QUDDIESA GĦALL-JUM TAL-FAMILJA
Fl-OKKAŻŻJONI TAS-SENA TAL-FIDI

OMELIJA TAL-PAPA FARNĠISKU

Quddiem il-Bażilka Vatikana - Il-Ħadd 27 ta’ Ottubru, 2013

 

Il-Qari ta’ dan il-Ħadd jistedinna nimmeditaw fuq ftit mill-kwalitajiet fundamentali tal-familja nisranija.

L-ewwel:  Il-familja li titlob.  Is-silta tal-Evanġelju turina ċar żewġ modi ta’ talb, wieħed falz – dak tal-fariżew – u l-ieħor awtentiku – dak tal-pubblikan. Il-fariżew jinkarna fih atteġġjament li ma jesprimix ir-radd il-ħajr lil Alla għall-benefiċċji u l-ħniena tiegħu, imma aktar sodisfazzjon tiegħu nnifsu.  Il-fariżew iħossu tajjeb, iħossu f’postu, jiftaħar b’dan u jiġġudika l’oħrajn mill-għoli tal-pedistall tiegħu.  Il-pubblikan, bil-maqlub, ma jżidx il-kliem.  It-talba tiegħu hija umli, meqjusa; huwa jagħraf b’mod koxjenti li m’huwiex denn; jagħraf il-miżerji tiegħu: dan il-bniedem tassew jagħraf li jeħtieġ il-maħfra t’Alla, il-ħniena t’Alla.

It-talba tal-pubblikan hija t-talba tal-fqir, hija t-talba li tgħoġob lil Alla li, kif jgħidilna l-ewwel Qari, “titla’ sas-sħab” (Bin Sirak 35, 20), fil-waqt li t-talba tal-fariżew hija mtaqqla bil-piż tal-frugħa.

Fid-dawl ta’ din il-Kelma, nixtieq insaqsi lilkom, għeżież familji: titolbu intom xi drabi fil-familja?  Xi wħud, iva, naf.  Imma ħafna jgħiduli:  imma kif tagħmel?  Tagħmel kif għamel il-pubblikan; dan huwa ċar:  bl-umilta’ quddiem Alla. Kull wieħed u waħda, bl-umilta’ jħalli lill-Mulej iħares lejh jew lejha u jitolbu jew titolbu t-tjieba tiegħu biex tiġi għandna.  Imma fil-familja dan kif isir?  … Għaliex jidher li t-talb hija ħaġa personali; u mbagħad fil-familja m’hemm qatt waqt adatt, trankwill... Tassew, hekk hu; imma hija wkoll kwistjoni ta’ umilta’, li nagħarfu li neħtieġu lil Alla, bħall-pubblikan!  U l-familji kollha għandhom bżonn lil Alla: ilkoll, ilkoll!  Għandhom bżonn l-għajnuna tiegħu, il-qawwa tiegħu, il-barka tiegħu, il-ħniena tiegħu, il-maħfra tiegħu.  U neħtieġu s-sempliċita’:  biex nitolbu fil-familja, neħtieġu s-sempliċita’!  Nitolbu flimkien il-“Missierna”, madwar il-mejda, mhix xi ħaġa straordinarja: hija ħaġa ħafifa.  U nitolbu flimkien ir-Rużarju, fil-familja, hija ħaġa sabiħa wisq, tagħti qawwa kbira.  U anke li nitolbu għal xulxin: ir-raġel għal-martu, il-mara għal żewġha, it-tnejn li huma jitolbu għal uliedhom, l-ulied jitolbu għall-ġenituri, għan-nanniet... Nitolbu għal xulxin.  Dan huwa nitolbu fil-familja, u dan hu li jagħti qawwa lill-familja: it-talb.

2. It-tieni Qari jissuġġerielna xi ħaġa oħra:  il-familja tħares il-fidi.  L-appostlu Pawlu, fi tmiem ħajtu, jagħmel eżami fundamentali, u jtenni: “Ħarist il-fidi” (2 Tim 4, 7). Imma kif ħarisha?  Mhux f’xi kaxxaforti!  Ma ħbihiex taħt l-art, bħal dak il-qaddej xi ftit għażżien.  San Pawl iqabbel ħajtu ma’ ġlieda u ma tellieqa.  Huwa ħares il-fidi għax ma llimitax ruħu jiddefendiha, imma jxandarha, ixerred ir-raġġi tagħha, wassalha ‘l bogħod.  Huwa ħadha b’mod deċisiv kontra dawk li riedu jħarsuha,kontra dawl li riedu “jibbalzmaw” il-messaġġ ta’ Kristu għall-art tal-Palestina.  Għalhekk huwa għamel għażliet kuraġġjużi, huwa mar f’artijiet li kienu kontra, ħalla lilu nnifsu jkun provokat minn dawk imbegħeda, minn kulturi differenti, tkellem bis-sinċerita’ kollha mingħajr biża’.  San Pawl ħares il-fidi għaliex huwa taha hekk kif irċeviha, wassalha bil-qawwa kollha fil-periferiji, mingħajr ma ngħalaq fih innifsu f’qagħdiet difensivi. 

Hawnhekk ukoll nistgħu nsaqsu: b’liema mod aħna, fil-familja, qegħdin inħarsu l-fidi?  Qegħdin inżommuha għalina, fil-familja tagħna, bħallikieku xi ġid privat, bħal xi kont fil-bank, jew nafu kif naqsmuha bix-xhieda tagħna, billi nkunu nies li nilqgħu lill-oħrajn, billi nkunu miftuħin għall-oħrajn?  Ilkoll nafu li l-familji, b’mod speċjali dawk żgħażagħ, huma dejjem “bil-ġirja”, għandhom ħafna x’jagħmlu;  imma ħsibtu xi drabi li din “il-ġirja” tista’ tkun ukoll il-ġirja tal-fidi?  Il-familji nsara huma familji missjunarji.  Il-bieraħ smajna hawnhekk fil-pjazza x-xhieda ta’ familji missjunarji.  Huma missjunarji wkoll fil-ħajja ta’ kuljum, fil-waqt li jwettqu l-ħwejjeġ ordinarji ta’ kuljum, fil-waqt li jqegħedu f’kollox il-melħ u l-ħmira tal-fidi !  Ħarsu l-fidi fil-familja u qegħedu l-melħ u l-ħmira tal-fidi fil-ħwejjeġ ta’kuljum.

3.  U l-aħħar kelma nisiltuha mill-Kelma t’Alla: il-familja li tgħix il-ferħ.  Fis-Salm responsorjali hemm din l-espressjoni:  “il-fqar jisiimgħu u jifirħu” (Salm 33/34, 3).  Is-Salm kollu huwa innu lill-Mulej, il-għajn tal-ferħ u tas-sliem.  U liema hija r-raġuni ta’ dan il-ferħ?  Hija din: “Il-Mulej huwa qrib, huwa jisma’ l-karba tal-umli u jeħilsu mill-ħażen.  San Pawl jikteb: “Kunu dejjem ferħanin ... il-Mulej huwa qrib” (Fil 4, 4-5).  Eh!... bi pjaċir illum nagħmel mistoqsija: Imma kulħadd iġorrha f’qalbu, fid-dar tiegħu, ftehemna?  Bħallikieku xogħol li tagħmluh id-dar.  U kulħadd iwieġeb għalih waħdu.  Fiex inhu l-ferħ fid-dar tiegħek?  Kif inhu l-ferħ fil-familja tiegħek?  Ftehemna, intom stess agħtu t-tweġiba

 Għeżież familji, intom dan tafuh sewwa:  il-ferħ veru li niggustaw fil-familja mhux xi ħaġa superfiċjali, ma jiġix mill-affarijiet, miċ-ċirkustanzi li jiġu favurina...  Il-ferħ veru jiġi minn armonija profonda bejn il-persuni, ferħ li lkoll iħossu f’qalbhom, u li jgħinna nħossu s-sbuħija ta’ meta nkunu nkunu flimkien, meta ngħinu sħiħ lil xulxin fil-mixja tal-ħajja.  Imma bħala pedament ta’ dan is-sentiment ta; ferħ profond hemm il-preżenza t’Alla fil-familja, hemm imħabbtu li tilqagħna, imħabbtu mimlija ħniena, li tirrispetta lil kulħadd.  U fuq kollox din l-imħabba hija mħabba paċenzjuża, il-wieħed mal-ieħor.  Ikollna paċenzja bejnietna.  Imħabba paċenzjuża.  Huwa Alla biss li jaf joħloq l-armonija tad-differenzi.  Jekk tonqos l-imħabba t’Alla, il-familja wkoll titlef l-armonija, jirbħu l-individwaliżmi, jintefa’ l-ferħ.  Għall-kuntrarju meta l-familja tgħix il-ferħ tal-fidi, tikkomunikaha spontanjament, hija melħ tal-art u dawl tad-dinja, hija ħmira għas-soċjeta’ kollha.

Għeżież familji, għixu dejjem bil-fidi u bis-sempliċita’, bħall-Familja qaddisa ta’ Nażaret.  Il-ferħ u s-sliem tal-Mulej ikunu magħkom dejjem!

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.