QUDDIESA NHAR IS-SOLENNITÀ TAL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ

ŻJARA FIL-POLIKLINIKA “GEMELLI” U L-FAKULTÀ
TAL-MEDIĊINA TAL-UNIVERSITÀ KATTOLIkA ‘SACRO CUORE’

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU LI NQRAT

MILL-KARDINAL ANGELO SCOLA

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Ġunju 2014

 

Minħabba li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħassar iż-żjara li kellu jagħmel fil-Poliklinika “Agostino Gemelli” , iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tas-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù kienet presjeduta mill-Kardinal Angelo Scola, President tal-Istitut “Toniolo”.

Din hija l-omelija li ħejja l-Papa Franġisku, li ġiet moqrija mill-Kardinal Scola waqt il-Quddiesa.

 

«Il-Mulej tgħaxxaq bikom u għażilkom» (Dt 7,7).

Il-Mulej tgħaxxaq bina, għażilna u din ir-rabta hi għal dejjem, mhux tant għax aħna fidili, imma għaliex il-Mulej hu fidil u jissaporti l-infedeltà tagħna, it-tnikkir tagħna, il-waqgħat tagħna.

Alla ma jibżgħax jintrabat.  Dan għalina jista’ jidher stramb: kultant aħna ninvokaw lil Alla bħal “l-Assolut”, li litterlament tfisser, mhux marbut, indipendenti, mingħajr limiti; imma fir-realtà, Missierna huwa “assolut” dejjem u fl-imħabba biss: għall-imħabba għamel patt ma’ Abram, ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb…….. u aktar.  Hu jħobb l-irbit, joħloq l-irbit, irbit li jeħles, li ma jxekkilx.

Fis-Salm tennejna: «L-imħabba tal-Mulej hi għal dejjem» (Salm 103).  Iżda, għalina l-bnedmin Salm ieħor jgħid: «Għajnuna Mulej għax m’hawnx aktar twajbin, għabu s-sinċiera minn fost il-bnedmin» (Salm 12. 2).  Illum, b’mod partikolari, il-fedeltà hija valur li qiegħed fi kriżi għax aħna imġegħelin infittxu dejjem it-tibdil, novità mistħajla, billi ninnegozjaw l-istess għeruq tal-eżistenza tagħna, tal-fidi tagħna.  Però, soċjetà li mhix fidila lejn l-għeruq tagħha, ma timxix ‘il quddiem: tista’ tagħmel progress tekniku kbir, imma mhux progress integrali, tal-bniedem sħiħ, tal-bnedmin kollha

L-imħabba t’Alla lejn il-poplu tiegħu dehret u ssarfet bis-sħiħ f’Ġesù Kristu, li, biex jonora r-rabta ta’ Alla mal-poplu tiegħu, sar skjav, tneżża’ mill-glorja tiegħu u ħa sura ta’ qaddej.  Fl-imħabba tiegħu ma ċediex quddiem l-ingratitudni tagħna u lanqas quddiem iċ-ċaħda.  Ifakkarulna San Pawl: «Jekk aħna m’aħniex fidili, Hu, Ġesù, jibqa’ fidil, għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu» (2 Timotju 2, 13).  Ġesù jibqa’ fidil, ma jittraxxendi qatt: anki meta żbaljajna, Hu jistenniena biex jaħfrilna: dan hu l-wiċċ tal-Missier ħanin.

Din l-imħabba, din il-fedeltà tal-Mulej turi l-umiltà tal-qalb tiegħu.  Ġesù ma ġiex biex jirbaħ ‘il-bnedmin bħalma jagħmlu r-rejiet u s-setgħana ta’ did-dinja, imma ġie biex joffri l-imħabba bil-manswetudni u bl-umiltà.  Hekk spjega lilu nnifsu: « Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli» (Mattew 11. 29).  Is-sens tal-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li qed niċċelebraw illum hu dak li niskopru dejjem aktar u li nħallu din il-fedeltà umli u l-mitezza tal-imħabba ta’ Kristu, ir-rivelazzjoni tal-ħniena t’Alla, tgħannaqna.  Aħna nistgħu nħossu u nduqu t-tenerezza ta’ din l-Imħabba f’kull staġun ta’ ħajjitna: fi żmien il-ferħ u fi żmien in-niket, meta nkunu f’sikkitna, meta tonqosna s-saħħa u fil-mard.

Il-fedeltà ta’ Alla tgħallimna nilqgħu l-ħajja bħala avveniment ta’ mħabbtu u tgħinna nagħtu xhieda ta’ din l-imħabba lil ħutna  permezz ta’ servizz umli u manswet.  Dan hu dak li huma msejħin jagħmlu speċjalment it-tobba u l-paramediċi f’din il-Poliklinika, li tifforma parti mill-Università tal-“Qalb ta’ Ġesù”.  Hawnhekk, kull wieħed u waħda minnkom jagħti ftit mill-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù lill-marid u dan jagħmlu b’kompetenza u professjonalità.  Dan ifisser fedeltà lejn il-valur li fuqu waqqaf l-Univeristà tal-Kattoliċi Taljani Padre Agostino Gemelli, li ried jgħaqqad ir-riċerka xjentifika mdawla mill-fidi mat-tħejjija ta’ professjonisti Nsara kwalifikati.

Għeżież ħuti, fi Kristu aħna nikkontemplaw il-fedeltà ta’ Alla.  Kull ġest, kull kelma ta’ Ġesù, huma mera tal-imħabba mimlija ħniena u fidila tal-Missier.  Għalhekk, quddiemu aħna nistaqsu: kif inhi l-imħabba tiegħi lejn il-proxxmu?  Naf inkun fidil?  Jew inkella jien dgħajjef, nimxi skont il-burdati u s-simpatiji tiegħi?  Kull wieħed u waħda minna jista’ jwieġeb fil-kuxjenza tiegħu.  Imma fuq kollox, nistgħu ngħidu lill-Mulej: Mulej Ġesù għamel li qalbi tkun dejjem tixbaħ lil tiegħek, tkun mimlija mħabba u fedeltà.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber