QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ L-EPIFANIJA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

L-Erbgħa 6 ta’ Jannar 2016

 

Kliem il-profeta Isaija – għall-belt imqaddsa ta’ Ġerusalemm – isejħilna biex inqumu, biex noħorġu, noħorġu minna nfusna, u nagħrfu l-ġmiel tad-dawl li jdawwal il-ħajja tagħna: “Qum!  Ħa jiddi wiċċek!  Id-dawl tiegħek wasal!  Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” (60:1).  Id-“dawl tiegħek” hu l-glorja tal-Mulej.  Il-Knisja ma tistax tilludi ruħha li d-dawl tagħha ħiereġ minnha nfisha, ma jistax.  Ifakkarhulna b’espressjoni sabiħa Sant’Ambroġ, meta juża l-qamar bħala metafora tal-Knisja: “Tabilħaqq bħall-qamar hi l-Knisja: […] tiddi mhux bid-dawl tagħha, imma b’dak ta’ Kristu.  Tixrob il-ġmiel tagħha mix-Xemx tal-ġustizzja, hekk li tista’ tgħid: ‘Mhux iżjed jien li ngħix, imma Kristu li jgħix fija’” (Exameron, IV, 8, 32).  Kristu hu l-veru dawl li jilma; u skond kemm il-Knisja tibqa’ ankrata fiH, skond kemm tħalliH idawwalha, jirnexxilha ddawwal il-ħajja tal-persuni u tal-popli.  Għalhekk is-Santi Padri għarfu fil-Knisja l-“mysterium lunæ”.

 

Neħtiġuh dan id-dawl li ġej mill-għoli biex nistgħu nwieġbu b’mod koerenti għas-sejħa li rċivejna.  Li nħabbru l-Vanġelu ta’ Kristu m’hix għażla li nistgħu nagħmlu minn fost oħrajn, u lanqas m’hi professjoni.  Għall-Knisja, li tkun missjunarja ma jfissirx tagħmel proselitiżmu; għall-Knisja, li tkun missjunarja jfisser tesprimi l-istess natura tagħha: li tħalli lil Alla jdawwalha u tirrifletti d-dawl tiegħu.  Dan hu s-servizz tagħha.  M’hemmx triq oħra.  Il-missjoni hi l-vokazzjoni tagħha: is-servizz tagħha hu li ddawwal bid-dawl ta’ Kristu.  Kemm persuni qed jistennew minna dan l-impenn missjunarju, għax għandhom bżonn ta’ Kristu, għandhom bżonn isiru jafu l-wiċċ tal-Missier!

 

Il-Maġi, li dwarhom jitkellem il-Vanġelu ta’ Mattew, huma xhieda ħajja tal-fatt li ż-żerreigħa tal-verità hi preżenti kullimkien, għax hi don tal-Ħallieq li jsejjaħ lil kulħadd biex jagħrfu bħala Missier tajjeb u fidil.  Il-Maġi jirrappreżentaw lill-bnedmin minn kull rokna tad-dinja li huma milqugħa fid-dar ta’ Alla.  Quddiem Ġesù m’hemm l-ebda qasma ta’ razza, ta’ lsien u ta’ kultura: f’dik it-Tarbija, il-bnedmin kollha jsibu l-għaqda ta’ bejniethom.  U l-Knisja għandha d-dmir li tagħraf u turi b’mod iżjed ċar ix-xewqa li kull persuna għandha għal Alla fiha.  Dan hu s-servizz tal-Knisja, bid-dawl li hi tirrifletti: li toħroġ fil-beraħ ix-xewqa għal Alla li kull wieħed u waħda minna jġorr fih.  Bħall-Maġi, ħafna pesuni, anki fi żmienna, qed jgħixu b’“qalb li m’għandhiex kwiet” għax tkompli tistaqsi bla ma tista’ ssib tweġibiet ċerti – hu t-tqanqil bla serħan ta’ l-Ispirtu li jiċċaqlaq fil-qlub.  Anki huma qed ifittxu l-kewkba li turi t-triq lejn Betlehem.

 

Kemm kwiekeb hemm fis-sema!  Imma l-Maġi mxew wara waħda differenti, ġdida, li għalihom kienet qed tilma ħafna iżjed.  Kienu għarblu fit-tul il-ktieb il-kbir tas-sema biex setgħu jsibu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom – qalbhom ma kellhiex kwiet –, u sa fl-aħħar feġġ quddiemhom id-dawl.  Dik il-kewkba bidlithom.  Nessiethom l-interessi tal-ħajja ta’ kuljum, u dlonk irħewlha mexjin.  Taw widen għal leħen li fil-ġewwieni tagħhom kien qed jimbuttahom biex jimxu wara dak id-dawl – hu l-leħen ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jaħdem f’kuħadd –; u hu mexxiehom sa ma sabu lis-Sultan tal-Lhud f’dar fqajra ta’ Betlehem.

 

Dan kollu hu ta’ tagħlima għalina.  Il-lum nagħmlu sew jekk intennu l-mistoqsija tal-Maġi: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?  Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh(Mt 2:2).  Qed niġu mħeġġa, fuq kollox fi żmien bħalma hu dan tagħna, biex infittxu s-sinjali li Alla qed joffrilna, konxji li jitolbu l-impenn tagħna biex nistgħu niddeċifrawhom u hekk nifhmu x’inhi r-rieda tiegħu.  Inħossuna sfidati biex immorru Betlehem ħa nsibu lit-Tarbija u lil Ommha.  Nimxu wara d-dawl li Alla joffrilna – ċkejkuni…; l-innu tal-Brevjar poetikament jgħidilna li l-Maġi “lumen requirunt lumine”: dak id-dawl ċkejken –, id-dawl li joħroġ minn wiċċ Kristu, mimli ħniena u fedeltà.  U, meta naslu quddiemU, nagħtuh qima b’qalbna kollha, u noffrulu d-doni tagħna: il-libertà tagħna, l-intelliġenza tagħna, l-imħabba tagħna.  L-għerf veru hu moħbi fil-wiċċ ta’ din it-Tarbija.  Hu hawn, fis-sempliċità ta’ Betlehem, li tinġabar il-ħajja kollha tal-Knisja.  Hawn hi l-għajn ta’ dak id-dawl, li jiġbed lejh lil kull bniedem fid-dinja u jorjenta l-mixja tal-ġnus fit-triq tal-paċi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard