ŻJARA PASTORALI F’CASSANO ALL’JONIO

 QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Spjanata fil-wesgħa eks-Insud (Sibari)

Is-Sibt 21 ta’ Ġunju 2014

 

Fil-festa tal-Corpus Domini niċċelebraw lil Ġesù, “il-ħobż il-ħaj, li niżel mis-Sema” (Ġw 6:51), ikel li jaqta’ l-ġuħ tagħna għall-ħajja ta’ dejjem, saħħa għall-mixja tagħna.  Irrodd ħajr lill-Mulej li l-lum tani li niċċelebra l-Corpus Domini magħkom, aħwa ta’ din il-Knisja li tinsab f’Cassano allo Jonio.

 

Din tal-lum hi l-festa li fiha l-Knisja tfaħħar lill-Mulej għad-don ta’ l-Ewkaristija.  Waqt li nhar Ħamis ix-Xirka nfakkru t-twaqqif tagħha fl-Aħħar Ċena, il-lum iktar jispikkaw ir-radd il-ħajr u l-adorazzjoni.  Fil-fatt bħal-lum hi tradizzjoni l-purċissjoni bis-Santissmu Sagrament.  Naduraw lil Ġesù Ewkaristija u nimxu miegħU.  Dawn huma ż-żewġ aspetti tal-festa tal-lum li ma tistax tifridhom wieħed mill-ieħor, żewġ aspetti li jħallu l-marka tagħhom fuq il-ħajja kollha tal-poplu Nisrani: poplu li jadura lil Alla u poplu li jimxi, li ma jibqax wieqaf, jimxi!

 

Qabel xejn aħna poplu li jadura lil Alla.  Aħna naduraw lil Alla li hu mħabba, li f’Ġesù Kristu ta lilu nnifsu għalina, offra ruħu fuq is-salib bħala vittma ta’ tpattija għal dnubietna u bil-qawwa ta’ din l-imħabba qam mill-mewt u jgħix fil-Knisja tiegħu.  Aħna m’għandniex Alla ieħor ħlief dan!

 

Meta flok l-adorazzjoni tal-Mulej tidħol l-adorazzjoni tal-flus, tinfetaħ triq għad-dnub, għall-interess personali u għall-abbuż tal-poter; meta ma nqimux lil Alla, il-Mulej, insiru adoraturi tal-ħażen, kif inhuma dawk li jgħixu bil-qerq u l-vjolenza.  L-art tagħkom, tant sabiħa, taf liema huma s-sinjali u l-konsegwenzi ta’ dan id-dnub.  Din hi l-’ndrangheta: qima tal-ħażen u disprezz tal-ġid komuni.  Dan il-ħażen għandna niġġeldulu, għandna nwarrbuh!  Hemm bżonn niqfulu u ngħidulu le!  Il-Knisja, li naf li tħabrek tant fl-edukazzjoni tal-kuxjenzi, jeħtieġ dejjem taħdem biex jirbaħ it-tajjeb.  Dan qed jitolbuh minna wliedna, iż-żgħażagħ tagħna li għandhom tant bżonn ta’ tama.  Biex nistgħu nwieġbu għal dawn il-ħtiġijiet, il-fidi tista’ tgħinna.  Dawk li f’ħajjithom jinsabu mexjin f’din it-triq tal-ħażen, bħalma huma l-mafjużi, dawn m’humiex f’għaqda ma’ Alla: huma skomunikati!

 

Il-lum dan aħna nistqarruh b’ħarsitna fuq il-Corpus Domini, is-Sagrament ta’ l-Altar.  U għal din il-fidi, aħna niċħdu lix-Xitan u t-tlellix fieragħ kollu tiegħu; niċħdu l-idoli tal-flus, tal-vanità, tal-kburija u l-ftaħir, tal-poter, tal-vjolenza.  Aħna l-Insara ma rridu nqimu xejn u lil ħadd f’din id-dinja jekk mhux lil Ġesù Kristu, li hu preżenti fl-Ewkaristija mqaddsa.  Forsi mhux dejjem nintebħu tassew dan xi jfisser, liema huma l-konsegwenzi li għandha, jew għandu jkollha din l-istqarrija ta’ fidi tagħna.

 

Din il-fidi tagħna fil-preżenza reali ta’ Ġesù Kristu, veru Alla u veru Bniedem, fil-ħobż u fl-inbid ikkonsagrati, tkun awtentika jekk aħna nħabirku biex nimxu warajH u miegħU.  Naduraw u nimxu: poplu li jadura hu poplu li jimxi!  Nimxu miegħU u warajH, u nfittxu li nqiegħdu fil-prattika l-kmandament tiegħu, dak li ta lid-dixxipli sewwa sew fl-Aħħar Ċena: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin(Ġw 13:34).  Il-poplu li jqim lil Alla fl-Ewkaristija hu l-poplu li jimxi fl-imħabba.  Inqimu lil Alla fl-Ewkaristija, nimxu ma’ Alla fi mħabba bejn l-aħwa.

 

Il-lum, bħala Isqof ta’ Ruma, qiegħed hawn biex inwettaqkom mhux biss fil-fidi imma wkoll fl-imħabba, biex nissieħeb magħkom u nagħmlilkom il-qalb fil-mixja tagħkom ma’ Ġesù li hu Mħabba.  Nixtieq nesprimi s-sostenn tiegħi lill-Isqof, il-presbiteri u d-djakni ta’ din il-Knisja, u anki ta’ l-Eparkija ta’ Lungro, għanja fit-tradizzjoni Griega-Biżantina tagħha.  Imma nestendih għal kulħadd, għar-Rgħajja u l-fidili kollha tal-Knisja fil-Kalabrija, li b’kuraġġ tħabrek għall-evanġelizzazzjoni u biex tħaddan stili ta’ ħajja u inizjattivi li jqiegħdu fiċ-ċentru l-ħtiġijiet tal-foqra u l-imwarrbin.  U nestendih ukoll għall-Awtoritajiet Ċivili ħa jfittxu li jgħixu l-impenn politiku u amministrattiv bħala dak li tassew hu, servizz għall-ġid komuni.

 

Inħeġġeġ lilkom ilkoll biex tagħtu xhieda tas-solidarjetà konkreta ma’ ħutkom, speċjalment dawk li l-iżjed jeħtieġu l-ġustizzja, it-tama, il-qalb ħelwa tagħkom.  Il-ħlewwa ta’ Ġesù, il-ħlewwa Ewkaristika: dik l-imħabba hekk delikata, hekk fraterna, hekk safja.  Għall-grazzja ta’ Alla hemm ħafna sinjali ta’ tama fil-familji tagħkom, fil-parroċċi, fl-għaqdiet, fil-moviment ekkleżjali tagħkom.  Il-Mulej Ġesù ma jehda qatt iqanqal ġesti ta’ karità fil-poplu tiegħu li jinsab miexi!  Sinjal konkret ta’ tama hu l-Progetto Policoro, għaż-żgħażagħ li jridu jidħlu għal sfida u joħolqu possibbiltajiet ta’ xogħol għalihom u għall-oħrajn.  Għeżież żgħażagħ, tħallux min jisirqilkom it-tama!  Dan għidtu kemm-il darba u ntennih għal darb’oħra hawnhekk: tħallux min jisirqilkom it-tama!  Jekk tqimu lil Ġesù fi qlubkom u tibqgħu magħqudin miegħU, tagħrfu teħduha kontra l-ħażen, l-inġustizzji u l-vjolenza bil-qawwa tat-tajjeb, tal-veru u tas-sabiħ.

 

Għeżież ħuti, l-Ewkaristija ġabritna flimkien.  Il-Ġisem tal-Mulej jagħmel minna ħaġa waħda, familja waħda, il-Poplu ta’ Alla miġbur madwar Ġesù, Ħobż tal-ħajja.  Dak li għidt liż-żgħażagħ ngħidu lil kulħadd: jekk taduraw lil Kristu u timxu warajH u miegħU, il-Knisja djoċesana tagħkom u l-parroċċi tagħkom jikbru fil-fidi u fl-imħabba, fil-ferħ ta’ l-evanġelizzazzjoni.  Tkunu Knisja fejn missirijiet, ommijiet, saċerdoti, reliġjużi, katekisti, tfal, anzjani, żgħażagħ jimxu ma’ xulxin, iwieżnu lil xulxin, jgħinu lil xulxin, jinħabbu bħal aħwa, speċjalment fil-waqtiet iebsin.

 

Marija, Omm tagħna, Mara ta’ l-Ewkaristija, li intom tqima b’tant Santwarji, speċjalment f’dak ta’ Castrovillari, timxi qabilkom f’dan il-pellegrinaġġ tal-fidi.  Hi tgħinkom, tgħinkom dejjem biex tibqgħu magħqudin ħalli, anki permezz tax-xhieda tagħkom, il-Mulej jissokta jsawwab il-ħajja fuq id-dinja.  Hekk ikun.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard