Quddiesa f’okkazzjoni festa tal-Isem Imqaddes ta' Ġesù.

Omelija tal-Papa Franġisku

Fil-Knisja del Ġesù, Ruma.

Il-Ġimgħa. 3 ta' Jannar 2014

 

San Pawl jgħid, għandna kemm smajnieh: "Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta' Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta' lsir". (Fil 2, 5-7). Aħna l-Ġiżwiti, irridu nibqgħu nissemmew għall-isem ta' Ġesù, inkunu sodi taħt l-istandard tas-Salib tiegħu.  Dan ifisser: ikollok l-istess sentimenti ta' Kristu. Ifisser taħseb bħalu, tixtieq il-ġid bħalu, tara  bħalu, timxi bħalu.  Ifisser tagħmel bħalma għamel Hu bl-istess sentimenti, bis-sentimenti tal-Qalb tiegħu.

Il-qalb ta' Kristu hija il-qalb ta' Alla li bl-imħabba, huwa "ċċekken". Kull wieħed minna li qiegħed jimxi wara Ġesù, irid ikun dispost biex iċekken lilu nnifsu. Aħna msejħa biex niċċekknu: inkunu dawk li huma "ċkejkna". Nkunu rġiel li ma nkunux moħħna fina nfusna għaliex iċ-ċentru tal-Kumpanija huwa Kristu u l-Knisja. U Alla huwa Deus semper maior, dan Alla li dejjem jissorprendina. U jekk dan Alla tas-sorprizi m'huwiex fiċ-ċentru, il-Kumpanija tiddiżorjenta ruħa. Minħabba f'hekk, li tkun Ġiżwita jfisser li tkun persuna ta' ħsieb mhux komplut, bil-ħsieb miftuħ: għaliex il-ħsieb ikun dejjem b'ħarsa lejn l-orizzont - il-ferħ ta' dak Alla li dejjem hu l-akbar: dan jissorprendina mingħajr waqfien. Dan huwa l-inkwiet tagħna, fejn hemm in-nuqqas ta' ferħ. Dan huwa inkwiet qaddis u sabiħ!

Imma peress li aħna midinbin, irridu nistaqsu jekk il-qalb tagħna hi miftuħa biex tfittex jew inkella moħħna biex ninħlew wara tant affarijiet fiergħa; nistaqsu jekk il-qalb tagħna tkunx il-ħin kollu taħt tensjoni, tkunx qalb li ma titfixkilx, li ma tingħalaqx fiha nnifisha, imma tħabbat bir-ritmu ta' mixja li rridu nwettqu flimkien mal-poplu fidil ta' Alla. Hemm bzonn infittxu lil Alla biex nsibuh, u nsibuh biex infittxuh dejjem u aktar. Dan il-ħsieb imqanqal, waħdu, jagħti l-paċi tal-qalb lil kull Ġiżwita, huwa ħsieb anke appostoliku, li ma jridx jaqtgħalna qalbna biex inxandru l-kerygma, li nevanġeliżżaw bil-kuraġġ. Huwa l-ħsieb imqanqal li jippreparana sabiex nirċievu d-don ta' ġid apostoliku kbir.  Mingħajr dan il-ħsieb aħna nkunu sterili.

Huwa dan il-ħsieb li kellu Pietro Favre.  Bniedem ieħor b'ħafna xewqat kbar, kien Danjel.  Favre kien "bniedem modest, sensibbli, b' ħajja interjuri profonda, u kien tajjeb biex jibni rapporti ta' ħbiberija mal-persuni ta' kull tip" (Benedittu XVI, Diskors lill-Kumpanija ta' Ġesù, 22 ta' April 2006). Kellu spirtu dejjem ibaqbaq.  Minkejja dan ma kienx ikun deċiż, qatt ma kien ikun sodisfatt. Taħt il-gwida ta' Sant'Injazju tgħallem jgħaqqad is-sensibilita' li ma tħallikx kwiet, imma fl-istess ħin mimlija ħlewwa, nista' ngħid ħlewwa mill-aqwa, flimkien mal-kapaċita' li jieħu d-deċiżjonijiet. Kien bniedem ta' ħafna xewqat kbar; tgħabba b'dawn ix-xewqat, u għarafhom. Anzi għal Favre, kien propju meta kienu jipproponu affarijiet diffiċli li kien jidher fih l-ispirtu veru tiegħu, li jwasslu għal azzjoni (cfr.Memoriale, 301). Fidi awtentika dejjem timplika xewqa profonda biex tbiddel id-dinja. Hawn hi l-mistoqsija li rridu nagħmlu: għandna aħna wkoll, viżjoni kbira biex nitilqu minn hemm? Aħna qalbiena wkoll? Il-ħolm tagħna jtir fl-għoli? Il-ħeġġa tifnini (cfr Salm 69, 10)? jew inkella aħna medjokri u nikkuntentaw ruħna bil-programmi mħejjijin tajjeb fuq il-karta għax-xogħol tal-appostolat? Irridu niftakru dejjem: il-qawwa tal-Knisja mhix qawwa li tikkuntenta biha nfisha u fil-kapaċita' organiżżativa tagħha, imma qiegħdha moħbija fl-ilmijiet profondi ta' Alla. U dawn l-ilmijiet iqanqlu x-xewqat tagħna u dawn ix-xewqat iwessgħu l-qalb tagħna. Dan huwa dak li jgħid Santu Wistin: itolbu biex tixxenqu u tixxenqu ħalli twessgħu qlubkom. Propju f'dawn ix-xewqat Favre seta' jiddixxerni l-leħen ta' Alla. Mingħajr xewqat ma seta' imur imkien u għalhekk kien hemm bzonn li joffri dawn ix-xewqat lil Mulej. Fil-kostituzzjoni hemm "tgħin lil proxxmu tiegħek bix-xewqat li ppresentajt lil Mulej Alla tagħna." (Kostituzzjoni, 638).

Favre kellu x-xewqa profonda u vera li "jikber f'Alla": kien moħħu kompletament f'Alla, u minħabba f'hekk seta' jmur, fi spirtu ta' obbedjenza, ħafna drabi bil-mixi, madwar l-Ewropa kollha, biex jiddjaloga ma kullħadd, bil-  ħlewwa, biex iwassal il-Vanġelu. Jiġini l-ħsieb dwar tentazzjoni, li forsi aħna lkoll għandna: li ngħaqqdu x-xandir tal-Evanġelju mal-istmerrija inkwiżitorja biex nikkundannaw.  Le, il-Vanġelu jixxandar bil-ħlewwa, bil-fraternita', bl-imħabba. Il-familjarita' ma Alla wasslitu biex jifhem li l-esperjenza interjuri u l-ħajja apostolika jmorru flimkien. Jikteb fil-Memorjal tiegħu li l-ewwel ċaqliqa tal-qalb hi "li tixtieq dak li hu essenzjali u oriġinali, jiġifieri li l-ewwel post trid tħalliħ għal kilba perfetta biex insibu l-Mulej Alla tagħna" (Memorjal, 63). Favre daq ix-xewqa li "jħalli l-Kristu jokkupa ċ-ċentru ta' qalbu" (Memorjal, 68). Meta aħna nkunu moħħna biss f'Alla, hekk biss ikun possibbli li mmorru lejn il-periferiji tad-dinja! U Favre ivvjaġġa mingħajr waqfien anki sal-ibgħad fruntieri geografiċi, tant hu hekk li dwaru kienu jgħidu: "jidher li dan twieled biex ma joqgħod wieqaf  imkien" (MI, Epistolae I, 362). Favre kien mifni mix-xewqa intensa biex jikkomunika mal-Mulej.  Jekk aħna m'hux ser ikollna l-istess xewqa tiegħu, allura jeħtieġ li nieqfu biex nitolbu u, fis-skiet imħeġġeġ, nitolbu lil Mulej, bl-interċessjoni ta' ħuna Pietro, biex Hu jiġi biex jaffaxxinana: b'dak il-faxxinu tal-Mulej li kien iġorr miegħu Pietro, f'dan il-"ġenn" apostoliku.

Aħna lkoll kemm aħna bnedmin li qiegħdin f'tensjoni, aħna wkoll bnedmin kontradittorji, inkoerenti, midinbin.  Iżda bnedmin li nixtiequ nimxu taħt il-ħarsa ta' Ġesù.  Aħna żgħar, aħna midinba, iżda rridu nistinkaw taħt l-istandard tas-salib, fil-Kumpanija li ġġib l-isem ta' Ġesù. Aħna egosti, irridu minkejja kollox, ngħixu ħajja mzewqa b'ħafna xewqat kbar. Allura ejjew inġeddu l-għotja tagħna lil Mulej Etern tal-univers, biex bl-għajnuna ta' Ommu glorjuza jista' jkollna r-rieda u ngħixu s-sentimenti ta' Kristu li ċekken lilu nnifsu. Bħalma kiteb Pietro Favre, "f'din il-ħajja, qatt ma rridu nfitxxu l-ebda isem li ma jgħaqqadniex ma' dak ta' Ġesù." (Memorjal, 205) U nitolbu lil Madonna biex inkunu ma binha.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Charles Cini.