LAQGĦA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MAL-KOMUNITÀ ANGLIKANA

FIL-KNISJA TA’ “ALL SAINTS” F’VIA DEL BABUINO

Il-Ħadd 26 ta’ Frar 2017

OMELIJA

 

Għeżież ħuti,

 

Nirringrazzjakom tal-istedina ġentili tagħkom biex niċċelebraw flimkien dan l-anniversarju parrokkjali. Għaddew iżjed minn mitejn sena minn meta f’Ruma nżamm l-ewwel servizz liturġiku pubbliku Anglikan għal grupp ta’ residenti Ingliżi li kienu jgħixu f’din il-parti tal-belt. Minn dak iż-żmien inbidel ħafna, kemm f’Ruma u fid-dinja. Mal-medda ta’ dawn iż-żewġ sekli nbidel ħafna anki bejn l-Anglikani u l-Kattoliċi, li fl-imgħoddi kienu jħarsu lejn xulxin b’suspett u ostilità; illum, għall-grazzja ta’ Alla, nagħrfu lil xulxin bħala dak li tassew aħna: aħwa fi Kristu, permezz tal-magħmudija komuni ta’ bejnietna. Bħala ħbieb u pellegrini nixtiequ nimxu flimkien, nimxu flimkien wara Sidna Ġesù Kristu.

 

Intom stedintuni niġi nbierek l-ikona ġdida ta’ Kristu l-Feddej. Kristu jħares lejna, u l-ħarsa tiegħu mistrieħa fuqna hi ħarsa ta’ salvazzjoni, ta’ mħabba u ta’ ħniena. Hi l-istess ħarsa ħanina li nifdet il-qalb tal-Appostli, li bdew mixja ta’ ħajja ġdida biex jimxu wara l-Imgħallem u jxandruh. F’din ix-xbieha mqaddsa, hu u jħares lejna, Ġesù donnu jrid jagħmlilna sejħa lilna wkoll: “Int lest tħalli xi ħaġa mill-passat tiegħek warajk minħabba fija? Trid tkun ħabbar ta’ mħabbti, tal-ħniena tiegħi?”.

 

Il-ħniena divina hi l-għajn tal-misteru Nisrani kollu. Dan jgħidhulna l-Appostlu Pawlu, meta jdur fuq il-Korintin, fil-qari li għadna kemm smajna. Hu jikteb: “Ladarba għall-ħniena ta’ Alla aħna għandna dan il-ministeru, ma naqtgħux qalbna” (2 Kor 4:1). Fil-verità, San Pawl qatt ma kellu xi relazzjoni ħafifa mal-komunità ta’ Korintu, kif juru l-ittri tiegħu. Għamel ukoll żjara ta’ swied il-qalb lil din il-komunità u bil-miktub bagħtilhom kliem iebes. Imma din is-silta turi lill-Appostlu li jegħleb id-differenzi tal-passat u, għax jgħix il-ministeru tiegħu skont il-ħniena li rċieva, ma jirrassenjax ruħu quddiem il-firdiet imma jħabrek b’risq ir-rikonċiljazzjoni. Meta aħna, komunità ta’ Nsara mgħammdin, insibu ruħna quddiem in-nuqqas ta’ qbil u nersqu quddiem il-wiċċ ħanin ta’ Kristu biex negħlbuhom, inkunu nagħmlu eżatt kif għamel San Pawl f’waħda mill-ewwel komunitajiet Insara.

 

X’inhi l-prova li jgħaddi minnha Pawlu f’din il-ħidma, mnejn jibda? Mill-umiltà, li mhix biss virtù sabiħa, imma hi kwistjoni ta’ identità: Pawlu jifhem li hu qaddej, li mhux qed ixandar lilu nnifsu, imma lil Kristu Ġesù l-Mulej (v. 5). U jwettaq dan is-servizz, dan il-ministeru skont il-ħniena li ngħatatlu (v. 1); mhux b’xi bravura tiegħu jew billi jserraħ fuq il-qawwa tiegħu, imma fil-fiduċja li Alla qed iħares lejh u jwieżen id-dgħufija tiegħu bil-ħniena. Insiru umli u ma nibqgħux aħna fiċ-ċentru, noħorġu miċ-ċentru, nagħrfu li aħna għandna bżonn ta’ Alla, tallaba tal-ħniena: dan hu l-punt li minnu rridu nitilqu biex inħallu lil Alla jaħdem. President tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes fisser l-evanġelizzazzjoni Nisranija bħala “tallab li juri lil tallab ieħor fejn jista’ jsib il-ħobż” (Dr D.T. Niles). Naħseb San Pawl kien jaqbel ma’ dan. Hu kien iħossu “mitmugħ mill-ħniena” u l-prijorità tiegħu kienet li jaqsam il-ħobż tiegħu mal-oħrajn: il-ferħ li aħna maħbuba mill-Mulej u li nħobbuh.

 

Dan hu l-aktar ġid prezzjuż tagħna, it-teżor tagħna, u f’dan il-kuntest Pawlu jintroduċi waħda mill-iżjed xbihat magħrufa tiegħu, li nistgħu napplikaw għalina lkoll: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar” (v. 7). Aħna sempliċi ġarar tal-fuħħar, imma fina nżommu l-ikbar teżor tad-dinja. Il-Korintin kienu jafu tajjeb li kien bla sens iżżomm xi ħaġa prezzjuża f’ġarar tal-fuħħar, li kienu mifruxa sew fis-suq, imma li malajr setgħu jixxaqqu. Li żżomm fihom xi ħaġa ta’ valur kbir kien ifisser tirriskja li titlifha. Pawlu, midneb li sab grazzja, umilment jagħraf li hu dgħajjef bħal ġarra tal-fuħħar. Imma hu daq u jaf li proprju hemm, fejn il-miżerja umana tinfetaħ għall-azzjoni ħanina ta’ Alla, li l-Mulej jagħmel l-għeġubijiet. Hekk jaħdem il-“kobor ta’ din il-qawwa” ta’ Alla (v. 7).

 

Fiduċjuż f’din il-qawwa umli, Pawlu jsir qaddej tal-Vanġelu. Meta jitkellem fuq xi avversarji tiegħu f’Korintu, isejħilhom “l-appostli l-kbar” (2 Kor 12:11), forsi, u b’ċerta ironija, għax kienu kkritikawh għad-dgħufijiet tiegħu, li huma kienu jħossuhom eżenti minnhom. Imma Pawlu jgħallem li t-teżor ta’ Alla jista’ jissawwab fuqna u, permezz tagħna, fuq l-oħrajn, biss jekk nagħrfu li aħna ġarar dgħajfa tal-fuħħar, midinbin dejjem fil-ħtieġa tal-ħniena. Inkella nkunu mimlijin biss bit-teżori tagħna, li jitherrew u jitmermru f’ġarar li minn barra biss jidhru sbieħ. Jekk nagħrfu d-dgħufija tagħna u nitolbu maħfra, il-ħniena ta’ Alla li tfejjaq, tilma fina u tidher iktar barra minna; l-oħrajn b’xi mod jagħrfu fina l-ġmiel ħelu tal-wiċċ ta’ Kristu.

 

F’ċertu punt, forsi fl-aktar mument diffiċli mal-komunità ta’ Korintu, Pawlu ħassar żjara li kien ipprogramma li jagħmel, u ċċaħħad imqar mill-offerti li kellu jirċievi mingħandhom (2 Kor 1:15-24). Kien hemm it-tensjonijiet fil-komunità, imma dawn ma kellhomx l-aħħar kelma. Ir-relazzjoni reġgħet għall-aħjar u l-Appostlu laqa’ l-offerta għas-sostenn tal-Knisja ta’ Ġerusalemm. L-Insara ta’ Korintu reġgħu bdew jaħdmu id f’id mal-komunitajiet l-oħra miżjura minn Pawlu, biex iwieżnu lil min kien fil-bżonn. Dan hu sinjal qawwi ta’ komunjoni mġedda. Anki l-ħidma li l-komunità tagħkom twettaq flimkien ma’ oħrajn ta’ lingwa Ingliża hawn Ruma nistgħu nħarsu lejha b’dan il-mod. Komunjoni vera u solida tikber u tissaħħaħ meta naħdmu flimkien b’risq min hu fil-bżonn. Permezz tax-xhieda waħda tal-karità, il-wiċċ ħanin ta’ Ġesù jidher fil-belt tagħna.

 

Kattoliċi u Anglikani, aħna umilment grati għax, wara sekli ta’ diffidenza reċiproka, issa nistgħu nagħrfu li l-grazzja għammiela ta’ Kristu qed taħdem anki fl-oħrajn. Irroddu ħajr lil Alla għax fost l-Insara kibret ix-xewqa ta’ qrubija ikbar, li tidher fit-talb flimkien u fix-xhieda komuni tal-Vanġelu, fuq kollox permezz ta’ xejriet differenti ta’ qadi. Xi drabi, il-progress fil-mixja lejn il-komunjoni sħiħa jista’ jidher bil-mod wisq u xi ftit inċert, imma llum nistgħu nagħmlu l-qalb minn din il-laqgħa tagħna. Għall-ewwel darba Isqof ta’ Ruma qed iżur il-komunità tagħkom. Hi grazzja u anki responsabbiltà: ir-responsabbiltà li nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna għall-ġieħ ta’ Kristu, għall-qadi tal-Vanġelu u ta’ din il-belt.

 

Ejjew inħeġġu lil xulxin biex insiru dixxipli dejjem iżjed fidili ta’ Ġesù, dejjem iżjed meħlusa mill-preġudizzji rispettivi tal-passat u dejjem iżjed xewqana li nitolbu għal u mal-oħrajn. Sinjal sabiħ ta’ din ir-rieda hu l-“ġemellaġġ” imwettaq bejn il-parroċċa tagħkom ta’ All Saints u dik Kattolika tal-Qaddisin Kollha. Il-qaddisin ta’ kull konfessjoni Nisranija, magħquda għalkollox f’Ġerusalemm ta’ hemm fuq, jiftħulna t-triq biex hawn isfel ngħaddu mit-toroq kollha possibbli ta’ mixja Nisranija fraterna u komuni. Fejn hemm min hu miġbur f’isem Ġesù, hu stess jinsab hemm (ara Mt 18:20), u bil-ħarsa tiegħu ta’ ħniena jsejħilna naħdmu għall-għaqda u għall-imħabba. Ħa jiddi l-wiċċ ta’ Alla fuqkom, fuq il-familji tagħkom u fuq din il-komunità kollha!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard