Għadna kif smajna: fl-Aħħar Ċena, Ġesù jagħti Ġismu u Demmu permezz tal-ħobż u l-inbid, biex iħallilna tifkira tas-sagrifiċċju tiegħu ta’ mħabba bla tarf.  U b’dan il-“vjatku” mimli bil-grazzja, id-dixxipli għandhom kull ma jeħtieġu għall-mixja tagħhom fl-istorja, biex iwasslu s-Saltna ta’ Alla għand kulħadd.  Dawl u qawwa jkun għalihom id-don li Ġesù għamel tiegħu nnifsu, meta offra ruħu minn jeddu fuq is-salib.  U dan il-Ħobż tal-ħajja wasal sa għandna!  Ma jieqaf qatt l-għaġeb tal-Knisja quddiem din ir-realtà.  Stagħġib li jwassal dejjem għall-kontemplazzjoni, l-adorazzjoni u l-memorja.  Dan jurihulna test sabiħ ħafna tal-Liturġija tal-lum, ir-Responsorju tat-tieni qari fl-Uffiċċju tal-Qari, li jgħid hekk: Araw f’dan il-ħobż ’il dak li kien imdendel fuq is-salib, u f’dan il-kalċi d-demm li ħareġ minn ġenbu minfud.  Ħudu, mela, u kulu l-Ġisem ta’ Kristu; ħudu u ixorbu d-Demm ta’ Kristu.  Issa li intom membri ta’ Kristu, tinfirdux minn xulxin: kulu ’l dak li jgħaqqadkom flimkien; tqisux ruħkom aktar ilsiera tad-dnub: ixorbu d-Demm li fdiekom”.

 

Hemm periklu, hemm theddida: li ninfirdu minn xulxin, li nibqgħu lsiera tad-dnub.  Xi jfisser għalina l-lum “ninfirdu minn xulxin” u “inqisu ruħna lsiera tad-dnub”?

 

Aħna ninfirdu minn xulxin meta ma nkunux doċli għall-Kelma ta’ Alla, meta ma ngħixux bħal aħwa bejnietna, meta nikkompetu għall-postijiet ta’ quddiem – ix-xabbâta –, meta ma nsibux il-kuraġġ li nagħtu xhieda ta’ l-imħabba, meta m’aħniex kapaċi noffru t-tama.  Hekk inkunu ninfirdu minn xulxin.  L-Ewkaristija tgħinna biex ma ninfirdux, għax hi rabta ta’ komunjoni, it-twettiq tal-Patt, sinjal ħaj ta’ l-imħabba ta’ Kristu li ċekken lilu nnifsu u xxejjen biex aħna nibqgħu magħqudin.  Meta nieħdu sehem fl-Ewkaristija u nitmantnew minnha, aħna nidħlu f’mixja li ma tippermettix firdiet.  Kristu preżenti fostna, fis-sinjal tal-ħobż u ta’ l-inbid, jesiġi li l-qawwa ta’ l-imħabba tegħleb kull tiċrita, u fl-istess ħin issir komunjoni anki ma’ l-iżjed fqir, sostenn għad-dgħajjef, attenzjoni fraterna għal dawk kollha li qed isibuha bi tqila biex jerfgħu l-piż tal-ħajja ta’ kuljum, u qegħdin f’periklu li jitilfu l-fidi.

 

U mbagħad, il-kelma l-oħra: il-lum xi jfisser inqisu ruħna lsiera, jew aħjar, inġibu fix-xejn id-dinjità Nisranija tagħna?  Ifisser li nħallu jirkbuna l-allat foloz ta’ żmienna: id-dehra, il-konsum, il-jien fiċ-ċentru ta’ kollox; imma anki li nkunu kompetittivi, l-arroganza bħala atteġġjament ta’ min jirbaħ, li ma nammettu qatt li żbaljajna jew li aħna fil-bżonn.  Dan kollu jżommna lsiera, jagħmilna Nsara medjokri, bierda, bla togħma, pagani.

 

Ġesù xerred Demmu biex iħallas għalina u jnaddafna, biex nissaffew minn dnubietna kollha: biex ma nibqgħux ilsiera, inħarsu lejH, ninħaslu fl-għajn tiegħu, biex inħarsu ruħna mir-riskju tal-korruzzjoni.  U hekk induqu l-grazzja ta’ bidla kbira: ma nibqgħux għal dejjem midinbin foqra, imma d-Demm ta’ Kristu jeħlisna minn dnubietna u jroddilna d-dinjità tagħna.  Jeħlisna mill-korruzzjoni.  Bla ebda merti tagħna, b’umiltà sinċiera, nistgħu nwasslu għand ħutna l-imħabba tal-Mulej u Feddej tagħna.  Insiru għajnejh li jfittxu lil Żakkew u l-Maddalena; insiru driegħu li jgħin lill-morda f’ġisimhom u f’ruħhom; insiru qalbu li tħobb lil min hu fil-bżonn tar-rikonċiljazzjoni, tal-ħniena u ta’ min jifhmu.

 

Hekk l-Ewkaristija tattwalizza l-Patt li jqaddisna, isaffina u jgħaqqadna f’komunjoni ta’ l-għaġeb ma’ Alla.  Hekk nitgħallmu li l-Ewkaristija m’hix premju għat-tajbin, imma l-qawwa għad-dgħajfin, għall-midinbin.  Hi l-maħfra, il-vjatku li jgħinna nimxu.

 

Il-lum, festa tal-Corpus Domini, nifirħu li mhux biss nistgħu niċċelebraw dan il-misteru, imma anki li qed infaħħruh u ngħannulu mat-toroq ta’ beltna.  Il-purċissjoni li sa nagħmlu fi tmiem il-Quddiesa trid tesprimi r-rikonoxxenza tagħna għall-mixja sħiħa li Alla mexxiena fiha tul id-deżert tal-faqar tagħna, biex joħroġna mill-qagħda ta’ lsiera, meta temagħna Mħabbtu bis-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm tiegħu.

 

Ftit tal-ħin ieħor, aħna u nimxu matul it-triq, ejjew inħossuna f’għaqda ma’ tant ħutna li m’għandhomx il-libertà li jesprimu l-fidi tagħhom fil-Mulej Ġesù.  Inħossuna mxierka magħhom: ngħannu magħhom, infaħħru magħhom, naduraw magħhom.  U nqimu fil-qalb tagħna lil dawk ħutna li ġew mitluba jissagrifikaw ħajjithom b’fedeltà lejn Kristu: demmhom, magħqud ma’ dak tal-Mulej, hu rahan ta’ sliem u ta’ rikonċiljazzjoni għad-dinja kollha.

 

U ma ninsewx: “Tinfirdux minn xulxin: kulu ’l dak li jgħaqqadkom flimkien; tqisux ruħkom aktar ilsiera tad-dnub: ixorbu d-Demm li fdiekom”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard