QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ L-EPIFANIJA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan - It-Tnejn 6 ta’ Jannar 2014

 

“Lumen requirunt lumine”.  Din l-espressjoni suġġestiva ta’ wieħed mill-innijiet liturġiċi ta’ l-Epifanija tirriferi għall-esperjenza tal-Maġi: huma u jimxu wara dawl, huma fittxew id-Dawl.  Il-kewkba li dehret fis-sema tixgħel fil-ħsieb u fil-qalb tagħhom dawl li jqanqalhom għat-tfittxija tad-Dawl kbir ta’ Kristu.  Il-Maġi jimxu fedelment wara dak id-dawl li jibqa’ dieħel fil-qalb tagħhom, u jiltaqgħu mal-Mulej.

F’din il-mixja tal-Maġi li ġew mil-Lvant għandna simbolizzat id-destin ta’ kull bniedem: ħajjitna hija mixja, imdawla mid-dwal li juruna t-triq, biex nistgħu nsibu l-milja tal-verità u ta’ l-imħabba, li aħna l-Insara nagħrfuha f’Ġesù, id-Dawl tad-dinja.  U kull bniedem, bħall-Maġi, għandu għad-dispożizzjoni tiegħu żewġ “kotba” kbar li minnhom nistgħu nisiltu s-sinjali li neħtieġu biex norjentaw ruħna fil-pellegrinaġġ tagħna: il-ktieb tal-ħolqien u l-ktieb ta’ l-Iskrittura Mqaddsa.  L-importanti hu li nkunu attenti, nishru, nisimgħu lil Alla jitkellem, li dejjem ikellimna.  Kif jgħid is-Salm, f’riferenza li jagħmel għal-Liġi tal-Mulej: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119:105).  Speċjalment jekk nisimgħu l-Vanġelu, naqrawh, nimmeditawh u nagħmluh l-ikel spiritwali tagħna, dan jagħtina li niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj, li nagħmlu esperjenza tiegħU u ta’ mħabbtu.

Fl-Ewwel Qari nerġgħu nisimgħu tidwi, minn fomm il-Profeta Isaija, it-talba ta’ Alla lil Ġerusalemm: “Qum!  Ħa jiddi wiċċek!” (60:1).  Ġerusalemm hi msejħa biex tkun belt id-dawl, biex tirrifletti fuq id-dinja d-dawl ta’ Alla u tgħin lill-bnedmin jimxu fit-toroq tiegħu.  Din hi l-vokazzjoni u l-missjoni tal-Poplu ta’ Alla fid-dinja.  Imma Ġerusalemm tista’ tonqos milli twieġeb għal din is-sejħa tal-Mulej.  Jgħidilna l-Vanġelu li l-Maġi, meta waslu Ġerusalemm, tilfu għal ftit id-dehra tal-kewkba.  Ma setgħux jarawha iżjed.  B’mod partikulari, id-dawl hu assenti fil-palazz tas-Sultan Erodi: dik id-dar hi mudlama, fiha jsaltnu d-dlam, is-suspett, il-biża’, l-għira.  Erodi, fil-fatt, jidher suspettuż u mħasseb minħabba t-twelid ta’ Tarbija dgħajfa li hu jaraha bħala għadu tiegħu.  Fil-verità, Ġesù ma ġiex biex ineħħi lilu, imsejken pupazz, imma lill-Prinċep ta’ din id-dinja!  Madankollu s-Sultan u l-kunsilliera tiegħu xorta jħossu jitheżżu l-istrutturi tal-poter tagħhom, jibżgħu li r-regoli tal-logħba se jinqalbu ta’ taħt fuq, sa tinkixfilhom il-maskra ta’ kif jidhru.  Dinja mibnija kollha kemm hi fuq il-ħakma, fuq is-suċċess ta’ kemm għandek, fuq il-korruzzjoni, tispiċċa fi kriżi minħabba f’daqsxejn ta’ Tarbija!   U Erodi jasal biex joqtol it-trabi.  “Int toqtol it-tfal f’ġisimhom għax il-biża’ qed joqtlok ġewwa qalbek” – jikteb San Quodvultdeus (Diskors 2 fuq is-Simbolu: PL 40, 655).  Hekk hu: kien imbeżża’, u minħabba dan il-biża’ spiċċa ġġennen.

Il-Maġi għarfu jissuperaw dak il-mument perikoluż ta’ dalma għand Erodi, għax emmnu fl-Iskrittura, fil-kelma tal-Profeti li kienet tipponta lejn Betlehem bħala l-post tat-twelid tal-Messija.  Hekk ħarbu mill-ħedla tad-dalma tal-lejl, u reġgħu qabdu t-triq lejn Betlehem u lemħu mill-ġdid il-kewkba, u l-Vanġelu jgħidilna li mtlew b’“ferħ kbir tassew” (Mt 2:10).  Dik il-kewkba li ma kinitx tidher fid-dawl tal-mondanità ta’ dak il-palazz.

Aspett ta’ dan id-dawl li jmexxina tul il-mixja tal-fidi hu anki l-“makakkerija” qaddisa.  Anki din hi virtù, il-“makakkerija” qaddisa.  Qed nitkellmu dwar dik il-ħżunija spiritwali li tgħinna nagħrfu l-perikli u nevitawhom.  Il-Maġi għarfu jużaw dan id-dawl tal-“makakkerija” meta, fi triqthom lura, iddeċidew li ma jgħaddux mill-palazz mudlam ta’ Erodi, imma li jaqbdu triq oħra.  Dawn l-għorrief li ġew mil-Lvant jgħallmuna kif ma naqgħux fin-nases tad-dlamijiet u kif inħarsu ruħna mid-dalma li tipprova taħfen fiha l-ħajja tagħna.  B’din il-“makakkerija” qaddisa huma ħarsu l-fidi.  U anki aħna jeħtieġ inħarsu l-fidi.  Inħarsuha minn din id-dalma.  Imma, anki, wisq drabi, hu dlam li jidher qisu dawl!  Għax ix-xitan, jgħidilna San Pawl, xi drabi jilbes ta’ anġlu tad-dawl.  U hawn hi meħtieġa l-“makakkerija” qaddisa, biex tista’ tħares il-fidi, tħarisha mill-kant tas-Sireni, li jgħidulek: “Ħares, il-lum jeħtieġ nagħmlu dan, dak…”.  Imma l-fidi hi grazzja, hi don.  Imiss lilna li nħarsuha b’din il-“makakkerija” qaddisa, bit-talb, bl-imħabba, bil-karità.  Jeħtieġ nilqgħu fil-qalb tagħna d-dawl ta’ Alla u, fl-istess ħin, nikkultivaw dik il-makakkerija spiritwali li taf tgħaqqad flimkien is-sempliċità u l-ħżunija, kif Ġesù jitlob mid-dixxipli tiegħu: “Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16).

Fil-festa ta’ l-Epifanija, meta niftakru fil-manifestazzjoni ta’ Ġesù lill-umanità fil-wiċċ ta’ Tarbija ċkejkna, inħossu maġenbna lill-Maġi, bħala għorrief li jseħbuna tul it-triq.  L-eżempju tagħhom jgħinna ngħollu ħarsitna lejn il-kewkba u nimxu skond ix-xewqat kbar tal-qalb tagħna.  Jgħallmuna ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja medjokri, tal-“vjaġġi qosra”, imma biex naffaxxinaw ruħna b’dak li hu tajjeb, veru, sabiħ… b’Alla, li fih dan kollu jseħħ b’mod dejjem ogħla!  U jgħallmuna ma ningannawx ruħna bl-apparenzi, b’dak li għad-dinja jidher kbir, għaref, qawwi.  Ma rridux nieqfu hemm.  Hemm bżonn inħarsu l-fidi.  F’dan iż-żmien tagħna dan hu wisq importanti: inħarsu l-fidi.  Jeħtieġ immorru lil hemm, lil hemm mid-dlam, lil hemm mill-faxxinu tas-Sireni, lil hemm mill-ħwejjeġ tad-dinja, lil hemm minn tant modernitajiet li jeżistu l-lum, immorru lejn Betlehem, hemm fejn, fis-sempliċità ta’ dar tal-periferija, bejn omm u missier mimlija mħabba u fidi, tiddi x-Xemx ġejja mill-għoli, is-Sultan ta’ l-univers.  Fuq il-passi tal-Maġi, bid-dwal ċkejknin tagħna, ħa nfittxu lid-Dawl u nħarsu l-fidi.  Hekk ikun!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard