QUDDIESA U PURĊISSJONI EWKARISTIKA

FIS-SOLENNITÀ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDES TA’ KRISTU

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Knisja ta’ Santa Monika (Ostia)

Il-Ħadd 3 ta’ Ġunju 2018

 

Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna nsibu r-rakkont tal-Aħħar Ċena, imma ħaġa tal-għaġeb l-attenzjoni iktar hi fuq it-tħejjijiet ta’ qabel milli fuq l-ikla nfisha. Insibu kemm-il darba l-verb “ħejju”. Ngħidu aħna, id-dixxipli jistaqsu: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” (Mk 14:12). Ġesù jibgħathom iħejju b’indikazzjonijiet preċiżi u huma jsibu “kamra kbira fuq, mgħammra u lesta” (v. 15). Id-dixxipli jmorru biex iħejju, imma l-Mulej kien diġà ħaseb hu.

 

Xi ħaġa simili sseħħ wara l-Qawmien, meta Ġesù jidher lid-dixxipli għat-tielet darba: huma u jistadu, isibuh jistenniehom fuq ix-xatt, fejn diġà kien ħejja xi ħobż u ħutiet għalihom. Imma fl-istess waqt jitlob lil tiegħu biex jagħtuh xi ftit mill-ħutiet li kienu għadhom kemm qabdu u li hu kien uriehom kif jistadu (ara Ġw 21:6,9-10). Hawn ukoll, Ġesù jħejji minn qabel u jitlob lil tiegħu biex jikkollaboraw miegħu. U għal darb’oħra, ftit qabel l-Għid, Ġesù kien qalilhom hekk lid-dixxipli: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu […] biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14:2,3). Huwa Ġesù li jħejji, l-istess Ġesù, imma li, b’sejħat qawwija u parabboli, qabel l-Għid tiegħu, jitlobna nħejju ruħna, li nkunu lesti (ara Mt 24:44; Lq 12:40).

 

F’kelma waħda, Ġesù jħejji għalina u jitlob lilna wkoll biex nitħejjew. Xi jħejji Ġesù għalina? Iħejji post u ikel. Post, ħafna iżjed denn mill-“kamra kbira u mgħammra” tal-Vanġelu. Hi d-dar spazjuża u wiesgħa tagħna hawn isfel, il-Knisja, fejn hemm u għandu jkun hemm post għal kulħadd. Imma żammilna wkoll post hemm fuq, fil-Ġenna, biex noqogħdu flimkien miegħu u ma’ xulxin għal dejjem. Barra l-post, iħejjilna ikel, Ħobż li hu huwa nnifsu: “Ħudu, dan hu ġismi” (Mk 14:22). Dawn iż-żewġ doni, il-post u l-ikel, huma dak li għandna bżonn biex ngħixu. Huma l-ikel u l-għamara għal dejjem. It-tnejn jingħatawlna fl-Ewkaristija. Ikel u post.

 

Hawn Ġesù jħejjilna post hawn isfel, għax l-Ewkaristija hi l-qalb li tħabbat tal-Knisja, tnissilha u terġa’ tnissilha mill-ġdid, ixxerikha u tqawwiha. Imma l-Ewkaristija tħejjilna wkoll post hemm fuq, fl-eternità, għax hi l-Ħobż tas-Sema. Tiġi minn hemm, hi l-unika materja fuq din l-art li għandha tassew togħma ta’ eternità. Hi l-ħobż tal-futur, li diġà minn issa ddewwaqna ġejjieni bil-wisq ikbar minn kull ħaġa aqwa li nistgħu nistennew. Hi l-ħobż li jaqta’ l-ġuħ tal-ikbar xenqat tagħna u jitma’ l-isbaħ ħolmiet tagħna. F’kelma waħda, hi r-rahan tal-ħajja ta’ dejjem: mhux biss wegħda, imma rahan, jiġifieri garanzija minn qabel, tantiċipa konkretement dak li se jiġi mogħti lilna. L-Ewkaristija hi l-“prenotazzjoni” tal-Ġenna; hu Ġesù, ikel li jrejjaqna fil-mixja tagħna lejn dik il-ħajja hienja li ma tintemm qatt.

 

Fl-Ostja kkonsagrata, barra mill-post, Ġesù jħejjilna l-ikel, li jrejjaqna. Fil-ħajja għandna bżonn kontinwament li nitrejqu, u mhux biss bl-ikel, imma wkoll bi proġetti u mħabbiet, b’xewqat u tamiet. Aħna mġewħin biex niġu maħbuba. Imma l-aqwa kumplimenti, l-isbaħ rigali u l-aktar teknoloġiji avvanzati mhumiex biżżejjed, qatt mhuma se jaqtgħulna l-ġuħ għalkollox. L-Ewkaristija hi ikel sempliċi, bħall-ħobż, imma hi l-uniku wieħed li jaqta’ l-ġuħ, għax m’hemmx imħabba ikbar minn din. Hemm niltaqgħu ma’ Ġesù tassew, naqsmu fil-ħajja tiegħu, inħossu l-imħabba tiegħu; hemm tista’ tħoss kif il-mewt u l-qawmien tiegħu huma għalik. U meta tadura lil Ġesù fl-Ewkaristija, tirċievi mingħandu l-Ispirtu s-Santu u ssib paċi u ferħ. Għeżież ħuti, ejjew nagħżlu dan il-ħobż tal-ħajja: inqiegħdu fl-ewwel post il-Quddiesa, niskopru mill-ġdid l-adorazzjoni fil-komunitajiet tagħna! Nitolbu l-grazzja li nkunu mġewħin għal Alla, li qatt ma jinqatgħalna għalkollox dak il-ġuħ biex nirċievu dak li hu jħejji għalina.

 

Imma, kif għamel lid-dixxipli dakinhar, anki lilna llum Ġesù jitlobna nħejju. Bħad-dixxipli ejjew nistaqsuh: “Mulej, fejn tridna mmorru nħejju?”. Fejn: Ġesù m’għandux xi preferenza ta’ postijiet esklussivi jew li jeskludu. Hu jfittex postijiet li għadhom mhux milħuqa mill-imħabba, li għadha ma messithomx it-tama. F’dawk il-postijiet skomdi jixtieq imur u jitlob lilna nħejjulu. Kemm persuni huma mċaħħda minn post dinjituż fejn jgħixu u mill-ikel! Imma lkoll persuni li jgħixu waħidhom, qed ibatu, huma fil-bżonn: huma tabernakli abbandunati. Aħna, li nirċievu mingħand Ġesù ikel u post fejn noqogħdu, qegħdin hawn biex inħejju post u ikel għal dawn ħutna l-iżjed dgħajfa. Hu sar ħobż maqsum għalina; jitlobna ningħataw lill-oħrajn, li ma ngħixux iżjed għalina nfusna, imma għal xulxin. Hekk inkunu ngħixu ewkaristikament: billi nxerrdu fid-dinja l-imħabba li nirċievu mill-ġisem tal-Mulej. L-Ewkaristija titlaħħam fil-ħajja billi tgħaddi mill-jien għall-int.

 

Id-dixxipli, jgħid għal darb’oħra l-Vanġelu, iħejju ċ-Ċena wara li “daħlu fil-belt” (v. 16). Il-Mulej isejħilna llum ukoll biex inħejju għall-wasla tiegħu billi ma nibqgħux barra, imbegħdin, imma nidħlu fil-bliet tagħna. Anki f’din il-belt, li isimha – “Ostia” – ifakkarna proprju fid-dħul, il-bieb. Mulej, liema bibien trid li niftħulek hawnhekk? Liema kanċelli qed issejħilna niftħu beraħ, liema għeluq tridna negħlbu? Ġesù jixtieqna nwaqqgħu l-ħitan tal-indifferenza u tal-omertà, inqaċċtu l-gradilji tal-oppressjoni u tal-prepotenza, niftħu t-toroq tal-ġustizzja, tad-dekor u tal-legalità. Ix-xtajta wiesgħa ta’ din il-belt tfakkarna fis-sbuħija li ninfetħu u ninżlu fil-fond tal-ħajja tagħna. Imma biex nagħmlu dan, irridu nħollu dawk l-għoqiedi li qed jorbtuna mal-irmiġġi tal-biża’ u tal-oppressjoni. L-Ewkaristija tistedinna nħallu l-mewġa ta’ Ġesù tkaxkarna magħha, u ma nibqgħux imkaħħlin fuq ix-xatt nistennew xi ħaġa tasal, imma nsalpaw ħielsa, qalbiena, magħquda.

 

Id-dixxipli, jagħlaq il-Vanġelu, “kantaw is-salmi u ħarġu” (v. 26). Fi tmiem il-Quddiesa, anki aħna sa noħorġu. Nimxu ma’ Ġesù, li jgħaddi mit-toroq ta’ din il-belt. Hu jixtieq jgħammar f’nofsna. Irid iżur is-sitwazzjonijiet, jidħol fid-djar, joffri l-ħniena tiegħu li teħles, ibierek, ifarraġ. Ġarrabtu sitwazzjonijiet ta’ tbatija; il-Mulej irid ikun qrib tagħkom. Ejjew niftħu l-bibien tagħna u ngħidulu:

 

Ejja żurna, Mulej.

Aħna nilqgħuk fil-qlub tagħna,

fil-familji tagħna, fl-ibliet tagħna.

Grazzi li tħejjilna l-ikel tal-ħajja

u post fis-Saltna tiegħek.

Agħmel li aħna nkunu attivi aħna u nħejjulek,

inwasslu bil-ferħ lilek li int il-ħajja,

biex inxerrdu l-fraternità, il-ġustizzja u l-paċi

fit-toroq tagħna. Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard