X’tifsira għolja għandha din il-ġemgħa tagħna flimkien biex nagħtu ġieħ lill-Mulej fi tmiem din is-sena!

 

Il-Knisja f’ħafna okkażjonijiet tħoss il-ferħ u d-dmir li tgħolli l-għana tagħha lil Alla b’dawn il-kelmiet ta’ tifħir, li sa mir-raba’ seklu jsieħbu t-talb fil-mumenti importanti tal-pellegrinaġġ tagħha fuq din l-art.  Hu l-ferħ tar-radd il-ħajr li kważi spontanjament joħroġ mit-talb tagħna, biex nagħrfu l-preżenza kollha mħabba ta’ Alla fil-ġrajjiet ta’ l-istorja tagħna.  Kif jiġri ta’ spiss, imma, inħossu li fit-talb m’hux biżżejjed leħinna.  Dan għandu bżonn jissaħħaħ bil-kumpanija tal-poplu kollu ta’ Alla, li b’vuċi waħda jsemma’ l-għana tiegħu ta’ ħajr.  Għalhekk, fit-Te Deum nitolbu l-għajnuna lill-Anġli, lill-Profeti u lill-ħolqien kollu biex flimkien nistgħu nweġġħu lill-Mulej.  B’dan l-innu nerġgħu nduru lura lejn l-istorja tas-salvazzjoni fejn, bi pjan misterjuż ta’ Alla, isibu posthom u l-ġabra tagħhom anki d-diversi ġrajjiet ta’ ħajjitna matul is-sena li għaddiet.

 

F’din is-Sena tal-Ġublew jidwu b’mod speċjali l-aħħar kelmiet ta’ dan l-innu tal-Knisja: “Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, kif fik hi t-tama tagħna”.  Bil-ħniena magħna għandna dawl biex nifhmu aħjar dak kollu li għexna, u tama li sseħibna fil-bidu ta’ sena ġdida.

 

Li nħarsu lura lejn il-jiem tas-sena li għaddiet tista’ tkun jew tifkira ta’ fatti u ġrajjiet li jeħduna lura lejn waqtiet ta’ ferħ u ta’ wġigħ, jew inkella sforz biex nifhmu jekk qrajniex il-preżenza ta’ Alla li kollox iġedded u jwieżen bl-għajnuna tiegħu.  Inħossu li għandna nivverifikaw jekk il-ġrajjiet tad-dinja seħħux skond ir-rieda ta’ Alla, jew inkella smajniex iżjed mill-proġetti tal-bnedmin, spiss mimlija interessi privati, kilba għall-poter u għall-vjolenza bla sens.

 

U madankollu, il-lum għajnejna għandhom bżonn jiffukaw b’mod partikulari fuq is-sinjali li Alla tana, biex immissu b’idejna l-qawwa ta’ mħabbtu ħanina.  Ma nistgħux ninsew li ħafna jiem kienu mmarkati minn vjolenza, mill-mewt, minn tbatijiet kbar ta’ ħafna innoċenti, ta’ immigranti mġiegħla jħallu pajjiżhom, ta’ rġiel, nisa u tfal bla dar stabbli, ikel u għajxien.  U sadattant, x’ġesti kbar ta’ tjieba, ta’ mħabba u ta’ solidarjetà mlew il-jiem ta’ din is-sena, anki jekk ma sarux aħbarijiet fuq it-televiżjoni!  Il-ħwejjeġ tajbin ma jagħmlux ħoss.  Dawn is-sinjali ta’ mħabba ma jistgħux u m’għandhomx jibqgħu fid-dell tal-prepotenza tal-ħażen.  It-tajjeb jirbaħ dejjem, anki jekk f’xi mumenti jista’ jidher iżjed dgħajjef u moħbi.

 

Il-belt tagħna ta’ Ruma m’hix barranija għal din il-qagħda tad-dinja kollha.  Nixtieq li tasal għand in-nies kollha tagħha l-istedina sinċiera biex immorru lil hemm mid-diffikultajiet tal-mument ta’ issa.  L-impenn biex nirbħu lura l-valuri fundamentali tal-qadi, l-onestà u s-solidarjetà jgħinna negħlbu l-inċertezzi kbar li ddominaw ix-xena ta’ din is-sena, u li huma sintomu ta’ sens skars ta’ dedikazzjoni għall-ġid komuni.  Ma jonqos qatt is-sehem pożittiv tax-xhieda Nisranija biex Ruma, skond l-istorja tagħha, u bl-interċessjoni materna ta’ Marija Salus Populi Romani, tista’ tkun interpretu pprivileġġjat ta’ fidi, ta’ akkoljenza, ta’ fraternità u ta’ paċi.

 

Lilek, o Alla, infaħħru.  […]  Fik hi t-tama tagħna.  Ma jkollna qatt għax ninfixlu”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard