ĦADD IL-GĦID TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ

QUDDIESA TAL-JUM

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Ħadd il-Għid, 1 ta’ April 2018

 

Wara li smajna l-Kelma ta’ Alla, din is-silta tal-Vanġelu, jiġini f’moħħi ngħid tliet affarijiet.

 

L-ewwel: it-tħabbira. Fiha hemm it-tħabbira: il-Mulej qam. Dik it-tħabbira li sa mill-ewwel żminijiet tal-Insara kienet tgħaddi minn fomm għall-ieħor; kienet it-tisilma: il-Mulej qam. U n-nisa, li marru biex jidilku l-ġisem tal-Mulej, sabu ruħhom quddiem sorpriża. Is-sorpriża… It-tħabbiriet ta’ Alla dejjem huma sorpriżi, għax Alla tagħna hu Alla tas-sorpriżi. Hekk hu sa mill-bidu tal-istorja tas-salvazzjoni, ta’ missierna Abraham, Alla jissorprendik: “Mur, mur, itlaq, ħalli artek u itlaq”. U dejjem hemm sorpriża wara l-oħra. Alla ma jafx jagħtina aħbar mingħajr ma jissorprendina. U s-sorpriża hi dak li jqanqallek qalbek, li jmissek proprju hemm, fejn l-inqas li tkun tistenna. Biex ngħidha ftit bil-lingwaġġ taż-żgħażagħ: is-sorpriża hi daqqa fil-baxx; ma tkunx tistennieha. U hu jiġi u jmisslek qalbek. L-ewwel: it-tħabbira ssir sorpriża.

 

It-tieni: l-għaġla. In-nisa jmorru jiġru, iħaffu biex jgħidu: “Sibna dan!”. Is-sorpriżi ta’ Alla jċaqalquna biex nimxu, minnufih, bla ma noqogħdu nistennew. U huma jmorru jiġru biex jaraw. U Pietru u Ġwanni jiġru. Ir-ragħajja, f’dak il-lejl tal-Milied, imorru jiġru: “Immorru Betlehem biex naraw dak li qalulna l-anġli”. U l-mara Samaritana tmur tiġri biex tgħid lil niesha: “Din ħaġa ġdida: sibt raġel li qalli dak kollu li għamilt”. U n-nies kienet taf din x’għamlet. U dawn in-nies, marru jiġru, ħallew x’kienu qed jagħmlu, anki l-mara tad-dar telqet il-patata fil-borma – maħruqa ħa ssibha –, imma l-importanti li tmur, tiġri, biex tara dik is-sorpriża, dik it-tħabbira. Anki llum jiġri dan. Fil-postijiet fejn noqogħdu, fl-irħula, meta tiġri xi ħaġa mhix tas-soltu, in-nies tmur tiġri tara. Mgħaġġla. Indrě ma tilifx żmien u mar jiġri għand Pietru jgħidlu: “Sibna l-Messija”. Is-sorpriżi, l-aħbarijiet tajba, hekk jingħataw: minnufih. Fil-Vanġelu wieħed hemm li jeħodha fit-tul; ma jridx jirriskja. Imma l-Mulej hu twajjeb miegħu, jistennieh bl-imħabba, dan hu Tumas. “Nemmen meta nara l-pjagi”, jgħid. Anki l-Mulej għandu s-sabar ma’ dawk li ma jgħaġġlux daqshekk.

 

It-tħabbira-sorpriża, it-tweġiba malajr, u t-tielet ħaġa li llum irrid ngħidilkom hi mistoqsija: “U jien? Għandi qalbi miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla, kapaċi mmur inħaffef, jew dejjem b’dik il-kantilena: ‘Imbagħad għada naraw, għada, għada?’. X’qed tgħidli lili s-sorpriża?”. Ġwanni u Pietru marru jħaffu lejn il-qabar. Dwar Ġwanni l-Vanġelu jgħidilna: “Emmen”. Anki Pietru: “Emmen”, imma bil-mod tiegħu, bil-fidi xi ftit imħallta mar-rimors li kien ċaħad lill-Mulej. It-tħabbira li ssir sorpriża, il-ġirja/pass imgħaġġel, u l-mistoqsija: “U jien, illum, f’dan l-Għid 2018, x’se nagħmel?”. Inti x’se tagħmel?

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard