QUDDIESA U PURĊISSJONI EWKARISTIKA

FIS-SOLENNITÀ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDSA TA’ KRISTU

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Sagrad tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran

Il-Ħamis 19 ta’ Ġunju 2014

 

“Il-Mulej, Alla tiegħek temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha (Dewt 8:2-3).

 

Dan il-kliem tad-Dewteronomju jirriferi għall-istorja ta’ Israel, li Alla ħareġ mill-Eġittu, mill-qagħda tal-jasar, u għal erbgħin sena mexxa fid-deżert lejn l-art imwiegħda.  Issa li kien sab saqajh f’din l-art, il-poplu l-magħżul jilħaq ċerta awtonomija, ċertu stil ta’ ħajja, u hemm ir-riskju li jinsa l-ġrajjiet iebsa ta’ l-imgħoddi, mirbuħa bl-indħil ta’ Alla u t-tjieba tiegħu bla tarf.  Għalhekk l-Iskrittura twissih biex jiftakar, jagħmel memorja tal-mixja kollha li terraq fid-deżert, fi żmien il-ġuħ u t-tbatija.  L-istedina hi biex jerġa’ lura għall-essenzjal, għall-esperjenza tad-dipendenza sħiħa minn Alla, meta b’idejH kien jgħix, biex il-bniedem jifhem li “mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej” (Dewt 8:3).

 

Barra l-ġuħ fiżiku, il-bniedem għandu fih ġuħ ieħor, ġuħ li ma jistax jinqata’ bl-ikel ta’ kuljum.  Hu ġuħ il-ħajja, ġuħ l-imħabba, ġuħ l-eternità.  U s-sinjal tal-manna – bħall-esperjenza kollha ta’ l-eżodu – kellu fih din id-dimensjoni wkoll: kien figura ta’ ikel li jissodifa dan il-ġuħ qawwi li hemm fil-bniedem.  Ġesù jagħtina minn dan l-ikel, anzi, Hu nnifsu hu l-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja lid-dinja (ara Ġw 6:51).  Ġismu hu l-ikel tassew taħt l-ispeċi tal-ħobż; Demmu hu x-xorb tassew taħt l-ispeċi ta’ l-inbid.  Dan m’hux sempliċi ikel biex nissodisfaw lil ġisimna, bħall-manna; il-Ġisem ta’ Kristu hu l-ħobż ta’ l-aħħar żminijiet, li għandu l-ħila jagħti l-ħajja, u l-ħajja ta’ dejjem, għax is-sustanza ta’ dan il-ħobż hi l-Imħabba.

 

Fl-Ewkaristija, il-Mulej jgħaddilna mħabbtu: imħabba hekk kbira li hu jitmagħna Bih innifsu; imħabba b’xejn, dejjem għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna mġewħa u li għandha bżonn tikseb lura saħħitha.  Ngħixu l-esperjenza tal-fidi jfisser inħallu lill-Mulej jitmagħna hu u nibnu ħajjitna mhux fuq il-ġid materjali, imma fuq ir-realtà li ma tintemmx: id-doni ta’ Alla, il-Kelma tiegħu u Ġismu.

 

Jekk nitfgħu ħarsa madwarna, nintebħu li jeżistu ħafna offerti ta’ ikel li m’humiex ġejjin mill-Mulej, li minn barra jidhru li jistgħu jissodisfaw aktar.  Xi wħud jitrejqu bil-flus, oħrajn bis-suċċess u l-vanità, oħrajn bil-poter u l-kburija.  Imma l-ikel li tabilħaqq irejjaqna u jaqtgħalna l-ġuħ hu biss dak li jagħtina l-Mulej!  L-ikel li joffrilna l-Mulej hu differenti mill-oħrajn, u forsi ma jidhrilniex daqsekk bnin bħal ċertu għalf li toffrilna d-dinja.  Allura nispiċċaw noħolmu b’ikel ieħor, bħal-Lhud fid-deżert, li bkew il-laħam u l-basal li kienu jieklu fl-Eġittu, imma nsew li dan l-ikel kienu jikluh mill-mejda tal-jasar.  F’dawn il-waqtiet ta’ tentazzjoni, huma kellhom memorja, imma memorja marida, memorja selettiva.  Memorja lsira, mhux ħielsa.

 

Kull wieħed u waħda minna, il-lum, jista’ jistaqsi lilu nnifsu: U jien?  Minn fejn irrid niekol?  Minn liema mejda nixtieq nitmantna?  Mill-mejda tal-Mulej?  Jew noħlom li niekol ikel bnin, imma fil-jasar?  Barra minn hekk, kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: Liema hi l-memorja tiegħi?  Dik tal-Mulej li jifdini, jew dik tat-tewm u l-basal tal-jasar?  B’liema memorja qed naqta’ l-ġuħ ta’ ruħi?

 

Il-Missier jgħidilna: “Tmajtek b’manna li ma kontx taf biha”.  Ejjew niksbu lura l-memorja.  Dan hu xogħolna, niksbu lura l-memorja li tlifna.  U nitgħallmu nagħrfu l-ħobż falz li jqarraq u jikkorrompi, għax hu frott l-egoiżmu, l-awtosuffiċjenza u d-dnub.

 

Ftit ieħor, fil-purċissjoni, sa nimxu wara Ġesù realment preżenti fl-Ewkaristija.  L-Ostja hi l-manna tagħna, li fiha l-Mulej jagħtina lilu nnifsu.  Lejh induru bil-fiduċja: Ġesù, ħarisna mit-tentazzjonijiet ta’ l-ikel tad-dinja li jġibna lsiera, ikel ivvelenat; saffi l-memorja tagħna, biex ma tibqax ilsira fl-għażliet egositi li huma tad-dinja, imma tkun memorja ħajja tal-preżenza tiegħek fl-istorja tal-poplu tiegħek, memorja li ssir “memorjal”, tifkira tal-ġest tiegħek ta’ mħabba feddejja.  Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard