PELLEGRINAĠĠ FL-ART IMQADDSA FL-OKKAŻJONI TAL-50 ANNIVERSARJU MIL-LAQGĦA F’ĠERUSALEMM BEJN IL-PAPA PAWLU VI U L-PATRIJARKA ATENAGORA

(24-26 TA’ MEJJU 2014)

 

QUDDIESA MA’ L-ORDINARJI TA’ L-ART IMQADDSA U MAL-KONTINĠENT PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Sala taċ-Ċenaklu, Ġerusalemm - It-Tnejn 26 ta’ Mejju 2014

 

X’don tassew kbir qed jagħmlilna l-Mulej meta ġemagħna hawn, fil-Ċenaklu, biex niċċelebraw l-Ewkaristija!  Waqt li nsellmilkom bil-ferħ ta’ l-aħwa, nixtieq insellem bi mħabba lill-Patrijarki Orjentali Kattoliċi li f’dawn il-jiem ħadu sehem fil-pellegrinaġġ tiegħi.  Nixtieq irroddilhom ħajr għall-preżenza sinifikattiva tagħhom, partikularment prezzjuża għalija, u niżgurahom li għandhom post speċjali f’qalbi u fit-talb tiegħi.  Hawn, fejn Ġesù għamel l-Aħħar Ikla ma’ l-Appostli; fejn, imqajjem mill-mewt, deher f’nofshom; fejn l-Ispirtu s-Santu niżel bil-qawwa fuq Marija u d-dixxipli, hawn twieldet il-Knisja, u twieldet biex toħroġ.  Minn hawn telqet, bil-Ħobż maqsum f’idejha, bil-pjagi ta’ Ġesù quddiem għajnejna, u bl-Ispirtu ta’ l-imħabba f’qalbha.

 

Kristu Rxoxt, mibgħut mill-Missier, fiċ-Ċenaklu ta lill-Appostli l-istess Spirtu tiegħu u bil-qawwa tiegħu bagħathom iġeddu l-wiċċ ta’ l-art (ara Salm 104:30).

 

Toħroġ, titlaq, ma jfissirx tinsa.  Il-Knisja li toħroġ, tħares il-memorja ta’ dak li seħħ hawn; l-Ispirtu Difensur ifakkarha kull kelma, kull ġest, u jikxfilha t-tifsira tagħhom.

 

Iċ-Ċenaklu jfakkarna fil-qadi, il-ħasil tar-riġlejn li Ġesù għamel, bħala eżempju għad-dixxipli tiegħu.  Naħslu riġlejn xulxin ifisser nilqgħu lil xulxin, naċċettaw lil xulxin, ninħabbu, naqdu wieħed lill-ieħor.  Ifisser naqdi lill-fqir, il-marid, l-imwarrab, lil dak li narah antipatiku, dak li jdejjaqni.

 

Iċ-Ċenaklu, bl-Ewkaristija, ifakkarna fis-sagrifiċċju.  F’kull ċelebrazzjoni Ewkaristika Ġesù jingħata lill-Missier għalina, biex anki aħna nistgħu nissieħbu miegħU, u lil Alla noffrulu ħajjitna, ix-xogħol tagħna, il-ferħ tagħna u d-dwejjaq tagħna…, noffrulu kollox f’sagrifiċċju spiritwali.

 

U ċ-Ċenaklu jfakkarna anki fil-ħbiberija.  “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja”, qal Ġesù lit-Tnax, “…sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15).  Il-Mulej jagħmilna ħbieb tiegħu, jurina r-rieda tal-Missier u jagħtina lilU nnifsu.  Din hi l-isbaħ esperjenza tan-Nisrani, u b’mod partikulari tas-saċerdot: li jsir ħabib tal-Mulej Ġesù, u jiskopri fil-qalb tiegħu li Hu ħabib.

 

Iċ-Ċenaklu jfakkarna fit-tluq ta’ l-Imgħallem u l-wegħda li għad jerġa’ jkun ma’ ħbiebu: “U meta mmur, …nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14:3).  Ġesù ma jitlaqniex, ma jħallina qatt, hu jmur qabilna fid-dar tal-Missier u hemm irid jeħodna miegħU.

 

Imma ċ-Ċenaklu jfakkarna wkoll fil-meskinità, il-kurżità – “Min hu dak li se jittradih?” – it-tradiment.  U jista’ jkun kull wieħed minna, mhux biss jew dejjem l-oħrajn, li mill-ġdid iħaddan dawn l-atteġġjamenti, meta nħarsu b’arroganza lejn ħuna, niġġudikawh; meta bid-dnubiet tagħna nittradixxu lil Ġesù.

 

Iċ-Ċenaklu jfakkarna fil-qsim, fil-fraternità, fl-armonija, fil-paċi bejnietna.  Kemm imħabba, kemm ġid ħareġ miċ-Ċenaklu!  Kemm imħabba ħarġet minn hawn, bħal xmara ħierġa mill-għajn tagħha, li għall-bidu hi daqsxejn ta’ nixxiegħa u mbagħad titwessa’ u tikber…  Il-qaddisin kollha xorbu minn hawn; ix-xmara kbira tal-qdusija tal-Knisja dejjem issib l-għajn tagħha hawn, dejjem mill-ġdid, mill-Qalb ta’ Kristu, mill-Ewkaristija, mill-Ispirtu Qaddis tiegħu.

 

Fl-aħħar nett, iċ-Ċenaklu jfakkarna fit-twelid tal-familja ġdida, il-Knisja, l-imqaddsa omm tagħna l-Knisja ġerarkika, imwaqqfa minn Kristu Rxoxt.  Familja li għandha Omm, il-Verġni Marija.  Il-familji Nsara jagħmlu parti minn din il-familja kbira, u fiha jsibu dawl u qawwa biex jimxu u jiġġeddu, fit-taħbit u l-provi tal-ħajja.  F’din il-familja kbira huma mistiedna u msejħa l-ulied kollha ta’ Alla ta’ kull ġens u lsien, l-aħwa u l-ulied kollha tal-Missier waħdieni li qiegħed fis-Smewwiet.

 

Dan hu x-xefaq taċ-Ċenaklu: ix-xefaq ta’ l-Irxoxt u tal-Knisja.

 

Minn hawn titlaq il-Knisja, li toħroġ, moħjija min-nifs ta’ l-Ispirtu li jagħti l-ħajja.  Miġbura fit-talb ħaġa waħda ma’ Omm Ġesù, hi tgħix dejjem mill-ġdid l-istennija ta’ tiswib ġdid ta’ l-Ispirtu s-Santu: Ħa jinżel l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u jġedded il-wiċċ ta’ l-art (ara Salm 104:30)!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard