ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

FIL-FESTA TA’ SIDTNA MARIJA TA’ GUADALUPE

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 12 ta’ Diċembru 2014

 

Ifaħħruk, o Alla, il-popli kollha.

Ħenn għalina u berikna.

Dawwar, Mulej, il-ħarsa tiegħek fuqna.

Tagħraf l-art kollha t-tjieba tiegħek u l-popli kollha s-salvazzjoni tiegħek.

Il-ġnus kollha bil-ferħ jgħannulek,

għax int tagħmel ħaqq mill-art bil-ġustizzja” (ara Salm 67).

 

It-talba tas-Salmista, waħda ta’ supplika għall-maħfra u l-barka tal-popli u tal-ġnus u, fl-istess ħin, ta’ tifħir hieni, tgħinna nesprimu t-tifsira spiritwali ta’ din iċ-ċelebrazzjoni.  Huma l-popli u l-ġnus tal-Patrija kbira tagħna ta’ l-Amerika Latina li l-lum qed ifakkru bi gratitudni u ferħ il-festa tal-Patruna tagħhom, Sidtna Marija ta’ Guadalupe, li d-devozzjoni lejha hi mifruxa mill-Alaska sal-Patagonja.  U mill-Arkanġlu Gabrijel u Santa Eliżabetta sa żmienna, togħla ’l fuq it-talba tagħna ta’ wlied: “Sliema għalik, Marija, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek…” (Lq 1:28).

 

F’din il-festa ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe, qabel xejn ejjew niftakru bi gratitudni fiż-żjara u l-qrubija tagħha ta’ omm; ngħannu Magħha l-“Magnificat” tagħha; u nafdaw f’idejha l-ħajja tal-popli tagħna u l-missjoni kontinentali tal-Knisja.

 

Meta dehret lil San Juan Diego f’Tepeyac, dehret bħala “il-Verġni Mqaddsa Marija dejjem perfetta, Omm il-veru Alla” (Nican Mopohua); u tat lok għal “żjara” ġdida.  Ħaffet kollha ħeġġa biex tgħannaq ukoll lill-popli Amerikani ġodda fil-mumenti drammatiċi li fihom issawru.  Kien bħal “sinjal kbir li deher fis-Sema…mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha” (ara Apok 12:1), li jiġbor fih is-simboloġija kulturali u reliġjuża tal-popli tal-bidu, u jħabbar u jagħti lil Binha f’idejn dawn il-popli l-oħrajn ġodda kollha ta’ razez differenti.

 

Ħafna qabżu bil-ferħ u t-tama quddiem iż-żjara tagħha u quddiem id-don ta’ Binha, u d-dixxiplu perfett tal-Mulej saret il-“missjunarja kbira li wasslet il-Vanġelu lill-Amerika tagħna” (Dokument ta’ Aparecida, 269).  L-Iben ta’ l-Imqaddsa Marija, Immakulata u tqila, hekk jidher sa mill-bidu ta’ l-istorja tal-popli ġodda bħala “l-Alla veru li jgħajjixna”, bxara tajba tad-dinjità ta’ wlied ta’ dawk kollha li jgħammru fil-kontinent.  Issa ħadd iżjed m’hu biss qaddej, imma lkoll kemm aħna wlied ta’ l-istess Missier, aħwa ta’ xulxin u qaddejja tal-Qaddej.

 

L-Imqaddsa Omm Alla żaret lil dawn il-popli u riedet tibqa’ magħhom.  B’mod misterjuż ħalliet stampata x-xbieha mqaddsa tagħha fuq it-“tilma” tal-messaġġier tagħha biex tkun dejjem quddiem għajnejna, u hekk din saret simbolu tal-patt ta’ Marija ma’ dawn il-ġnus, li timliehom bil-ħajja u l-ħlewwa tagħha.  Għall-interċessjoni tagħha l-fidi Nisranija bdiet issir l-akbar teżor ta’ ruħ dawn il-popli Amerikani, li l-perla prezzjuża tiegħu hu Ġesù Kristu: wirt li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra u għadu jidher sal-lum fil-Magħmudija ta’ għadd kbir ta’ persuni, fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba ta’ ħafna, fil-prezzjożità tal-pjetà popolari u anki f’dak l-ethos Amerikan li jidher fl-għarfien tad-dinjità tal-persuna umana, fil-passjoni għall-ġustizzja, fis-solidarjetà ma’ l-ifqar fost il-fqar u dawk li l-aktar qed ibatu, fit-tama xi kultant kontra kull tama.

 

Il-lum aħna, minn hawn, nistgħu nissoktaw infaħħru lil Alla għall-għeġubijiet li wettaq fil-ħajja tal-popli ta’ l-Amerika Latina.  Alla, dejjem skond l-istil tiegħu, “dawn il-ħwejjeġ ħbiehom lil min għandu l-għerf u d-dehen, u wriehom liċ-ċkejknin u l-umli, lill-foqra f’qalbhom” (ara Mt 11:25).  Fl-għeġubijiet li Alla għamel ma’ Marija, Hi tagħraf l-istil u l-mod ta’ kif Binha jaġixxi fl-istorja tas-salvazzjoni.  Meta jħawwad il-ġudizzji tad-dinja, jeqred l-idoli tal-poter, ta’ l-għana, tas-suċċess bla limiti, u jeħodha kontra l-awto-suffiċjenza, is-suppervja u l-messjaniżmi sekularizzati li jbiegħdu minn Alla, il-Kantiku ta’ Marija jistqarr li Alla jieħu gost jaqleb ta’ taħt fuq l-ideoloġiji u l-ġerarkiji ta’ din id-dinja.  Jgħolli lill-umli, jaqbeż għall-foqra u ċ-ċkejknin, jimla bil-ġid, il-barkiet u t-tamiet tiegħu lil dawk kollha li jafdaw fil-ħniena tiegħu minn nisel għal nisel, waqt li jxejjen lill-għonja, lill-qawwija u lil dak li jiddominaw minn fuq it-tronijiet tagħhom.

 

Hekk il-“Magnificat” idaħħalna fil-qalba tal-Beatitudnijiet, sintesi u liġi primordjali tal-messaġġ tal-Vanġelu.  Fid-dawl tiegħu, il-lum, inħossu li għandna nitolbu grazzja, il-grazzja tant Nisranija li l-futur ta’ l-Amerika Latina jissawwar mill-foqra u minn dawk li qed ibatu, mill-umli, minn dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, minn dawk li juru ħniena, mis-safja f’qalbhom, minn dawk li jaħdmu b’riżq il-paċi, mill-ippersegwitati minħabba fl-isem ta’ Kristu, “għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (ara Mt 5:1-11).  Nitolbu l-grazzja li ngħaddu mill-forġa ta’ dawk li l-lum is-sistema idolatrika tal-kultura ta’ l-iskart xeħtet fil-kategorija ta’ l-iskjavi, ta’ oġġetti li wieħed jinqeda bihom jew sempliċiment jarmihom.

 

U din it-talba nagħmluha għax l-Amerika Latina hi “il-kontinent tat-tama”!  Għax minnha kulħadd jistenna mudelli ġodda ta’ żvilupp li jżewġu flimkien tradizzjoni Nisranija ma’ progress ċivili, ġustizzja u ugwaljanza ma’ rikonċiljazzjoni, żvilupp xjentifiku u teknoloġiku ma’ għerf uman, tbatija għammiela ma’ ferħ mimli tama.  Hu biss possibbli nħarsu din it-tama b’dożi kbar ta’ verità u ta’ mħabba, fundamenti tar-realtà kollha, muturi rivoluzzjonarji ta’ ħajja ġdida awtentika.

 

Inqiegħdu dawn ir-realtajiet u dawn ix-xewqat sbieħ fuq l-altar bħala għotja mogħġuba minn Alla.  Nitolbuh maħfra u nafdaw fil-ħniena tiegħu, aħna u niċċelebraw is-sagrifiċċju u r-rebħa ta’ l-Għid ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Hu l-Mulej waħdieni, il-“ħellies” tal-jasar kollu tagħna u l-miżerji li jiġu mid-dnub.  Hu l-ġebla tax-xewka ta’ l-istorja, hu li ġie mormi qabel kulħadd.  Hu jsejħilna ngħixu l-ħajja vera, ħajja iżjed umana, fejn ngħixu bħala wlied u aħwa, issa li nfetħu għalina l-bibien ta’ “art ġdida u smewwiet ġodda” (Apok 21:1).  Nitolbu lill-Imqaddsa Verġni Marija, fil-vokazzjoni Guadalupjana tagħha – l-Omm ta’ Alla, is-Sultana u Sinjura tiegħi, “ix-xbejba żagħżugħa tiegħi, iċ-ċkejkuna tiegħi”, kif sejħilha San Juan Diego, u bit-titli kollha ta’ mħabba li bihom iduru Lejha fil-pjetà popolari – nitolbuha biex tissokta ssieħeb, tgħin u tħares lill-popli tagħna.  U biex taqbad f’idejn uliedha kollha f’pellegrinaġġ f’dawn l-artijiet u tmexxihom lejn Binha, Ġesù Kristu Sidna, preżenti fil-Knisja, fis-sagramentalità tagħha, speċjalment fl-Ewkaristija, preżenti fit-teżor tal-Kelma tiegħu u fit-tagħlim tiegħu, preżenti fil-poplu fidil u qaddis ta’ Alla, preżenti f’dawk li qed ibatu u fil-foqra fl-ispirtu.  U jekk dan il-programm hekk qalbieni jbeżżagħna u d-dinja taħsel taqtgħalna qalbna, ħa terġa’ lura Hi biex tkellem lil qalbna u ssemmagħna leħinha ta’ Omm, ta’ “Omm twajba”, ta’ “Omm kbira”: “Għaliex qed tibża’?  M’hawnx jien miegħek, l-Omm tiegħek?”.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard