ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

QUDDIESA, TBERIK U TQEGĦID TA’ L-IRMIED –

MANDAT TAL-MISSJUNARJI TAL-ĦNIENA

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

L-Erbgħa tar-Rmied, 10 ta’ Frar 2016

 

Il-Kelma ta’ Alla, fil-bidu tal-mixja tar-Randan, qed tagħmel lill-Knisja u lil kull wieħed u waħda minna żewġ stediniet.

 

L-ewwel waħda hi dik ta’ San Pawl: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu” (2 Kor 5:20).  M’hux sempliċement parir tajjeb ta’ missier u lanqas biss suġġeriment; hi sejħa vera u propja f’isem Kristu: “Nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: ‘Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu’” (ibid.).  Għaliex din is-sejħa hekk solenni u mqanqla?  Għax Kristu jaf kemm aħna dgħajfa u midinba, jaf id-dgħufija ta’ qalbna; jaraha miġruħa mill-ħażen li għamilna u sarilna; jaf kemm għandna bżonn tal-maħfra, jaf li rridu li nħossuna maħbuba biex nistgħu nagħmlu t-tajjeb.  Waħidna m’aħniex kapaċi: għalhekk l-Appostlu ma jgħidilniex biex nagħmlu xi ħaġa, imma biex inħallu lil Alla jħabbibna mill-ġdid miegħu, biex inħalluh jaħfrilna, b’fiduċja, għax “Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna” (1 Ġw 3:20).  Jekk nintelqu f’idejh, Hu jegħleb id-dnub u jerġa’ jerfagħna mill-miżerja tagħna.  Minna jonqos jekk nagħrfux li aħna fil-ħtieġa tal-ħniena: dan hu l-ewwel pass tal-mixja Nisranija; li nidħlu mill-bieb miftuħ li hu Kristu, fejn hemm jistenniena Hu stess, il-Feddej, u joffrilna ħajja ġdida u hienja.

 

Nistgħu nsibu ħafna xkiel, li jagħlaq il-bibien ta’ qlubna.  Hemm it-tentazzjoni li nsakkru l-bibien, jiġifieri li ngħixu mad-dnub tagħna, nippruvaw innaqqsulu l-gravità tiegħu, dejjem niġġustifikaw ruħna, għax naħsbu li ma nistgħux inkunu agħar mill-oħrajn; imma hekk inkunu qed insakkru s-serraturi tar-ruħ u nibqgħu magħluqin ġewwa, priġuniera tal-ħażen.  Tfixkil ieħor hu meta nistħu niftħu l-bieb sigriet tal-qalb tagħna.  Fir-realtà, il-mistħija hi sintomu tajjeb, għax turi li nixtiequ ninqalgħu mill-ħażen; imma din m’għandha qatt tinbidel f’biża’.  U hemm it-tielet periklu, dak li nitbiegħdu mill-bieb: hekk jiġri meta ninħbew fil-miżerji tagħna, meta noqogħdu ntellgħu u nniżżlu l-ħin kollu, u norbtu magħhom il-ħwejjeġ negattivi, sa ma negħrqu fil-kantini l-iktar mudlama tar-ruħ.  Hekk insiru saħansitra familjari ma’ dik id-diqa li ma nixtiquhiex, naqtgħu qalbna u iktar insiru dgħajfa quddiem it-tentazzjonijiet.  Dan iseħħ għax nibqgħu waħidna magħna nfusna, għax ningħalqu u naħarbu mid-dawl; meta hi biss il-grazzja ta’ Alla li tista’ teħlisna.  Mela ejjew inħalluh jerġa’ jħabbibna miegħu, nisimgħu lil Ġesù li lil min hu għajjien u mkisser jgħidlu: “Ejja għandi” (Mt 11:28).  Ma nibqgħux magħluqin fina nfusna, imma mmorru għandU!  Hemm il-mistrieħ u s-sliem.

 

F’din iċ-ċelebrazzjoni hawn preżenti l-Missjunarji tal-Ħniena, biex jirċievu l-mandat ħa jsiru sinjali u strumenti tal-maħfra ta’ Alla.  Għeżież ħuti, ħa tkunu intom li tgħinu lill-oħrajn jiftħu l-bibien ta’ qlubhom, biex jegħlbu kull mistħija, biex ma jaħarbux mid-dawl.  Ħalli dirgħajkom ibierku u jerġgħu jerfgħu lill-aħwa bi mħabba ta’ missirijiet; jalla, permezz tagħkom, il-ħarsa u l-idejn tal-Missier jistgħu jistrieħu fuq l-ulied u jfejqulhom il-ġrieħi tagħhom!

 

Hemm stedina oħra Alla jagħmlilna permezz tal-profeta Ġoel: Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” (2:12).  Jekk hemm bżonn nerġgħu lura, dan għax konna tbegħidna.  Dan hu l-misteru tad-dnub: tbegħidna minn Alla, mill-oħrajn, minna nfusna.  M’hux diffiċli nintebħu: kollha nistgħu naraw kemm inbatu biex ikollna tassew fiduċja f’Alla, biex nafdaw ruħna f’idejH bħala Missier, bla biża’; kemm hu iebes li tħobb lill-oħrajn, flok taħseb ħażin fihom; kemm jiswielna nagħmlu l-almu kollu tagħna, meta aħna miġbudin u mħajra minn tant realtajiet materjali, li mbagħad jgħibu u fl-aħħar iħalluna foqra.  Biswit din l-istorja ta’ dnub, Ġesù inawgura storja ta’ salvazzjoni.  Il-Vanġelu li jiftaħ ir-Randan jistedinna nkunu protagonisti tagħha, billi nħaddnu tliet rimedji, tliet mediċini li jfejqu mid-dnub (ara Mt 6:1-6,16-18).

 

Fl-ewwel post it-talb, espressjoni ta’ ftuħ u ta’ fiduċja fil-Mulej: hu l-laqgħa personali Miegħu, li jqassar id-distanzi maħluqa mid-dnub.  Titlob ifisser tgħid: “Ma nistax nagħmel kollox waħdi, għandi bżonnoK, Int ħajti u s-salvazzjoni tiegħi”.  It-tieni, il-karità, biex negħlbu l-idea li m’għandniex x’naqsmu ma’ l-oħrajn.  L-imħabba vera, fil-fatt, m’hix att esterjuri, m’hix li tagħti xi ħaġa b’mod paternalistiku biex issikket il-kuxjenza, imma li naċċettaw lil min għandu bżonn tal-ħin tagħna, tal-ħbiberija tagħna, ta’ l-għajnuna tagħna.  Tfisser li ngħixu l-qadi, u nirbħu t-tentazzjoni li nissodisfaw lilna nfusna.  It-tielet, is­-sawm, il-penitenza, biex ninħelsu mid-dipendenzi fil-konfront ta’ dak li jgħaddi u nitħarrġu biex inkunu iżjed sensibbli u ħanina.  Hi stedina għas-sempliċità u għall-qsim: inneħħu xi ħaġa minn fuq il-mejda tagħna u mill-ġid tagħna biex insibu mill-ġdid il-ġid veru tal-libertà.

 

“Erġgħu duru lejja”, jgħid il-Mulej, “erġgħu duru lejja b’qalbkom kollha”: m’hux biss xi att minn barra, imma mill-profond tagħna nfusna.  Fil-fatt Ġesù jsejħilna biex ngħixu t-talb, il-karità u l-penitenza b’koerenza u awtentiċità, waqt li negħlbu l-ipokrezija.  Ħa jkun ir-Randan żmien ta’ “żabra” tajba mill-falzità, mill-mondanità, mill-indifferenza: biex ma naħsbux li kollox sejjer sew jekk jien sejjer sew; biex nifhmu li dak li jgħodd m’hux l-approvazzjoni, it-tiftix tas-suċċess jew tal-kunsens, imma l-indafa tal-qalb u tal-ħajja; biex insibu mill-ġdid l-identità Nisranija, jiġifieri l-imħabba li taqdi, mhux l-egoiżmu li jiddobba b’ħaddieħor.  Ejjew nibdew mexjin flimkien, bħala Knisja, billi nilqgħu l-Irmied – anki aħna għad insiru rmied – u nżommu ħarsitna fissa fuq il-Kurċifiss.  Hu, għax iħobbna, qed jistedinna biex inħallu lil Alla jħabbibna miegħu u biex nerġgħu lura Lejh, ħa nerġgħu nsibu lilna nfusna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard