala “Patruna”, bit-titlu devot ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe.  Jalla “il-ħlewwa ta’ ħarsitha sseħibna tul din is-Sena  Mqaddsa, biex ilkoll kemm aħna nistgħu niskopru mill-ġdid il-ferħ tal-ħlewwa ta’ Alla” (Bolla Misericordiæ Vultus, 24).  Lilha nitolbu, f’din is-sena ġubilari, li tkun żerriegħa ta’ mħabba ħanina fil-qalb tal-persuni, tal-familji u tal-ġnus; li tkompli ttennilna: “Tibżax, jaqaw m’hawnx jien miegħek, jien li jien Ommok?”, Omm il-Ħniena.  Ħa nikkonvertu f’nies ta’ ħniena, u jalla l-komunitajiet Insara jagħrfu jkunu oasi u għejun ta’ ħniena, xhieda ta’ mħabba li ma tħalli lil ħadd barra.  Biex nitlobha dan bil-qawwa, se nivvjaġġa biex inqimha fis-Santwarju tagħha fit-13 ta’ Frar li ġej.  Hekk nitlobha dan kollu għall-Amerika kollha, li tagħha b’mod speċjali hi Omm.  Lilha noffri t-talba tagħna biex tmexxi l-passi tal-poplu Amerikan tagħna, poplu pellegrin li jfittex lill-Omm tal-ħniena, u jitlobha biss ħaġa waħda: li turih lil Binha Ġesù.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard