ŻJARA PASTORALI F’ASSISI

OMELIJA FIL_QUDDIES TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Franġisk, Assisi

Il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru 2013

 

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin (Mt 11:25).

Paċi u ġid lil kulħadd!  B’din it-tislima Franġiskana nixtieq irroddilkom ħajr talli ġejtu hawn, f’din il-Pjazza, mimlija bi storja u b’fidi, biex nitolbu lkoll flimkien.

Il-lum jien ukoll, bħal tant pellegrini, ġejt hawn biex infaħħar lill-Missier għal dak kollu li ried juri lil wieħed minn dawn iċ-“ċkejknin” li dwarhom jitkellem il-Vanġelu: Franġisku, bin negozjant għani ta’ Assisi.  Il-laqgħa ma’ Ġesù wasslitu biex jinża’ mill-ħajja komda u moħħ ir-riħ li kien qed jgħix, biex jitgħarras ma’ “Madonna Povertà” u jgħix ta’ veru iben tal-Missier li qiegħed fis-Smewwiet.  Din l-għażla ta’ Franġisku kienet tfisser il-mod radikali ta’ kif hu ried jixbah lil Kristu, jerġa’ jilbes lilU li, għalkemm kien għani, ftaqar hu biex bil-faqar tiegħu nistagħnew aħna (ara 2 Kor 8:9).  Fil-ħajja kollha ta’ Franġisku l-imħabba għall-foqra u l-imitazzjoni ta’ Kristu fqir huma żewġ elementi li jintrabtu flimkien b’mod inseparabbli, żewġt uċuħ ta’ l-istess munita.

 

Liema hi x-xhieda li jagħtina San Fraġisk, il-lum?  X’qed jgħidilna, mhux bil-kliem – għax dan faċli tagħmlu – imma bil-ħajja tiegħu?

 

1. L-ewwel ħaġa li qed jgħidilna, ir-realtà fundamentali li tagħha jagħtina xhieda, hi din: li nkunu Nsara jfisser li jkollna relazzjoni ħajja mal-Persuna ta’ Ġesù, li nilbsu lilU, li nixbhu lilU.

Mnejn titlaq il-mixja ta’ Franġisku lejn Kristu?  Titlaq mill-ħarsa ta’ Ġesù fuq is-salib.  InħalluH iħares lejna fil-mument li fih jagħtina ħajtu u jiġbidna lejH.  Franġisku din l-esperjenza daqha b’mod partikulari fil-knisja ċkejkna ta’ San Damjan, hu u jitlob quddiem il-Kurċifiss, li jiena wkoll il-lum sa nkun nista’ nqim.  F’dak il-Kurċifiss Ġesù ma jidhirx mejjet, imma ħaj!  Id-demm jidher nieżel mill-ġrieħi ta’ jdejh, ta’ riġlejh u tal-kustat, imma dak id-demm jesprimi l-ħajja.  Ġesù m’għandux għajnejh magħluqin, imma miftuħa beraħ: ħarsa li tkellem lill-qalb.  U l-Kurċifiss ma jkellimniex dwar telfa, dwar falliment; paradossalment, ikellimna dwar mewt li hi ħajja, li tagħti l-ħajja, għax ikellimna dwar l-imħabba, għax hi l-Imħabba ta’ Alla inkarnata, u l-Imħabba ma tmutx, anzi, tirbaħ fuq il-ħażen u l-mewt.  Min iħalli lil Ġesù mislub iħares lejh jiġi maħluq mill-ġdid, isir “ħolqien ġdid”.  Minn hawn jitlaq kollox: hi l-esperjenza tal-Grazzja li tibdel, li nħossuna maħbuba mingħajr ma jistħoqqilna, anki jekk aħna midinbin.  Għalhekk Franġisku, flimkien ma’ San Pawl, jista’ jgħid: “Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Gal 6:14).

 

Induru lejk, Franġisku, u nitolbuk: għallimna noqogħdu quddiem il-Kurċifiss, inħalluH iħares lejna, inħalluh jaħfrilna, u jagħmilna ħolqien ġdid bi mħabbtu.

 

2. Fil-Vanġelu għadna kemm smajna dawn il-kelmiet: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.  Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:28-29).

 

Din hi t-tieni ħaġa li tagħha Franġisku jagħtina xhieda: min jimxi wara Kristu, jikseb is-sliem veru, dak li Hu biss, u mhux id-dinja, jista’ jagħtina.  Lil San Franġisk ħafna jassoċjawh mal-paċi, u jagħmlu sew, imma ftit huma dawk li jinżlu fil-fond ta’ dan.  Liema hi l-paċi li Franġisku laqa’ u għex u ttrasmetta?  Dik ta’ Kristu, li hu għaddielna permezz ta’ l-ikbar imħabba, dik tas-Salib.  Hi l-paċi li Ġesù Rxoxt ta lid-dixxipli meta deher f’nofshom (ara Ġw 20:19,20).

 

Il-paċi Franġiskana m’hix xi ħaġa sentimentali.  Nitlobkom: dan it-tip ta’ San Franġisk ma jeżistix!  U lanqas hi speċi ta’ armonija panteistika ma’ l-enerġiji tal-kożmu…  Lanqas din m’hi ħaġa Franġiskana!  Lanqas din m’hi ħaġa Franġiskana, imma hi idea li ħolqu xi wħud!  Il-paċi ta’ San Franġisk hi dik ta’ Kristu, u jsibha min “jieħu fuqu l-madmad” tiegħu, jiġifieri l-kmandament tiegħu: Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien (ara Ġw 13:34; 15:12).  U dan il-madmad ma tistax iġġorru b’arroganza, bi preżunzjoni, bis-suppervja, imma tista’ ġġorru biss bil-ħlewwa u l-umiltà tal-qalb.

 

Induru lejk, Franġisku, u nitolbuk: għallimna nkunu “strumenti tal-paċi”, tal-paċi li l-għajn tagħha hu Alla, il-paċi li ġabilna l-Mulej Ġesù.

 

3. Franġisku b’dan il-kliem jiftaħ l-Għanja tal-Ħlejjaq: “Twajjeb Mulej, int l-Ogħla, tista’ kollox…  Tkun imfaħħar mal-ħlejjaq kollha tiegħek” (Fonti Francescane, 1820).  L-imħabba lejn il-ħolqien kollu, lejn l-armonija li hemm ġo fih!  Il-Qaddis ta’ Assisi jixhed għar-rispett lejn dak kollu li ħalaq Alla u hekk kif ħalqu Hu, mingħajr ma jesperimenta bil-ħolqien biex jeqirdu; jgħinu jikber, ikun iżjed sabiħ u iżjed jixbah lil dak li Alla ħalaq.  U fuq kollox San Franġisk jixhed għar-rispett lejn kollox, jixhed li l-bniedem hu msejjaħ biex iħares lill-bniedem, li l-bniedem hu fiċ-ċentru tal-ħolqien, fil-post fejn riedu Alla – il-Ħallieq.  Mhux strument ta’ l-idoli li aħna noħolqu!  L-armonija u l-paċi!  Franġisku kien bniedem ta’ armonija, bniedem ta’ paċi.  Minn din il-Belt tal-Paċi, intenni bil-qawwa u bil-ħlewwa ta’ l-imħabba: nirrispettaw il-ħolqien, ma nkunux strumenti ta’ qerda!  Nirrispettaw lil kull bniedem: ħa jieqfu l-kunflitti armati li qed iċappsu l-art bid-demm, jisktu l-armi, u l-mibegħda kullimkien iċċedi postha lill-imħabba, il-ħtija lill-maħfra, il-firda lill-għaqda.  Isimgħuha l-karba ta’ dawk li qed jibku, ibatu u jmutu minħabba fil-vjolenza, it-terroriżmu jew il-gwerra, fl-Art Imqaddsa, tant maħbuba minn San Franġisk, fis-Sirja, fil-Lvant Nofsani kollu, fid-dinja kollha.

 

Induru lejk, Franġisku, u nitolbuk: iksbilna minn għand Alla d-don li f’din id-dinja tagħna jkollna l-armonija, il-paċi u r-rispett lejn il-Ħolqien!

 

Ma nistax ninsa, fl-aħħar nett, li l-lum l-Italja tiċċelebra lil San Franġisk bħala l-Patrun tagħha.  U nagħti l-awguri tiegħi lit-Taljani kollha, fil-preżenza tal-Kap tal-Gvern, hawn preżenti.  Dan jesprimih ukoll il-ġest tradizzjonali ta’ l-offerta taż-żejt għal-lampa votiva, li din is-sena jmiss propju lir-Reġjun ta’ l-Umbrija.  Nitolbu għan-Nazzjon Taljan, biex ilkoll naħdmu dejjem għall-ġid komuni, u nħarsu aktar lejn dak li l-iżjed jgħaqqadna milli lejn dak li jifridna.

 

Nagħmel tiegħi t-talba ta’ San Franġisk għal Assisi, għall-Italja, għad-dinja: “Għalhekk nitolbok, o Mulej Ġesù Kristu, missier il-ħniena, biex ma tħarisx lejn l-ingratitudni tagħna, imma ftakar dejjem fit-tjieba kotrana li [f’din il-belt] urejt magħna, biex tkun dejjem il-post u d-dar ta’ dawk li jafuk tabilħaqq u jigglorifikaw l-isem imbierek u wisq glorjuż tiegħek għal dejjem ta’ dejjem.  Amen” (Mera ta’ perfezzjoni, 124: FF, 1824).

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard