QUDDIESA U PURĊISSJONI EWKARISTIKA

FIS-SOLENNITÀ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDSA TA’ KRISTU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Ġwann Lateran

Il-Ħadd 18 ta’ Ġunju 2017

 

Fis-solennità ta’ Corpus Domini tirritorna spiss it-tema tal-memorja: “Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek […]. Qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-Mulej, […] li temgħek il-manna fid-deżert” (ara Dewt 8:2,14,16) – qal Mosè lill-poplu. “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:24) – qalilna Ġesù. “Ftakar f’Ġesù Kristu” (2 Tim 2:8), qal Pawlu lid-dixxiplu tiegħu. Il-“ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema” (Ġw 6:51) hu s-sagrament tal-memorja li jfakkarna, b’mod reali u tanġibbli, fl-istorja ta’ mħabba ta’ Alla għalina.

 

Ftakar, tgħid illum il-Kelma divina lil kull wieħed u waħda minna. Mit-tifkira tal-ġesti tal-Mulej kisbet qawwietha l-mixja tal-poplu fid-deżert; fit-tifkira ta’ dak kollu li l-Mulej għamel għalina tissejjes l-istorja personali tas-salvazzjoni tagħna. Li niftakru hu essenzjali għall-fidi, l-istess kif l-ilma hu għal xitla: kif ma tistax tibqa’ ħajja u tagħti l-frott xitla bla ilma, hekk lanqas il-fidi jekk ma taqtax l-għatx mill-memorja ta’ dak kollu li l-Mulej għamel għalina. “Ftakar f’Ġesù Kristu”.

 

Ftakar. Il-memorja hi importanti, għax tippermettilna nibqgħu fl-imħabba, [bit-Taljan] ri-cordare, jiġifieri nġorru f’qalbna, ma ninsewx lil min iħobbna u lil min aħna msejħa nħobbu. U safrattant din il-fakultà unika, li l-Mulej tana, illum hi pjuttost imdgħajfa. Fil-ġenn li fih mitlufin, tant persuni u tant fatti donnhom jiżolqulna minn idejna. Inqallbu l-paġni malajr, mikluba għall-ġdid imma foqra mit-tifkiriet. Hekk, jekk naħarqu t-tifkiriet u ngħixu biss il-mument, nirriskjaw li nibqgħu fuq il-qoxra, imkaxkra mill-ħwejjeġ li jiġru madwarna, bla ma ninżlu qatt fil-qalba, mingħajr dik is-sustanza li tfakkarna min aħna u fejn sejrin. Allura l-ħajja esterjuri ssir elf biċċa, u dik interjuri mejta.

 

Imma s-solennità tal-lum tfakkarna li qalb l-elf biċċa tal-ħajja, il-Mulej jiġi jiltaqa’ magħna f’dgħufija kollha mħabba, li hi l-Ewkaristija. Fil-Ħobż tal-ħajja l-Mulej jiġi jżurna billi jsir għalina ikel fqajjar li bi mħabba jfejjaq il-memorja tagħna, marida bil-ġenn. Għax l-Ewkaristija hi t-tifkira tal-imħabba ta’ Alla. Fiha “niċċelebraw it-tifkira tal-Passjoni tiegħu” (Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddsa ta’ Kristu, Antifona tal-Magnificat tat-Tieni Għasar), tal-imħabba ta’ Alla għalina, li hi l-qawwa tagħna, dik li tweżinna fil-mixi tagħna. Araw għaliex it-tifkira Ewkaristika tagħmlilna tant ġid: mhix tifkira astratta, kiesħa u fuq livell ta’ nozzjonijiet biss, imma l-memorja ħajja u farraġa tal-imħabba ta’ Alla. Memorja ta’ xbieha u tiġdid. Fl-Ewkaristija hemm il-gost kollu tal-kliem u tal-ġesti ta’ Ġesù, it-togħma tal-Għid tiegħu, il-fwieħa tal-Ispirtu tiegħu. Meta nirċevuha, f’qalbna tidħol iċ-ċertezza li aħna maħbubin minnu. U jiena u ngħid dan, qed niftakar b’mod partikulari fikom, it-tfal li ftit ilu rċivejtu l-Ewwel Tqarbina u tinsabu hawn preżenti f’għadd kbir.

 

Hekk l-Ewkaristija ssawwar fina memorja grata, għax nagħrfu f’xulxin ulied maħbuba u mitmugħa tal-Missier; memorja ħielsa, għax l-imħabba ta’ Ġesù, il-maħfra tiegħu, tfejjaq il-ġrieħi tal-imgħoddi u tippaċifika t-tifkira tal-ħtijiet li ġarrabna u għamlulna; memorja li tistabar, għax qalb it-tiġrib nafu li l-Ispirtu ta’ Ġesù jibqa’ magħna. L-Ewkaristija tagħmlilna l-qalb: anki fil-mixja l-iżjed imqallba m’aħniex waħidna, il-Mulej ma jinsiniex u kull darba li mmorru għandu hu jerġa’ jġeddidna bi mħabbtu.

 

L-Ewkaristija tfakkarna wkoll li m’aħniex individwi, imma ġisem wieħed. Bħalma l-poplu fid-deżert kien jiġbor il-manna li waqgħet mis-sema u jaqsmuha ma’ xulxin fil-familja (ara Eż 16), hekk Ġesù, Ħobż tas-Sema, isejħilna biex nirċevuh, nirċevuh flimkien u naqsmuh bejnietna. L-Ewkaristija mhix sagrament “għalija”, hi s-sagrament ta’ ħafna li jsawru ġisem wieħed, il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Dan fakkarhulna San Pawl: “Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10:17). L-Ewkaristija hi  s-sagrament tal-għaqda. Min jilqagħha ma jistax ħlief ikun bennej tal-għaqda, għax titwieled fih, fid-“DNA spiritwali” tiegħu, il-binja tal-għaqda. Dan il-Ħobż tal-għaqda jfejjaqna mill-ambizzjoni li nitkabbru fuq l-oħrajn, mir-regħba li naħtfu għalina, milli nrewħu t-tilwim u nxerrdu l-kritika; iqanqal fina l-ferħ (hu jgħid: glorja) li nħobbu lil xulxin bla ma neħduha kontra xulxin, bla għira u tqassis malafamanti.

 

U issa, aħna u ngħixu l-Ewkaristija, ejjew naduraw u rroddu ħajr lill-Mulej ta’ dan l-ogħla don: tifkira ħajja ta’ mħabbtu, li ssawwar fina ġisem wieħed u twassalna għall-għaqda.

  

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard