ŻJARA PASTORALI F’CASERTA

 QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza ta’ quddiem ir-Reggia di Caserta

Is-Sibt 26 ta’ Lulju 2014

 

Ġesù jdur fuq is-semmiegħa tiegħu bi kliem sempliċi, li lkoll setgħu jifhmu.  Anki l-lejla – kif smajna – Hu jkellimna b’parabboli qosra, li jirriferu għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies ta’ dak iż-żmien.  It-tixbihat tat-teżor moħbi f’għalqa u tal-ġawhra prezzjuża għandhom bħala protagonisti ħaddiem fqir ta’ l-għalqa u negozjant għani.  L-għani ilu ħajtu kollha jfittex oġġett ta’ valur, li jaqtagħlu l-għatx tiegħu għall-ġmiel, u jdur id-dinja kollha, bla ma jċedi, bit-tama li jsib dak li qed ifittex.  L-ieħor, il-bidwi, qatt ma tbiegħed mill-għalqa tiegħu u jibqa’ jagħmel ix-xogħol li dejjem għamel, bil-ġesti tas-soltu ta’ kuljum.  U safrattant, għat-tnejn li huma l-eżitu finali hu l-istess: il-kixfa ta’ xi ħaġa prezzjuża, għal wieħed teżor, għall-ieħor ġawhra tiswa ħafna.  It-tnejn li huma għandhom komuni bejniethom l-istess sentiment: is-sorpriża u l-ferħ li sabu dak li jissodisfa kull xewqa.  Fl-aħħar mill-aħħar, it-tnejn li huma ma joqogħdux jaħsbuha biex ibigħu kollox ħalli jiksbu t-teżor li sabu.  Permezz ta’ dawn iż-żewġ parabboli Ġesù jgħallimna x’inhi s-Saltna tas-smewwiet, kif insibuha, kif nagħmlu biex niksbuha.

 

X’inhi s-Saltna tas-smewwiet?  Ġesù ma joqgħodx ifittex li jfissirha.  Iħabbarha sa mill-bidu tal-Vanġelu tiegħu: “Is-Saltna tas-smewwiet hi fil-qrib”; – anki l-lum hi fil-qrib, qiegħda fostna – imma safrattant ma jurihiex direttament, imma dejjem f’mera, billi jirrakkonta x’għamel wieħed sid, sultan, għaxar xebbiet…  Jippreferi jħalli lil ħaddieħor jifhimha hu, b’parabboli u tixbihat, billi juri fuq kollox liema huma l-effetti tagħha: is-Saltna tas-smewwiet għandha l-ħila tibdel id-dinja, bħall-ħmira moħbija fl-għaġna; hi ċkejkna u umli bħal daqsxejn ta’ żerriegħa tal-mustarda, li, imma, għad tikber f’siġra.  Iż-żewġ parabboli li fuqhom irridu nirriflettu juruna li s-Saltna ta’ Alla tidher fl-istess persuna ta’ Ġesù.  Hu t-teżor moħbi, Hu l-ġawhra tiswa ħafna.  Jinftiehem il-ferħ tal-bidwi u tan-negozjant: sabu li kienu qed ifittxu!  Hu l-ferħ ta’ kull wieħed u waħda minna meta niskopru li Ġesù hu preżenti u qrib tagħna f’ħajjitna.  Preżenza li tibdlilna ħajjitna u tiftħilna qalbna għall-ħtiġijiet ta’ ħutna; preżenza li tistedinna nilqgħu kull preżenza oħra, anki dik tal-barrani u ta’ l-immigrant.  Hi preżenza li tilqa’, preżenza ferrieħa, preżenza li tagħmel il-frott: hekk hi s-Saltna ta’ Alla ġewwa fina.

 

Forsi tistaqsuni: Kif insibuha s-Saltna ta’ Alla?  Kull wieħed u waħda minna għandu mixja partikulari, kull wieħed għandu triqtu fil-ħajja.  Għal wieħed, il-laqgħa ma’ Ġesù taf tkun xi ħaġa li ilu jistenna, jixtieq, ifittex fit-tul, kif naraw fil-parabbola tan-negozjant li jdur id-dinja kollha biex isib xi ħaġa ta’ valur kbir.  Għal ieħor, isseħħ f’daqqa waħda, kważi b’kumbinazzjoni, bħal fil-parabbola tal-bidwi.  Dan ifakkarna li Alla kull kif iħallina niltaqgħu miegħu, għax Hu l-ewwel li jixtieq jiltaqa’ magħna u li jfittex li jiltaqa’ magħna: hu ġie biex ikun “Alla magħna”.  U Ġesù hu fostna, Hu jinsab hawn il-lum.  Qalhulna Hu dan: Meta intom tinġabru f’ismi, jien inkun f’nofskom.  Il-Mulej jinsab hawn, qiegħed hawn magħna, jinsab f’nofsna!  Hu li jfittixna, Hu li jħalli jsibu anki lil min m’hux ifittxu.  Kultant Hu jħallina nsibuh f’postijiet mhux tas-soltu u f’ħinijiet li ma nkunux nistennew.  Meta nsibu lil Ġesù nibqgħu mibluha, mirbuħa minnu, u bil-ferħ kollu nkunu lesti nħallu l-istil ta’ ħajja tas-soltu tagħna, xi kultant niexef u mitluq, biex inħaddnu l-Vanġelu, biex inħallu tmexxina l-loġika ġdida ta’ l-imħabba u tal-qadi umli u diżinteressat.  Il-Kelma ta’ Ġesù, il-Vanġelu.  Nistaqsikom din, imma ma rridkomx tweġbuni: Kemm minnkom jaqraw ta’ kuljum silta mill-Vanġelu?  Imma kemm minnkom, forsi, jgħaġġlu jeħilsu li għandhom jagħmlu biex ma jitilfux is-serje televiżiva…  Bil-Vanġelu f’idejna, bil-Vanġelu fuq il-komodina, bil-Vanġelu fil-basket, bil-Vanġelu fil-but biex niftħuh u naqraw il-Kelma ta’ Ġesù: hekk tiġi s-Saltna ta’ Alla.  Il-kuntatt mal-Kelma ta’ Ġesù jqarribna lejn is-Saltna ta’ Alla.  Aħsbuha sew: Vanġelu żgħir dejjem fil-qrib, tiftħu kien fejn kien u taqra x’jgħid Ġesù, u Ġesù jinsab hemm.

 

X’għandna nagħmlu biex niksbu s-Saltna ta’ Alla?  Fuq dan il-punt Ġesù hu ċar ħafna: m’hix biżżejjed il-ħeġġa, il-ferħ tal-kixfa.  Hemm bżonn li din il-ġawhra prezzjuża tas-Saltna npoġġuha qabel kull ġid ieħor ta’ din l-art; hemm bżonn inqiegħdu lil Alla fl-ewwel post fil-ħajja tagħna, nippreferuh fuq kollox.  Nagħtu l-primat lil Alla jfisser ikollna l-kuraġġ ngħidu le lill-ħażen, le lill-vjolenza, le lil min irid jaħkem bil-forza, biex ngħixu ħajja ta’ qadi lill-oħrajn u favur ir-rispett tal-liġi u tal-ġid komuni.  Meta persuna tiskopri lil Alla, it-teżor veru, tħalli dak l-istil ta’ ħajja egoista u tfittex li taqsam ma’ l-oħrajn l-imħabba li tiġi minn Alla.  Min jitħabbeb ma’ Alla, iħobb lill-aħwa, iħabrek biex iħares il-ħajja tagħhom u s-saħħa tagħhom billi jirrispetta wkoll l-ambjent u n-natura.  Jiena naf li intom qed tbatu minħabba f’dawn il-ħwejjeġ.  Il-lum, mal-wasla tiegħi, wieħed minnkom qorob lejja u qalli: Missier, agħtina t-tama.  Imma t-tama ma nistax nagħtihielkom jien, jien nista’ ngħidilkom li fejn hemm Ġesù, hemm tinsab it-tama; fejn hemm Ġesù, l-aħwa jinħabbu bejniethom, ifittxu li jħarsu ħajjithom u saħħithom billi jirrispettaw ukoll l-ambjent u n-natura.  Din hi t-tama li ma tqarraq qatt, dik li jagħti Ġesù!  Dan hu partikularment importanti f’din l-art sabiħa tagħkom li trid min jieħu ħsiebha u jippreservaha, titlob minnkom il-kuraġġ li tgħidu le għal kull għamla ta’ korruzzjoni u ta’ ksur ta’ liġi – ilkoll nafuh isem dawn il-forom ta’ korruzzjoni u ta’ ksur ta’ liġi – teħtieġ minnkom ilkoll li tkunu qaddejja tal-verità u f’kull sitwazzjoni tagħmlu tagħkom l-istil ta’ ħajja tal-Vanġelu, li jidher fid-don tagħkom infuskom u fl-attenzjoni lejn min hu fqir u mwarrab.  Tieħdu ħsieb il-fqir u l-imwarrab!  Il-Bibbja mimlija b’dawk l-eżortazzjonijiet.  Il-Mulej jgħid: Li tagħmlu din il-ħaġa u l-oħra, ma jimpurtanix; lili jimpurtani li l-iltim isib min jieħu ħsiebu, li l-armla ssib min jieħu ħsiebha, li l-imwarrab ikun milqugħ, li l-ħolqien jiġi mħares.  Din hi s-Saltna ta’ Alla!

 

Il-lum hi l-festa ta’ Sant’Anna, li jien nieħu gost insejħilha n-nanna ta’ Ġesù, u l-lum hu jum sabiħ biex niffesteġġjaw lin-nanniet.  Jien u ninċensa nnutajt ħaġa sabiħa ferm: l-istatwa ta’ Sant’Anna m’hix inkurunuta, imma l-bint, Marija, hi inkurunuta.  U din hi ħaġa sabiħa.  Sant’Anna hi l-mara li ħejjiet lil bintha biex issir sultana, biex issir is-Sultana tas-sema u ta’ l-art.  Xogħolha għamlitu sew din il-mara!  Sant’Anna, Patruna ta’ Caserta, ġabret f’din il-pjazza l-oqsma differenti tal-Komunità djoċesana flimkien ma’ l-Isqof u mal-preżenza ta’ l-awtoritajiet ċivili u tar-rappreżentanti tal-bosta realtajiet soċjali.  Nixtieq inħeġġiġkom ilkoll biex tgħixu l-festa patrunali meħlusa minn kull kundizzjonament, espressjoni pura ta’ fidi ta’ poplu li jagħraf li hu l-familja ta’ Alla u jsaħħaħ ir-rabtiet tal-fraterntià u tas-solidarjetà.  Sant’Anna forsi semgħetha lil bintha Marija tlissen il-kliem tal-Magnificat, li Marija żgur tenniet bosta drabi: “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla liċ-ċkejknin, mela bil-ġid lil min hu bil-ġuħ” (Lq 1:51-53).  Ħa tgħinkom hi tfittxu mill-ġdid it-teżor waħdieni, Ġesù, u tgħallimkom tagħrfu l-kriterji ta’ l-imġiba ta’ Alla; Hu jaqleb ta’ taħt fuq il-ġudizzji tad-dinja, jaqbeż għall-foqra u ċ-ċkejknin u jimla bil-ġid lill-umli, li jafdaw ħajjithom f’idejH.  Ittamaw, it-tama ma tqarraqx.  U nieħu gost intennilkom: tħallux lil min jisirqilkom it-tama li għandkom!

 

* * *

 

Fi tmiem il-Quddiesa f’Caserta, qabel il-barka ta’ l-aħħar, il-Qdusija Tiegħu l-Papa lissen dawn il-kelmiet spontanji lill-fidili:

 

Irrodd ħajr lil Monsinjur Isqof għall-kelmiet tiegħu: grazzi, wisq ġentili l-kliem tiegħu!  Grazzi ħafna!  U rrodd ħajr lilkom tal-laqgħa fraterna li tajtuni mill-qalb.  Grazzi!  Grazzi ħafna!  U jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija.  Grazzi anki lill-Kardinal Arċisqof ta’ Napli.  Smajt li forsi n-Naplitani għeru xi ftit minħabba f’din iż-żjara tiegħi, imma rrid niżgura lin-Naplitani li din is-sena żgur sa mmur għandhom.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard