QUDDIESA GĦALL-FAMILJI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2015

Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi

 

Il-qari Bibliku li smajna ppreżentalna x-xbieha ta’ żewġ familji li qed jagħmlu l-pellegrinaġġ tagħhom lejn id-dar ta’ Alla.  Elkana u Anna jieħu lil binhom Samwel fit-Tempju ta’ Silo u jikkonsagrawh lill-Mulej (ara 1 Sam 1:20-22,24-28).  Bl-istess mod, Ġużeppi u Marija, għall-festa ta’ l-Għid, jitilgħu pellegrini f’Ġerusalemm flimkien ma’ Ġesù (ara Lq 2:41-52).

 

Spiss nilmħu l-pellegrini li jinġabru fis-santwarji u fl-imkejjen għeżież tal-qima popolari.  F’dawn il-jiem, ħafna bdew mexjin biex jaslu fil-Bieb Imqaddes miftuħ fil-katidrali kollha tad-dinja u anki f’ħafna santwarji.  Imma l-isbaħ ħaġa li l-lum tixħet dawl fuqha l-Kelma ta’ Alla hi li l-familja kollha tagħmel il-pellegrinaġġ.  Missier, omm u wlied, flimkien, jinġabru fid-dar tal-Mulej biex iqaddsu l-jum ta’ festa bit-talb.  Hi tagħlima importanti li qed tiġi offruta wkoll lill-familji tagħna.  Anzi, nistgħu ngħidu li l-ħajja tal-familja hi l-ġabra ta’ pellegrinaġġi żgħar u kbar.

 

Ngħidu aħna, kemm jagħmlilna ġid naħsbu f’Marija u Ġużeppi li għallmu lil Ġesù jitlob!  U dan hu pellegrinaġġ, il-pellegrinaġġ ta’ l-edukazzjoni għat-talb.  U jagħmlilna wkoll ġid li nkunu nafu li matul il-jum kienu jitolbu flimkien; u li mbagħad is-Sibt kienu jmorru flimkien fis-sinagoga biex jisimgħu l-Iskrittura tal-Liġi u tal-Profeti u jweġġħu lil Alla flimkien mal-poplu kollu.  U ċertament matul il-pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm talbu jgħannu bi kliem is-Salm: “Fraħt meta qaluli: ‘Sejrin f’dar il-Mulej!’.  Diġà qegħdin riġlejna fi bwiebek, Ġerusalemm!” (122:1-2).

 

Kemm hu ta’ siwi għall-familji tagħna li nimxu flimkien u jkollna l-istess destinazzjoni x’nilħqu!  Nafu li għandna mixja komuni x’nagħmlu; triq fejn niltaqgħu mad-diffikultajiet imma anki ma’ mumenti ta’ ferħ u ta’ faraġ.  F’dan il-pellegrinaġġ tal-ħajja naqsmu wkoll il-mument tat-talb.  X’jista’ jkun hemm isbaħ għal missier u għal omm milli jbierku lil uliedhom fil-bidu tal-ġurnata u fl-għeluq tagħha!  Jimmarkawlhom fuq ġbinhom is-sinjal tas-salib bħal f’jum il-Magħmudija.  M’hix forsi din it-talba l-iżjed sempliċi tal-ġenituri għal uliedhom?  Iberkuhom, jiġifieri jafdawhom f’idejn il-Mulej, kif għamlu Elkana u Anna, Ġużeppi u Marija, biex ikun Hu l-ħarsien u t-tweżin tagħhom fid-diversi waqtiet tal-ġurnata.  Kemm hu importanti għall-familja li ssib ukoll dan il-mument ċkejken ta’ talb qabel tiekol flimkien, biex trodd ħajr lill-Mulej għal dawn id-doni, u biex titgħallem taqsam dak li rċiviet ma’ min l-iktar li għandu bżonn!  Huma kollha ġesti ċkejknin, imma li jesprimu r-rwol kbir formattiv li l-familja għandha fil-pellegrinaġġ ta’ kuljum.

 

Fi tmiem dak il-pellegrinaġġ, Ġesù reġa’ lura Nazareth u kien joqgħod għall-ġenituri tiegħu (ara Lq 2:51).  Anki din ix-xbieha fiha tagħlima sabiħa għall-familji tagħna.  Fil-fatt, il-pellegrinaġġ ma jintemmx meta tkun intlaħqet id-destinazzjoni tas-santwarju, imma meta wieħed jerġa’ lura d-dar u jerġa’ jaqbad il-ħajja ta’ kuljum, u jaħsad il-frott spiritwali ta’ l-esperjenza megħjuxa.  Nafu x’kien għamel Ġesù dak in-nhar.  Flok reġa’ lura d-dar ma’ niesu, baqa’ Ġerusalemm fit-Tempju, u ħoloq uġigħ kbir f’qalb Marija u Ġużeppi li ma setgħux isibuh.  Għal din il-“ħarba ċkejkna”, aktarx anki Ġesù kellu jitlob skuża lill-ġenituri tiegħu.  Il-Vanġelu dan ma jgħidux, imma naħseb li nistgħu nistħajluh.  Il-mistoqsija ta’ Marija, wara kollox, turi sens ta’ ċanfira, u tagħmilha ċara kemm hi u Ġużeppi tħassbu u tnikktu.  Jagħmlu wkoll parti mill-pellegrinaġġ tal-familja dawn il-mumenti li mal-Mulej jinbidlu f’opportunitajiet biex wieħed jikber, f’okkażjoni biex wieħed jitlob maħfra u jilqagħha, biex juri mħabba u ubbidjenza.

 

Fis-Sena tal-Ħniena, kull familja Nisranija tista’ ssir post ipprivileġġjat ta’ dan il-pellegrinaġġ li fih induqu l-ferħ tal-maħfra.  Il-maħfra hi l-essenza ta’ l-imħabba li taf tagħder l-iżball u ssib rimedju.  Imsejknin aħna jekk Alla ma jaħfrilniex!  Hu fi ħdan il-familja li niġu edukati għall-maħfra, għax ċerti li aħna mifhumin u mwieżna minkejja l-iżbalji li nistgħu nagħmlu.

 

Ejjew ma nitilfux il-fiduċja fil-familja!  Kemm hi ħaġa sabiħa li dejjem niftħu qalbna għal xulxin, bla ma naħbu xejn.  Fejn hemm l-imħabba, hemm ukoll il-ftehim u l-maħfra.  Nafda f’idejkom kollha, għeżież familji, dan il-pellegrinaġġ domestiku tal-ħajja ta’ kuljum, din il-missjoni hekk għolja, li d-dinja u l-Knisja l-lum iżjed minn qatt qabel jeħtiġuha.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard