ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’ĠENOVA

 KONĊELBRAZZJONI EWKARISTIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Pjazza Kennedy

Is-Sibt 27 ta’ Mejju 2017

 

Smajna x’qal Kristu Rxoxt lid-dixxipli qabel tela’ s-Sema: “Lili ngħatat kull setgħa fis-Sema u fl-art” (Mt 28:18). Is-setgħa ta’ Ġesù, il-qawwa ta’ Alla. Din it-tema nsibuha fil-qari kollu tal-lum: fl-Ewwel Qari, Ġesù jgħid li mhix biċċa tad-dixxipli li jkunu jafu “l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu”, imma jwegħedhom “il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (Atti 1:7-8); fit-Tieni Qari, San Pawl jitkellem dwar il-“kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna” u l-“ħila tal-qawwa kbira tiegħu” (Efes 1:19). Imma fiex tikkonsisti din il-qawwa, din is-setgħa ta’ Alla?

 

Ġesù jafferma li hi setgħa “fis-sema u fl-art”. Hi qabelxejn is-setgħa li jgħaqqad is-sema u l-art. Illum qed niċċelebraw dan il-misteru, għax meta Ġesù tela’ għand il-Missier il-ġisem tagħna ta’ bnedmin rifes l-għatba tal-Ġenna: l-umanità tagħna tinsab hemm, f’Alla, għal dejjem. Hemm hi l-fiduċja tagħna, għax Alla qatt mhu ħa jixba’ mill-bniedem. Hu ta’ faraġ għalina li nafu li f’Alla, ma’ Ġesù, hemm imħejji post għal kull wieħed u waħda minna: hemm jistenniena destin ta’ wlied imqajma mill-mewt u għalhekk jiswa tabilħaqq li hawn isfel ngħixu nfittxu l-ħwejjeġ ta’ hemm fuq fejn jinsab il-Mulej tagħna (ara Kol 3:1-2). Dan hu li għamel Ġesù, bis-setgħa tiegħu li jgħaqqad għalina l-art mas-sema.

 

Imma din is-setgħa tiegħu ma ntemmitx meta tela’ s-Sema; tissokta anki llum u tibqa’ għal dejjem. Fil-fatt, proprju qabel tela’ għand il-Missier, Ġesù qal: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Mhix xi espressjoni din, sempliċi rassigurazzjoni, bħal meta qabel tkun ħa titlaq għal xi vjaġġ twil lil sħabek tgħidilhom: “Tkunu fi ħsiebi”. Le, Ġesù hu tassew magħna u għalina: fis-Sema juri lil Missieru l-umanità tiegħu, l-umanità tagħna; juri lill-Missier il-pjagi tiegħu, il-prezz li ħallas għalina; u hekk “jibqa’ għal dejjem ħaj biex jidħol” (Lhud 7:25) għalina. Din hi l-kelma-muftieħ tas-setgħa ta’ Ġesù: interċessjoni. Quddiem il-Missier, Ġesù kuljum jidħol għalina, f’kull mument. F’kull talba, kull darba li nitolbuh maħfra, fuq kollox f’kull Quddiesa, Ġesù jidħol għalina: juri lill-Missier is-sinjali tal-ħajja offruta tiegħu – għidtilkom –, il-pjagi tiegħu, u jidħol għalina, biex jiksbilna l-maħfra. Hu l-“avukat” tagħna (ara 1 Ġw 2:1) u, meta jkollna xi “kawża” importanti, nagħmlu sew nafdawha lilu, u ngħidulu: “Mulej Ġesù, idħol għalija, idħol għalina, idħol għal dik il-persuna, idħol għal dik is-sitwazzjoni…”.

 

Din il-ħila ta’ interċessjoni, Ġesù taha lilna wkoll, lill-Knisja tiegħu, li għandha s-setgħa u anki d-dmir li tinterċedi, li titlob għal kulħadd. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, kull wieħed jista’ jistaqsi: “Jiena nitlob? U lkoll kemm aħna, bħala Knisja, bħala Nsara, qed inħaddmu din is-setgħa li għandna li nwasslu quddiem Alla persuni u sitwazzjonijiet?”. Id-dinja għandha bżonn. Aħna stess għandna bżonn. Fil-ġranet tagħna niġru u naħdmu ħafna, inħabirku għal ħafna xorti; imma nirriskjaw li filgħaxija naslu d-dar għajjenin u b’ruħna mtaqqla, bħal ġifen mgħobbi bil-ġid li wara vjaġġ iebes jidħol il-port bix-xewqa biss li jintrakka u jitfi d-dwal. Jekk ngħixu dejjem fost tant ġirjiet u ħwejjeġ li rridu nagħmlu, nistgħu nintilfu, ningħalqu fina nfusna u ninkwetaw għal kull ħaġa ta’ xejn. Biex ma nħallux jirkibna dan il-“mal de vivre”, ejjew niftakru ta’ kuljum “nixħtu l-ankra tagħna f’Alla”: neħdulu t-tagħbijiet tagħna, il-persuni u s-sitwazzjonijiet, nafdawlu kollox. Din hi l-qawwa tat-talb, li torbot flimkien sema u art, li tħalli lil Alla jidħol fiż-żmien tagħna.

 

It-talb Nisrani mhux mod kif noqogħdu ftit iżjed fil-kwiet magħna nfusna jew insibu armonija interjuri; aħna nitolbu biex inwasslu kollox għand Alla, biex nafdawlu d-dinja: it-talb hu interċessjoni. Mhux trankwillità, hu karità. Hu li titlob, tfittex, tħabbar (ara Mt 7:7). U li tbill subgħajk u tidħol għal dak li jkun, tinsisti kontinwament ma’ Alla għall-ħtiġijiet tal-oħrajn (ara Atti 1:14). Ninterċedu bħal heda: din l-ewwel responsabbiltà tagħna, għax it-talb hu l-qawwa li tmexxi lid-dinja; hi l-missjoni tagħna, missjoni li fl-istess ħin tiswa taħbit u tagħti l-paċi. Din hi s-setgħa li għandna: mhux li nispikkaw jew ngħajtu iżjed, skont il-loġika ta’ din id-dinja, imma li nħaddmu l-qawwa ħelwa tat-talb, li biha nistgħu saħansitra nwaqqfu l-gwerer u niksbu l-paċi. Kif Ġesù dejjem jidħol għalina quddiem il-Missier, hekk aħna d-dixxipli tiegħu ma nehdew qatt nitolbu biex inqarrbu l-art lejn is-sema.

 

Wara l-interċessjoni, mill-Vanġelu toħroġ it-tieni kelma-muftieħ li tikxef is-setgħa ta’ Ġesù: it-tħabbira. Il-Mulej jibgħat lil tiegħu biex iħabbruh bis-setgħa waħdanija tal-Ispirtu s-Santu: “Morru mela agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28:19). Morru! Hu att ta’ fiduċja estrema fid-dixxipli tiegħu: Ġesù jafda fina, jemmen fina ħafna iżjed milli nemmnu aħna stess fina nfusna! Jibgħatna minkejja n-nuqqasijiet tagħna; jaf li qatt m’aħna ħa nkunu perfetti u li, jekk ħa noqogħdu nistennew li nsiru aħjar biex nibdew nevanġelizzaw, ma nibdew qatt.

 

Imma għal Ġesù hu importanti li minnufih negħlbu imperfezzjoni kbira: l-għeluq. Għax il-Vanġelu ma jistax jingħalaq u jiġi ssiġillat, għax l-imħabba ta’ Alla hi dinamika u trid tilħaq lil kulħadd. Mela biex inħabbru, jeħtieġ immorru, noħorġu minna nfusna. Mal-Mulej ma nistgħux noqogħdu bi kwietna, komdi fid-dinja tagħna jew fit-tifkiriet nostalġiċi tal-passat; miegħu ma tistax tingħalaq fis-sigurtajiet li tkun ksibt. Iċ-ċertezza għal Ġesù qiegħda f’li wieħed joħroġ, bil-fiduċja: hemm tidher il-qawwa tiegħu. Għax il-Mulej ma japprezzax il-lussu u l-kumdità, imma dejjem jiskomoda u jtellaq mill-ġdid. Iridna dejjem f’atteġġjament ta’ ħruġ, ħielsa mit-tentazzjoni li nikkuntentaw ruħna meta nħossuna sew u għandna kollox taħt kontroll.

 

“Morru”, jgħidilna llum ukoll Ġesù, li fil-Magħmudija ta lil kull wieħed u waħda minna s-setgħa li nħabbru. Għalhekk hi parti mill-identità tan-Nisrani li joħroġ mal-Mulej fid-dinja. Mhix biss għall-qassisin, is-sorijiet, l-ikkonsagrati: hi tal-Insara kollha, hi l-identità tagħna. Immorru fid-dinja mal-Mulej: din hi l-identità tagħna. In-Nisrani mhux wieqaf, imma miexi: mal-Mulej lejn l-oħrajn. Imma n-Nisrani mhux xi ġerrej li jiġri qisu miġnun jew konkwistatur li jrid jasal l-ewwel qabel l-oħrajn. Hu pellegrin, missjunarju, “atleta kollu tama”: umli imma deċiż fil-mixja tiegħu; fiduċjuż u fl-istess waqt attiv; kreattiv imma dejjem rispettuż; ta’ inizjattiva u miftuħ; ħawtiel u solidali. B’dan l-istil irridu niġru fit-toroq tad-dinja!

 

Kif kien għad-dixxipli tal-bidu, l-imkejjen fejn aħna rridu nħabbru huma t-toroq tad-dinja: hu fuq kollox hemm li l-Mulej jistenna li jkun magħruf illum. Bħal fil-bidu, jixtieq li l-aħbar titwassal mhux bil-qawwa tagħna, imma b’tiegħu: mhux bil-qawwa tad-dinja, imma bil-qawwa trasparenti u ħelwa tax-xhieda hienja. U dan huwa urġenti, ħuti! Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma neħlux fuq kwistjonijiet li mhumiex ċentrali, imma li niddedikaw ruħna b’mod sħiħ għall-urġenza tal-missjoni. Inħallu għall-oħrajn it-tpaċpiċ fieragħ u d-diskussjonijiet vojta ta’ min jisma’ biss lilu nnifsu, u nħabirku konkretement għall-ġid komuni u għall-paċi; nirriskjaw b’kuraġġ, konvinti li hemm iktar ferħ f’li tagħti milli f’li tirċievi (ara Atti 20:35). Kristu Rxoxt u ħaj, li dejjem jidħol għalina, ikun il-qawwa tal-vjaġġ tagħna, il-kuraġġ fil-mixi tagħna.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard