ĦADD IL-GĦID TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ

QUDDIESA TAL-JUM

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Ħadd il-Għid, 16 ta’ April 2017

 

Illum il-Knisja ttenni, tgħanni, tgħajjat: “Ġesù qam mill-mewt!”. Imma kif jista’ jkun? Pietru, Ġwanni, in-nisa marru fil-Qabar u sabuh vojt, Hu ma kienx hemm. Marru b’qalbhom magħluqa minħabba fin-niket, in-niket ta’ xi ħadd li ġarrab telfa: l-Imgħallem, l-Imgħallem tagħhom, dak li tant kienu jħobbu ġie mogħti l-mewt, issa hu mejjet. U mill-mewt ħadd ma jiġi lura. Din hi t-telfa, din hi t-triq tat-telfa, it-triq lejn il-qabar. Imma l-Anġlu jgħidilhom: “Mhuwiex hawn, imma qam”. Din hi l-ewwel bxara: “Qam”. U mbagħad il-konfużjoni, il-qalb magħluqa, id-dehriet. Imma d-dixxipli jibqgħu magħluqin il-jum kollu fiċ-Ċenaklu, għax beżgħu li jiġrilhom l-istess kif ġralu Ġesù.

 

U l-Knisja, quddiem it-telfiet tagħna, il-qlub magħluqa u mwerwra tagħna, ma tehda qatt tgħidilna: “Żomm, il-Mulej qam”. Imma jekk il-Muej qam, għaliex qed jiġri dan kollu? Kif xorta hawn tant diżgrazzji, mard, bejgħ ta’ persuni, traffikar ta’ bnedmin, gwerer, qerda, tkissir, vendetti, mibegħda? Imma fejn hu l-Mulej?

 

Ilbieraħ ċempilt lil żagħżugħ marid gravi, żagħżugħ intelliġenti, inġinier, u aħna u nitkellmu, biex nagħmillu l-qalb b’kelma ta’ fidi, għidtlu: “Ma hemmx spjegazzjonijiet għal dak li għaddej minnu int. Ħares lejn Ġesù fuq is-Salib, Alla dan għamlu ma’ Ibnu, u m’hemmx spjegazzjoni oħra”. U hu weġibni: “Iva, imma hu talab lil Ibnu u Ibnu qallu iva. Lili ma staqsinix dan ridtux”. Dan imissilna qalbna, ħadd minna ma jiġi mitlub: “Imma int kuntent b’dak li qed jiġri fid-dinja? Lest terfa’ dan is-salib?”. U s-salib jibqa’ hemm, u l-fidi f’Ġesù tonqosna.

 

Illum il-Knisja tissokta tgħidilna: “Żomm, Ġesù qam”. U din mhix fantasija, il-Qawmien ta’ Kristu mhux xi festa b’ħafna ward. Din ħaġa sabiħa, imma mhuwiex dan, hu ħafna iżjed; hu l-misteru tal-ġebla li warrbu l-bennejja li tispiċċa ssir il-ġebla tax-xewka tal-ħajja tagħna. Kristu qam, dan li jfisser. F’din il-kultura tal-iskart fejn dak li m’għandniex bżonn nużawh u narmuh, fejn dak li m’għandniex bżonn inwarrbuh, dik il-ġebla – Ġesù – hi mormija u hi għajn tal-ħajja.

 

U mqar aħna, ċagħkiet mixħuta mal-art, f’din l-art ta’ tbatija, ta’ traġediji, bil-fidi qawwija fi Kristu Rxoxt nistgħu nsibu sens, qalb tant diżastri. Is-sens li nħarsu iktar lil hemm, is-sens li ngħidu: “Ara, mhux ħajt hemm, imma xefaq, hemm il-ħajja, hemm il-ferħ, hemm is-salib b’dawn l-aspetti differenti. Ħares ’il quddiem, tingħalaqx fik innifsek. Int daqsxejn ta’ ċagħka, int għandek sens fil-ħajja għax int ċagħka biswit dik il-ġebla, dik il-blata li l-ħażen tad-dnub warrab għall-ġenb”.

 

X’tgħidilna l-Knisja llum quddiem tant traġedji? Sempliċiment dan. Il-ġebla li warrbu l-bennejja mhi mwarrba xejn. Iċ-ċagħkiet li jemmnu u jintrabtu ma’ dik il-ġebla ma humiex mormija, għandhom sens, u b’dan is-sentiment il-Knisja ttenni minn qiegħ qalbha: “Kristu qam tassew”.

 

Ejja naħsbu ftit, kull wieħed u waħda minna jaħseb fil-problemi tiegħu ta’ kuljum, fil-mard li għaddejna minnu jew li għandu xi ħadd mill-qraba tagħna; naħsbu fil-gwerer, fit-traġedji umani u, sempliċement, b’leħen umli, bla ward, waħidna, quddiem Alla, quddiem tagħna nfusna, ngħidu: “Ma nafx kif sa tispiċċa l-istorja, imma jien ċert li Kristu qam, u jien lgħabt ħajti fuq dan”.

 

Ħuti, dan hu li xtaqt ngħidilkom. Morru lura d-dar illum, ittennu f’qalbkom: “Kristu qam mill-mewt”.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard