QUDDIESA MA’ L-ANZJANI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 28 ta’ Settembru 2014

 

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna l-lum nilqgħuh bħala Vanġelu tal-laqgħa bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani: laqgħa mimlija ferħ, mimlija fidi u mimlija tama.

 

Marija hi żagħżugħa, għadha żgħira ħafna.  Eliżabetta hi anzjana, imma fiha dehret il-ħniena ta’ Alla u minn sitt xhur ilu, flimkien ma’ żewġha Żakkarija, qed tistenna iben.

 

Marija, anki f’din iċ-ċirkustanza, turina t-triq: tmur tiltaqa’ mal-qariba anzjana tagħha, toqgħod magħha, ċertament biex tgħinha, imma anki fuq kollox biex minnha, li hi mdaħħla fiż-żmien, titgħallem l-għerf tal-ħajja.

 

L-Ewwel Qari, b’varjetà ta’ espressjonijiet, fih eku tar-raba’ kmandament: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik” (Eż 20:12).  M’hemmx futur għall-poplu mingħajr din il-laqgħa bejn il-ġenerazzjonijiet, mingħajr ma l-ulied jilqgħu b’rikonoxxenza x-xhieda tal-ħajja minn idejn il-ġenituri.  U f’din ir-rikonoxxenza għal min għaddielek il-ħajja, hemm anki r-rikonoxxenza għall-Missier li qiegħed fis-Smewwiet.

 

Xi kultant insibu ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ li, għal raġunijiet storiċi u kulturali kumplessi, jgħixu b’mod iżjed qawwi l-bżonn li jkunu awtonomi mill-ġenituri tagħhom, li kważi “jeħilsu” mill-wirt li jorbothom mal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom.  Hu bħal mument ta’ adolexxenza ribelli.  Imma, jekk imbagħad ma jerġgħux isibu din l-okkażjoni li jiltaqgħu, jekk ma jerġgħux isibu bilanċ ġdid u għammiel bejn il-ġenerazzjonijiet, ikun il-poplu li fl-aħħar mill-aħħar jiftaqar bil-kbir, u l-libertà li tipprevali fis-soċjetà tkun libertà falza, li kważi dejjem tinbidel f’aworitarjaniżmu.

 

L-istess messaġġ jaslilna mill-eżortazzjoni ta’ l-Appostlu Pawlu lil Timotju u, permezz tiegħu, lill-komunità Nisranija.  Ġesù ma neħħiex il-liġi tal-familja u tal-passaġġ minn ġenerazzjoni għall-oħra, imma wassalha għall-milja tagħha.  Il-Mulej sawwar familja ġdida, fejn fuq ir-rabtiet tad-demm tirbaħ ir-relazzjoni tagħna miegħU u li nagħmlu r-rieda ta’ Alla l-Missier.  Imma l-imħabba għal Ġesù u għall-Missier twettaq imħabbitna għall-ġenituri, għal ħutna, għan-nanniet, iġġedded ir-relazzjonijiet familjari bin-nutriment tal-Vanġelu u ta’ l-Ispirtu s-Santu.  U dan hu li San Pawl jirrikkmanda lil Timotju, li hu Ragħaj u għalhekk missier ta’ komunità, biex juri rispett lejn l-anzjani u l-familjari, u jħeġġu biex dan jagħmlu b’atteġġjament ta’ iben: l-anzjan “qisu missierek”, “in-nisa mdaħħlin fiż-żmien bħallikieku ommijiet” (ara 1 Tim 5:1).  Il-kap tal-komunità m’hux meħlus milli jimxi ma’ din ir-rieda ta’ Alla, anzi, l-imħabba ta’ Kristu ssuqu biex jagħmilha bi mħabba ikbar.  L-istess bħall-Verġni Marija, li anki jekk issa saret Omm il-Messija, tħossha misjuqa mill-imħabba ta’ Alla, li qed jitlaħħam fiha, biex tmur tħaffef għand qaribtha mdaħħla fiż-żmien.

 

U għalhekk nerġgħu lura għal din l-“ikona” mimlija ferħ u tama, mimlija fidi, mimlija mħabba.  Nistgħu nistħajlu li l-Verġni Marija, meta qagħdet id-dar ta’ Eliżabetta, semgħethom lilha u lil żewġha Żakkarija jitolbu bi kliem is-Salm Responsorjali tal-lum: “Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi; Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti…  Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; titlaqnix meta tħallini saħħti…  Mqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, la tinsinix, o Alla; sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi” (Salm 71:5,9,18).  Ix-xbejba Marija semgħet, u kienet tgħożż kollox bejnha u bejn ruħha.  Ir-ruħ żagħżugħa tagħha kompliet tistagħna bl-għerf ta’ Eliżabetta u Żakkarija; ma kinux xi esperti ta’ maternità u paternità, għax anki għalihom kienet l-ewwel tqala, imma kienu esperti fil-fidi, esperti ta’ Alla, esperti f’dik it-tama li tiġi minnU: ta’ dan għandha bżonn id-dinja, f’kull ħin.  Marija għarfet tisma’ lil dawk il-ġenituri anzjani u mimlija għoġba, għożżot f’qalbha l-għerf tagħhom, u din għaliha kienet ħaġa prezzjuża, fil-mixja tagħha ta’ mara, miżżewġa, omm.

 

Hekk il-Verġni Marija turina t-triq: it-triq tal-laqgħa bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani.  Il-futur ta’ poplu neċessarjament jitlob din il-laqgħa: iż-żgħażagħ jagħtu l-qawwa li tmexxi poplu u l-anzjani jsaħħu din il-qawwa bil-memorja u l-għerf popolari.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard