SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Ċimiterju tal-Verano

Is-Sibt 1 ta’ Novembru 2014

 

Meta fl-Ewwel Qari smajna dan il-leħen ta’ l-anġlu jgħajjat b’vuċi għolja lill-erba’ anġli li lilhom kienet ingħatat is-setgħa li jagħmlu l-ħsara lill-art u l-baħar u jeqirdu kollox: “Tagħmlulhomx ħsara lill-art u lill-baħar, anqas lis-siġar” (Apok 7:3), lili ġietni f’moħħi frażi li m’hix qiegħda hawn, imma fil-qalb tagħna lkoll: “Il-bnedmin dan kapaċi jagħmluh aħjar minnkom”.  Aħna kapaċi neqirdu l-art iżjed mill-anġli.  U dan qed nagħmluh, dan nagħmluh: qed neqirdu l-ħolqien, il-ħajja, il-kulturi, il-valuri, qed neqirdu t-tama.  U kemm tassew neħtieġu l-qawwa tal-Mulej biex jissiġillana bi mħabbtu u bil-qawwa tiegħu, biex iwaqqaf din il-ġirja miġnuna ta’ qerda!  Qerda ta’ dak kollu li Hu tana, ta’ l-iżjed ħwejjeġ sbieħ li Hu għamel għalina, biex aħna nikkultivawhom, inkabbruhom, biex jagħtu l-frott.  X’ħin konna fis-sagristija naraw ir-ritratti ta’ 71 sena ilu [il-bumbardament tal-Verano fid-19 ta’ Lulju 1943], hekk ħsibt: “Din kienet ħaġa tassew gravi, ta’ swied il-qalb kbir.  Dan m’hu xejn ħdejn dak kollu li qed iseħħ il-lum”.  Il-bniedem qed jagħmel lilu nnifsu sid ta’ kollox, jaħseb li hu Alla, jaħseb li hu s-sultan.  U l-gwerer: il-gwerer li għadhom għaddejjin, mhux eżattament biex jiżirgħu l-ħajja, imma biex jeqirdu.  Hi l-industrija tal-qerda.  Saret sistema, anki ta’ ħajja, li meta ħaġa ma tkunx tista’ ssolviha, tarmiha: tarmi t-tfal, tarmi l-anzjani, tarmi ż-żgħażagħ bla xogħol.  Din id-devastazzjoni ħolqot din il-kultura ta’ l-iskart: qed jintremew popli sħaħ…  Din hi l-ewwel immaġni li ġietni f’moħħi meta smajt dan il-Qari.

 

It-tieni immaġni, fl-istess Qari: din il-“kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” (7:9).  Il-ġnus, il-popli…  Issa tibda l-kesħa: dawn il-foqra li biex isalvaw ħajjithom ikollhom jaħarbu minn djarhom, minn nieshom, mill-irħula tagħhom, fid-deżert… u jgħixu taħt it-tined, iħossu l-kesħa, bla mediċini, imġewħa, għax l-“alla-bniedem” ħataf taħt idejh il-ħolqien, dak is-sabiħ kollu li Alla għamel għalina.  Imma min se jħallas għall-festa?  Huma!  Iċ-ċkejknin, il-foqra, dawk li l-persuna tagħhom sfat mormija.  U din m’hix xi storja antika: qed tiġri l-lum.  “Imma, Dun, dan qed jiġri ’l bogħod…” – Anki hawn, kullimkien.  Qed jiġri l-lum.  U ħa ngħid iżjed: donnu dawn in-nies, dawn it-tfal bil-ġuħ, morda, donnhom ma jiswewx, qishom xi speċi oħra, qishom m’humiex bnedmin.  U din il-kotra tinsab quddiem Alla u qed titlob: “Nitolbuk, agħtina s-salvazzjoni!  Nitolbuk, agħtina l-paċi!  Nitolbuk, agħtina l-ħobż!  Nitolbuk, agħtina x-xogħol!  Nitolbuk, ulied u nanniet!  Nitolbuk, żgħażagħ bid-dinjità ta’ xogħol!”.  Fost dawn l-imġarrba, hemm anki dawk li huma ppersegwitati minħabba l-fidi.  “Imbagħad wieħed mix-Xjuħ qabad u staqsieni: ‘Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma, u minn fejn ġejjin?’…  ‘Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom bajduhom u ħasluhom fid-demm tal-Ħaruf’” (7:13-14).  U l-lum, mingħajr ma nesaġera, il-lum, nhar il-Qaddisin Kollha, nixtieq li naħsbu f’dawn kollha, il-qaddisin mhux magħrufa.  Midinbin bħalna, agħar minna, imma mifnija.  F’dawn in-nies kollha li ġejjin mit-taħbit il-kbir.  Il-parti l-kbira tad-dinja tinsab imħabbta.  U l-Mulej iqaddes lil dan il-poplu, midneb bħalna, imma jqaddsu bit-taħbit.

 

U fl-aħħar nett, it-tielet immaġni: Alla.  L-ewwel, il-qerda; it-tieni, il-vittmi; it-tielet, Alla.  Fit-Tieni Qari smajna hekk: “Issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem m’huwiex irrivelat lilna.  Madankollu, nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1 Ġw 3:2): mela, it-tama.  U din hi l-barka tal-Mulej li għad għandna: it-tama.  It-tama li Hu tiġih ħniena mill-poplu tiegħu, li jħenn għal dawn li jinsabu fit-taħbit il-kbir, li jħenn ukoll għal dawk li qed iġibu l-qerda, biex jikkonvertu.  Hekk, il-qdusija tal-Knisja tibqa’ miexja ’l quddiem: b’dawn in-nies, bina li għad naraw lil Alla kif inhu.  X’għandha tkun l-imġiba tagħna jekk nixtiequ nidħlu f’dan il-poplu u nimxu lejn il-Missier, f’din id-dinja ta’ tifrik, f’din id-dinja ta’ gwerer, f’din id-dinja ta’ taħbit?  L-imġiba tagħna, smajna fil-Vanġelu, hi l-imġiba tal-Beatitudnijiet.  Din il-mixja biss tista’ twassalna biex niltaqgħu ma’ Alla.  Din il-mixja biss tista’ ssalvana milli ninqerdu, mit-tixjin ta’ l-art, tal-ħolqien, tal-morali, ta’ l-istorja, tal-familja, ta’ kollox.  Din il-mixja biss: se tgħaddina minn ħwejjeġ koroh!  Sa ġġibilna problemi, persekuzzjonijiet.  Imma din il-mixja biss tista’ tmexxina ’l quddiem.  U hekk, dan il-poplu li l-lum qed ibati tant minħabba l-egoiżmu tal-qerrieda, ta’ ħutna li qed iġibu l-qerda, dan il-poplu jibqa’ miexi ’l quddiem bil-Beatitudnijiet, bit-tama li jsib lil Alla, li jiltaqa’ ma’ Alla wiċċ imb’wiċċ, bit-tama li nsiru qaddisin, f’dak il-mument tal-laqgħa defenittiva tagħna miegħU.

Il-Mulej jgħinna u jagħtina l-grazzja ta’ din it-tama, imma anki l-grazzja tal-kuraġġ li noħorġu minn dak kollu li jeqred, iġib fix-xejn, ir-relattiviżmu tal-ħajja, l-esklużjoni ta’ l-oħrajn, l-esklużjoni tal-valuri, l-esklużjoni ta’ dak kollu li l-Mulej tana: esklużjoni tal-paċi.  Jeħlisna minn dan u jagħtina l-grazzja li nimxu bit-tama li jum wieħed għad insibu ruħna quddiemU.  U din it-tama, ħuti, ma tqarraqx bina!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard