QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar 2017

 

Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh” (Mt 2:2).

 

B’dawn il-kelmiet il-Maġi, li ġew minn artijiet imbiegħda, jgħarrfuna r-raġuni tal-vjaġġ twil tagħhom: biex iqimu lis-sultan li għadu kemm twieled. Jaraw u jqimu: żewġ azzjonijiet li jispikkaw fir-rakkont tal-Vanġelu: Rajna l-kewkba u nixtiequ nadurawh.

 

Dawn l-irġiel raw kewkba li ġagħlithom jitħarrku minn posthom. Il-kixfa ta’ xi ħaġa mhix tas-soltu li seħħet fis-sema qanqlet serje twila ta’ ġrajjiet. Ma kinitx kewkba li xegħlet b’mod esklussiv għalihom biss, lanqas kellhom xi DNA speċjali biex skoprewha. Kif għaraf tant tajjeb wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, il-Maġi ma telqux jimxu għax lemħu l-kewkba, imma lemħu l-kewkba għax kienu telqu jimxu (ara San Ġwann Kriżostmu). Kellhom qalbhom miftuħa għax-xefaq u setgħu jilmħu dak li s-sema kien qed jurihom għax fihom kellhom xewqa li kienet qed tħeġġiġhom: kienu miftuħa għal xi ħaġa ġdida.

 

Hekk il-Maġi huma r-ritratt veru ta’ min jemmen, ta’ min għandu nostalġija ta’ Alla; ta’ min iħoss in-nuqqas tad-dar tiegħu, is-sema pajjiżna. Jirriflettu x-xbieha tal-bnedmin kollha li f’ħajjithom ma ħallewx qalbhom titmewwet.

 

In-nostalġija mqaddsa ta’ Alla tnixxi fil-qalb ta’ min jemmen għax jaf li l-Vanġelu mhux ġrajja tal-imgħoddi imma ta’ issa. In-nostalġija mqaddsa ta’ Alla tgħinna nżommu għajnejna miftuħa quddiem it-tentattivi kollha li jippruvaw iġibu fix-xejn u jfaqqru l-ħajja. In-nostalġija mqaddsa ta’ Alla hi l-memorja ta’ min jemmen li tirribella quddiem tant profeti tal-isfortuna. Din in-nostalġija hi dik li żżomm ħajja t-tama tal-komunità li temmen li, ġimgħa wara ġimgħa, titlob u tgħid: “Ejja, Mulej Ġesù!”.

 

Kienet sewwasew din in-nostalġija li ġagħlet lix-xwejjaħ Xmuni jmur ta’ kuljum it-Tempju, għax kien ċert li ħajtu ma kellhiex tintemm qabel ma seta’ jħaddan f’dirgħajh lill-Feddej. Kienet din in-nostalġija li ġagħlet lill-iben il-ħali jinqala’ minn atteġġjament qerriedi u jmur ifittex id-dirgħajn ta’ missieru. Kienet din in-nostalġija li ħass ir-ragħaj fil-qalb tiegħu meta ħalla d-disgħa u disgħin nagħġa l-oħra biex joħroġ ifittex il-mitlufa, u kien dan ukoll li ħasset Marija ta’ Magdala f’dik l-għodwa tal-Ħadd biex marret tħaffef lejn il-qabar u hemm tiltaqa’  mal-Imgħallem tagħha rxoxt. In-nostalġija ta’ Alla taqlagħna minn wara l-ħitan deterministiċi tagħna, dawk li jriduna naħsbu li xejn ma jista’ jinbidel. In-nostalġija ta’ Alla hi l-atteġġjament li jfarrak il-konformiżmi tad-dwejjaq u jħeġġiġna nħabirku għal dik il-bidla li għaliha nixxennqu u li tant neħtiġuha. In-nostalġija ta’ Alla għandha għeruqha fil-passat imma ma tiqafx hemm: tmur tfittex il-futur. Min jemmen u għandu din in-nostalġija, imħeġġeġ mill-fidi tiegħu, imur ifittex lil Alla, bħall-Maġi, fl-imkejjen l-aktar imbiegħda tal-istorja, għax f’qalbu jaf li hemm qed jistennieh il-Mulej. Imur fil-periferija, fuq il-fruntiera, fil-postijiet mhux evanġelizzati, biex jista’ jiltaqa’ mal-Mulej tiegħu; u dan xejn ma jagħmlu b’xi atteġġjament ta’ superjorità, imma jagħmlu bħal tallab li ma jistax jinjora l-għajnejn ta’ min għalih il-Bxara t-Tajba għadha art li jrid jesplora.

 

Bil-maqlub hu l-atteġġjament fil-palazz ta’ Erodi (li kien biss ftit tal-kilometri bogħod minn Betlehem), fejn ma kinux intebħu b’dak li kien qed iseħħ. Waqt li l-Maġi kienu mexjin, Ġerusalemm kienet rieqda. Rieqda flimkien ma’ Erodi li, flok ma kien qed ifittex, kien rieqed hu wkoll. Rieqed illoppjat minn kuxjenza maħruqa. U baqa’ mifxul. Twerwer. Hi l-fixla ta’ min, quddiem il-ġdid li jġib rivoluzzjoni fl-istorja, jingħalaq fih innifsu, fir-riżultati tiegħu, f’dak u dawk li jaf, fis-suċċessi tiegħu. Il-fixla ta’ min jibqa’ komdu bilqiegħda fl-għana tiegħu bla ma jirnexxielu jara lil hemm minn hekk. Fixla li titnissel fil-qalb ta’ min irid jikkontrolla kollox u lil kulħadd. Hi l-fixla ta’ min hu mgħaddas fil-kultura ta’ dak li jrid jirbaħ, ikun xi jkun il-prezz; f’dik il-kultura fejn hemm wisa’ biss għar-“rebbieħa”, ikun xi jkun il-prezz. Fixla li titwieled mill-biża’ u t-twerwir quddiem dak li jisfidana u jqiegħed f’riskju ċ-ċertezzi u l-veritajiet tagħna, il-mod tagħna ta’ kif nintrabtu mad-dinja u mal-ħajja. U hekk Erodi beża’, u dak il-biża’ wasslu biex ifittex iċ-ċertezza f’att kriminali: Necas parvulos corpore, quia te necat timor in corde (San Quodvultdeus, Omelija 2 fuq is-SimboluPL 40, 655). Oqtol lit-trabi fil-ġisem, għax lilek il-biża’ qed joqtollok qalbek.

 

Ġejna nqimuh. Dawk l-irġiel ġew mil-Lvant biex jagħtuh qima, u ġew jagħmlu dan sewwasew f’post ta’ sultan: il-Palazz. U dan importanti: hemm wasslithom it-tiftixa tagħhom: kien il-post idonju, għax hu f’palazz li jitwieled Sultan, li għandu l-qorti tiegħu u s-sudditi tiegħu. Hu sinjal ta’ poter, ta’ suċċess, ta’ ħajja li rnexxiet. U tistenna li sultan jiġi meqjum, li n-nies tibża’ minnu u tagħmel dak li jrid hu, iva; imma mhux bilfors tħobbu. Dawn huma l-iskemi tad-dinja, l-idoli żgħar li aħna nqimu: il-kult tal-poter, tad-dehra u tas-superjorità. Idoli li jwiegħdu biss diqa, jasar, biża’.

 

U kien sewwasew hemm li bdiet l-itwal mixja li kellhom jagħmlu dawn l-irġiel li ġew mill-bogħod. Hemm beda s-sogru l-iżjed diffiċli u kkumplikat. Jiskopru li dak li kienu qed ifittxu ma kienx qiegħed fil-Palazz imma f’xi post ieħor, mhux biss ġeografiku imma eżistenzjali. Ma rawhiex hemm il-kewkba li wasslithom biex jiskopru lil Alla li jrid min iħobbu, u dan hu possibbli biss taħt is-sinjal tal-ħelsien u mhux tat-tirannija; niskopru li l-ħarsa ta’ dan is-Sultan mhux magħruf – imma mixtieq – ma tbaxxix, ma tjassarx, ma tgħakkisx. Niskopru li l-ħarsa ta’ Alla terġa’ tgħolli, taħfer, tfejjaq. Niskopru li Alla ried jitwieled hemm fejn ma konniex qed nistennewh, fejn forsi ma rriduhx. Jew fejn ħafna drabi niċħduh. Niskopru li fil-ħarsa ta’ Alla hemm lok għall-miġruħa, għall-għajjiena, il-maħqura, l-imwarrba: li l-qawwa tiegħu u s-setgħa tiegħu tissejjaħ ħniena. Kemm hi mbiegħda, għal xi wħud, Ġerusalemm minn Betlehem!

 

Erodi ma jistax jagħtih qima għax ma riedx u lanqas seta’ jibdel il-ħarsa tiegħu. Ma riedx jieqaf iqim lilu nnifsu għax kien jemmen li kollox kien jibda u jispiċċa miegħu. Ma setax jagħtih qima għax l-iskop tiegħu kien li l-oħrajn iqimu lilu. Lanqas il-qassisin ma setgħu jagħtuh qima għax kienu jafu ħafna, kienu jafu l-profeziji, imma ma kinux lesti la li jimxu u lanqas li jinbidlu.

 

Il-Maġi ġiethom in-nostalġija, ma ridux iżjed l-istess affarijiet. Kienu draw, xebgħu u ddejqu bl-Erodijiet ta’ żmienhom. Imma hemm, f’Betlehem, kien hemm wegħda ta’ xi ħaġa ġdida, wegħda mogħtija b’xejn. Hemm kienet qed isseħħ xi ħaġa ġdida. Il-Maġi setgħu jagħtuh qima għax kellhom il-kuraġġ jimxu u jinxteħu fl-art quddiem iċ-ċkejken, jinxteħtu quddiem il-fqir, jinxteħtu quddiem dak li hu bla difiża ta’ xejn, jinxteħtu quddiem it-Tarbija straordinarja u moħbija ta’ Betlehem, hemm skoprew il-Glorja ta’ Alla.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard