QUDDIESA FIS-SANTWARJU TA "NOSTRA SIGNORA DI BONARIA"

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

PJAZZA QUDDIEM IS-Santwarju ta’  “Nostra Signora di Bonaria”, Cagliari
Il-Ħadd, 22 ta’ Settembru, 2013

 

Il-paċi tal-Mulej tagħna Ġesu’ Kristu tkun dejjem magħkom.

 

Illum qed inwettaq ix-xewqa li kont ħabbart fi Pjazza San Pietru qabel is-sajf, li nkun nista’ nżur is-Santwarju tal-Madonna ta’ Bonaria.

1. Ġejt biex naqsam magħkom il-ferħ u t-tama, il-ħidma u l-impenn, l-ideali u l-aspirazzjonijiet tal-gżira tagħkom, u biex insaħħaħkom fil-fidi.  Hawnhekk f’Cagliari wkoll, bħal f’Sardinja kollha, ma jonqsux id-diffikultajiet – u hawn ħafna – il-problemi u l-preokkupazzjonijiet: irrid infakkar b’mod speċjali n-nuqqas ta’ xogħol u x-xogħol prekarju u għalhekk l-inċertezza għall-futur.  Dan ir-Reġjun sabiħ tagħkom ta’ Sardinja ilu jsofri ħafna minn qagħadiet ta’ faqar li huma aċċentwati wkoll mill-kundizzjoni tiegħu bħala gżira.  Hija meħtieġa l-kollaborazzjoni leali ta’ kulħadd, bl-impenn ta’ dawk responsabbli mill-istituzzjonijiet – anke tal-Knisja – sabiex jassiguraw lill-persuni u lill-familji id-drittijiet fundamentali u jgħinu biex tinbena soċjeta’ aktar fraterna  u solidali.  Li jassikuraw id-dritt tax-xogħol, id-dritt li ġġib id-dar il-ħobż, ħobż li naqilgħuh bix-xogħol!  Jiena qribkom!  Jiena qribkom, niftakar fikom fit-talb u nagħmlilkom kuraġġ biex tibqgħu tagħtu xhieda tal-valuri umani u nsara li huma daqshekk radikati fil-fidi u fl-istorja ta’ dan it-territorju u ta’ din il-popolazzjoni.  Żommu dejjem ħaj id-dawl tat-tama!

2.  Ġejt fostkom biex noqgħod magħkom f’riġlejn il-Madonna li tagħtina lil Binha.  Jiena naf tajjeb li Marija, Ommna, hija f’qalbkom kif jixhed dan is-Santwarju, fejn ħafna ġenerazzjonijiet tal-poplu ta’ Sardinja kienu jitilgħu – u għadhom jitilgħu! – biex isejjħu l-ħarsien tal-Madonna ta’ Bonaria, il-Patruna l-Kbira ta’ dil-Gżira.  Hawnhekk intom iġġibu l-ferħ u t-tbatijiet ta’ din l-art, tal-familji tagħha, u anke ta’ dawk l-ulied li jgħixu l bogħod, li spiss ħallew dan il-post b’tant dispjaċir u nostalġija sabiex ifittxu xogħol u futur għalihom u għall-għeżież tagħhom.  Illum, kif aħna miġburin ilkoll irridu nroddu ħajr lil Marija għaliex hija dejjem qribna, irridu nġeddulha l-fiduċja tagħna u l-imħabba tagħna.

L-ewwel Qari li smajna jurina lil Marija fiċ-Ċenaklu, flimkien mal-Appostli.  Marija titlob, titlob flimkien mal-komunita’ tad-dixxipli; hija tgħallimna biex ikollna fiduċja f’Alla, fil-ħniena tiegħu.  Din hija l-qawwa tat-talb!  Ma ngħejjewx inħabbtu l-bieb ta’ Alla.  Inwasslu sal-qalb t’Alla, permezz ta’ Marija, il-ħajja kollha tagħna, kuljum.  Inħabbtu l-bieb tal-qalb ta’ Alla!

Fl-Evanġelju, imbagħad, għandna fuq kollox l-aħħar ħarsa ta’ Ġesu’ fuq Marija (ara Ġw 19, 25-27).  Minn fuq is-salib, Ġesu’ jħares lejn Ommu u jafdaha lill-appostlu Ġwanni waqt li jgħidilha: “Dan huwa ibnek”.  Fi Ġwanni hemm aħna lkoll, aħna wkoll, u l-ħarsa ta’mħabba ta’ Ġesu tqegħedna taħt il-ħarsien matern tal-Omm.  Marija ftakret f’ħarsa oħra ta’ mħabba, meta kienet tfajla: il-ħarsa t’Alla l-Missier, li ħares lejn l-umilta’ tagħha, iċ-ċokon tagħha.  Marija tgħallimna li Alla ma’ jabbandunaniex, li huwa jista’ jagħmel ħwejjeġ kbar anke bid-dgħufija tagħna.  Ikollna fiduċja fiH!  Inħabbtu l-bieb tal-qalb tiegħu!

3.  U issa t-tielet ħsieb:  jien illum ġejt f’nofskom, anzi ġejna lkoll flimkien biex niltaqgħu mal-ħarsa ta’ Marija għaliex fiha hemm ir-rifless tal-ħarsa tal-Missier li għamilha Omm Alla u r-rifless tal-ħarsa tal-Iben minn  fuq is-salib li għamilha Omm tagħna.  U b’dik il-ħarsa, illum, Marija qed tħares lejna. Għandna bżonnha dik il-ħarsa tagħha ta’ tenerezza, dik il-ħarsa tagħha ta’ omm li tagħrafna aħjar minn ħaddieħor; neħtieġu l-ħarsa tagħha kollha mimlija kompassjoni u attenzjoni.  Marija, irridu llum intennulek: Omm għażiża, agħtina il-ħarsa tiegħek!  Il-ħarsa tiegħek twassalna għand Alla, il-ħarsa tiegħek hija don tal-Missier Tajjeb li jistenniena f’kull ċirkustanza tal-mixja tagħna; hija don ta’ Ġesu’ Kristu fuq is-salib, li jġorr fuqu s-sofferenzi tagħna, it-tbatijiet atgħna, id-dnub tagħna.  U biex aħna niltaqgħu ma’ dan il-Missier mimli mħabba rridu ntennulek: “Omm għażiża, agħtina l-ħarsa tiegħek!  Ejjew intennua flimkien dit-talba: “Omm għażiża, agħtina l-ħarsa tiegħek!”.  “Omm għażiża, agħtina l-ħarsa tiegħek!”

F’mixjietna li hija spiss diffiċli, m’aħniex weħidna, aħna flimkien, aħna poplu, u l-ħarsa tal-Madonna tgħinna biex inħarsu lejn xulxin b’mod fratern.  Inħarsu lejn xulxin b’mod aktar fratern!  Marija tgħallimna biex ikollna dik il-ħarsa li tfittex li tilqa’, li takkumpanja, li tħares.  Ejjew nitgħallmu nħarsu lejn xulxin taħt il-ħarsien matern ta’ Marija!  Hemm nies li b’mod istintiv aħna nikkunsidrawhom inqas minn ħaddieħor; fil-waqt li dawn huma l-aktar nies fil-bżonn: dawk l-aktar abbandunati, il-morda, dawk li m’għandhomx biex jgħixu, dawk li ma jafux lil Ġesu’, iż-żgħażagħ li huma f’diffikulta’, iż-żgħażagħ li ma jsibux xogħol.  Ma nibżgħux li noħorġu u nħarsu lejn dawn ħutna bil-ħarsa tal-Madonna, hija li tistedinna nkunu aħwa tassew.  U ma nippermettu qatt li xi ħaġa jew xi ħadd iqiegħed lilu nnifsu bejna u l-ħarsa tal-Madonna.  Omm għażiża, agħtina l-ħarsa tiegħek!  Tħalli qatt li xi ħadd jaħbihielna!  Il-qalb tagħna ta’ wlied tkun jaf tħarisha minn ħafna kliem vojt li jwiegħed illużżjonijiet; tħarisha minn dawk li għandhom ħarsa għatxana għal ħajja ħafifa, għal tamiet li ma jistgħux iwettqu.  Ma jisirqulniex dawn il-ħarsa ta’ Marija li hija mimlija tenerezza, li tagħtina l-qawwa, li tgħinna nkunu solidali bejnietna.  Ngħidu flimkien: Omm għażiża, agħtina l-ħarsa tiegħek!  Omm għażiża, agħtina l-ħarsa tiegħek!  Omm għażiża, agħtina l-ħarsa tiegħek!

L-Omm tagħna ta’ Bonaria takkumpanjakom dejjem f’din il-ħajja.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.