QUDDIESA GĦALL-GĦELUQ

TA’ L-XIV-IL ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA

TAS-SINODU TA’ L-ISQFIJIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

It-XXX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 25 ta’ Ottubru 2015

 

It-tliet Qari ta’ dan il-Ħadd kollha jippreżentawlna l-kompassjoni ta’ Alla, il-paternità tiegħu, li tidher b’mod defenittiv f’Ġesù.

 

Il-profeta Ġeremija, fi żmien ta’ diżastru nazzjonali sħiħ, waqt li l-poplu qed jinġarr mill-għadu fl-eżilju, iħabbar li “il-Mulej salva l-poplu tiegħu, il-fdal ta’ Iżrael” (31:7).  U għaliex għamlu dan?  Għaliex Hu Missier (ara v. 9); u bħala Missier jieħu ħsieb ta’ wliedu, iseħibhom fil-mixja, iwieżen lill-“għomja u z-zopop, in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas” (31:8).  Imħabbtu ta’ missier tiftħilhom triq quddiemhom, triq ta’ faraġ wara tant dmugħ u tant imrar.  Jekk il-poplu jibqa’ fidil, jekk jippersevera f’li jfittex lil Alla mqar f’art barranija, Alla jibdel il-jasar tiegħu f’ħelsien, is-solitudni tiegħu f’komunjoni: dak li l-lum il-poplu jiżra’ fid-dmugħ, għada jaħsdu fil-ferħ (ara Salm 125:6).

 

Mas-Salm urejna aħna wkoll il-ferħ li hu frott tas-salvazzjoni tal-Mulej: “Bid-daħk imtela fommna, u lsienna nħall f’għajat ta’ ferħ” (v. 2).  Min jemmen hu dak li daq l-azzjoni feddejja ta’ Alla f’ħajtu.  U aħna, Ragħajja, doqna xi jfisser tiżra’ fit-tbatija, xi drabi anki bid-dmugħ, u tifraħ għall-grazzja ta’ ħsad li dejjem imur lil hemm mill-qawwiet u l-ħiliet tagħna.

 

Is-silta mill-Ittra lil-Lhud laqqgħetna mal-kompassjoni ta’ Ġesù.  Anki Hu “libes id-dgħufija” (ara 5:2), biex seta’ jħenn għal dawk li qegħdin fl-injoranza u fl-iżball.  Ġesù hu l-ogħla qassis il-kbir, qaddis, innoċenti, imma fl-istess waqt hu l-qassis il-kbir li jaf id-dgħufijiet tagħna u ġie mġarrab f’kollox bħalna, barra d-dnub (ara 4:15).  Għalhekk hu l-medjatur tal-patt il-ġdid u li jibqa’ għal dejjem li jagħtina s-salvazzjoni.

 

Il-Vanġelu tal-lum jeħodna lura dritt għall-Ewwel Qari: kif il-poplu ta’ Israel ġie meħlus grazzi għall-imħabba ta’ Alla bħala Missier, hekk Bartimew ġie meħlus grazzi għall-ħniena ta’ Ġesù.  Ġesù għadu kemm ħareġ minn Ġeriko.  Minkejja li għadu kemm beda l-iktar mixja  importanti, dik lejn Ġerusalemm, jieqaf mill-ġdid biex iwieġeb għall-karba ta’ Bartimew.  Iħalli t-talba tiegħu tmissu, jidħol fis-sitwazzjoni tiegħu.  Ma jikkuntentax ruħu li jagħtih xi ħaġa karità, imma jixtieq jiltaqa’ miegħu personalment.  La jagħtih indikazzjonijiet u lanqas tweġibiet, imma jistaqsih: “Xi tridni nagħmillek?” (Mk 10:51).  Tista’ tidher mistoqsija bla bżonn: x’seta’ xtaq agħma jekk mhux id-dawl?  Imma, b’din il-mistoqsija magħmula “wiċċ imb’wiċċ”, diretta imma kollha rispett, Ġesù juri li jixtieq jisma’ x’għandna bżonn.  Jixtieq jibni ma’ kull wieħed u waħda minna kollokju ħaj, magħmul minn sitwazzjonijiet reali, li xejn ma jħalli barra quddiem Alla.  Wara li jfejqu, il-Mulej jgħid lil dan ir-raġel: “Il-fidi tiegħek fejqitek” (v. 52).  Kemm hi ħaġa sabiħa naraw kif Kristu jammira l-fidi ta’ Bartimew, u hekk ipoġġi l-fiduċja tiegħu fih.  Hu jemmen fina, iktar milli aħna nemmnu fina nfusna.

 

Hemm dettall interessanti.  Ġesù jitlob lid-dixxipli tiegħu biex imorru jsejħu lil Bartimew.  Huma jduru fuq l-agħma u jużaw żewġ espressjonijiet li Ġesù waħdu juża fil-bqija tal-Vanġelu.  L-ewwel nett jgħidulu: “Agħmel il-qalb!”, b’kelma li litteralment tfisser “uri fiduċja, kuraġġ!”.  Fil-fatt, il-laqgħa ma’ Ġesù biss tista’ tagħti lill-bniedem il-qawwa biex iħabbat wiċċu mas-sitwazzjonijiet l-iżjed gravi.  It-tieni espressjoni hi “Qum!”, kif Ġesù kien qal lil ħafna morda, meta qabdilhom idejhom u fejjaqhom.  Id-dixxipli tiegħu ma jagħmlux ħlief itennu l-kliem ta’ kuraġġ u ħelsien li jgħid Ġesù,  u hekk iwasslu direttament għandU, bla priedki.  Għal dan huma msejħin id-dixxipli ta’ Ġesù, anki l-lum, speċjalment il-lum: biex idaħħlu lill-bniedem f’kuntatt mal-Ħniena kollha kompassjoni li ssalva.  Meta l-karba tal-bniedem issir, bħal f’Bartimew, iżjed b’saħħitha, m’hemmx tweġiba oħra ħlief li nagħmlu tagħna l-kliem ta’ Ġesù u fuq kollox insiru nixbhuh fil-qalb tiegħu.  Is-sitwazzjonijiet ta’ miżerja u ta’ kunflitt huma għal Alla okkażjonijiet ta’ ħniena.  Issa hu ż-żmien tal-ħniena!

 

Imma hemm xi tentazzjonijiet għal min jimxi wara Ġesù.  Il-Vanġelu tal-lum jikxef ta’ l-inqas tnejn.  Ħadd mid-dixxipli ma jieqaf, kif jagħmel Ġesù.  Jibqgħu mexjin, qisu qatt ma kien xejn.  Jekk Bartimew hu agħma, huma torox: il-problema tiegħu m’hix il-problema tagħhom.  Dan jista’ jkun ir-riskju tagħna: quddiem il-problemi kontinwi, aħjar nibqgħu mexjin, bla ma nħallu lil min itellifna.  Hekk, bħal dawk id-dixxipli, inkunu ma’ Ġesù, imma ma nkunux naħsbuha bħal Ġesù.  Inkunu fil-grupp, imma nkunu tlifna l-ftuħ ta’ qalbna, tlifna l-għoġba, il-gratitudni u l-ħeġġa, u nirriskjaw li “nidraw il-grazzja”.  Nistgħu niktellmu fuqU u naħdmu għaliH, imma nkunu ngħixu mbiegħda minn qalbu, li hi miftuħa għal min hu miġruħ.  Din hi t-tentazzjoni ta’ “spiritwalità illużorja”: ngħaddu minn qalb id-deżerti ta’ l-umanità bla ma naraw dak li hu realment, imma biss dak li rridu naraw aħna; aħna kapaċi nibnu viżjoni tad-dinja, imma ma naċċettawx dik li l-Mulej iqegħdilna quddiem għajnejna.  Fidi li ma tafx tniżżel għeruqha fil-ħajja tan-nies tibqa’ niexfa u, minflok ma tkun oasi, toħloq deżerti ġodda.

 

Hemm it-tieni tentazzjoni, dik li naqgħu f’“fidi pprogrammata”.  Nistgħu nkunu mexjin mal-poplu ta’ Alla, imma diġà għandna l-programm tagħna ta’ kif ħa nimxu, u hemm jidħol kollox: nafu fejn sejrin u kemm ħa jeħdilna ħin; kulħadd irid jirrispetta r-ritmi tagħna u kull inkonvenjent ikun itellifna.  Nirriskjaw li nsiru bħal dawk il-“ħafna” tal-Vanġelu li jitlfu sabarhom u jċanfru lil Bartimew.  Ftit qabel kienu ċanfru wkoll lit-tfal (ara 10:13), issa lit-tâllab agħma: min jagħtik fastidju jew ma jistħoqqlux, twarrbu.  Min-naħa tiegħu, Ġesù jrid jinkludi, fuq kollox lil min jinsab fil-ġenb tat-triq u qed jgħajjatlU.  Dawn, bħal Bartimew, għandhom il-fidi, għax li tagħraf li teħtieġ is-salvazzjoni hu l-aħjar mod biex tiltaqa’ ma’ Ġesù.

 

U fl-aħħar Bartimew jibqa’ miexi wara Ġesù fit-triq (ara v. 52).  Mhux biss jikseb mill-ġdid id-dawl, imma jingħaqad mal-komunità ta’ dawk li mexjin wara Ġesù.  Għeżież Ħuti fis-Sinodu, aħna mxejna flimkien.  Nirringrazzjakom tat-triq li qsamna ma’ xulxin b’ħarsitna fuq il-Mulej u fuq ħutna, aħna u nfittxu l-mogħdijiet li l-Vanġelu qed jurina fi żmienna biex inħabbru l-misteru ta’ mħabba tal-familja.  Ejjew nibqgħu mexjin fit-triq li jrid il-Mulej.  NitolbuH jagħtina ħarsa mfejqa u mifdija, li taf ixxerred id-dawl, biex tfakkar dejjem f’dak il-ġmiel bla tarf li minnu ddawlet.  Bla qatt inħallu l-pessimiżmu u d-dnub idallmuna, ejjew infittxu u naraw il-glorja ta’ Alla, li tilma fil-bniedem ħaj.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard