L-EWWEL GĦASAR TAS-SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANTISSMA OMM ALLA

U TE DEUM TA’ RADD IL-ĦAJR GĦAS-SENA LI GĦADDIET

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

L-Erbgħa 31 ta’ Diċembru 2019

 

“Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu” (Gal 4:4).

 

L-Iben mibgħut mill-Missier waqqaf l-għamara tiegħu f’Betlehem ta’ Efrata, “ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda” (Mik 5:1); għex f’Nazaret, belt li qatt ma tissemma fl-Iskrittura jekk mhux biex jingħad: “X’qatt ħareġ tajjeb minn Nazaret?” (Ġw 1:46); u miet mormi mill-belt il-kbira, minn Ġerusalemm, imsallab barra mill-ħitan tagħha. Id-deċiżjoni ta’ Alla hija ċara: biex juri mħabbtu huwa jagħżel il-belt ċkejkna u l-belt mistkerrha, u meta jasal Ġerusalemm hu jissieħeb mal-ġemgħa tal-midinbin u tal-mormijin. Ħadd minn dawk li kienu joqogħdu fil-belt ma ntebaħ li l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem jinsab miexi fit-toroq tagħha, aktarx lanqas id-dixxipli tiegħu stess, li mal-qawmien biss waslu biex fehmu b’mod sħiħ il-Misteru preżenti f’Ġesù.

 

Il-kelmiet u s-sinjali ta’ salvazzjoni li hu jwettaq fil-belt iqanqlu stagħġib u ħeġġa tal-mument, imma ma jiġux milqugħa fit-tifsira sħiħa tagħhom: hemmhekk stess fi żmien qasir ma jibqgħux miftakra iżjed, meta l-gvernatur Ruman staqsiehom: “Lil min triduni neħilsilkom, lil Ġesù jew lil Barabba?”. Ġesù jiġi msallab ’il barra mill-belt, fuq l-għolja tal-Golgota, biex jiġi kkundannat mill-ħarsa ta’ dawk kollha li joqogħdu hemm u mżeblaħ mill-kummenti ta’ żuffjett tagħhom. Imma minn hemm, mis-salib li jsir is-siġra ġdida tal-ħajja, il-qawwa ta’ Alla tiġbed lil kulħadd lejha. U anki l-Omm ta’ Alla, li taħt is-salib hija l-Addolorata, twessa’ l-maternità tagħha għal fuq il-bnedmin kollha. L-Omm ta’ Alla hija l-Omm tal-Knisja u l-ħlewwa materna tagħha tilħaq lill-bnedmin kollha.

 

Fil-belt Alla waqqaf l-għamara tiegħu…, u minn hemm qatt ma tbiegħed! Il-preżenza tiegħu fil-belt, anki f’din il-belt tagħna ta’ Ruma, “m’għandhiex tiġi vvintata, imma mikxufa, murija” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 71). Huwa aħna li jeħtieġ nitolbu lil Alla l-grazzja ta’ għajnejn ġodda, li kapaċi jkollhom “ħarsa kontemplattiva, jew aħjar, ħarsa ta’ fidi li ssib lil dak Alla li joqgħod fid-djar tagħha, fit-toroq tagħha, fil-pjazez tagħha” (ibid., 71). Il-profeti, fl-Iskrittura, jiftħulna għajnejna kontra t-tentazzjoni li norbtu l-preżenza ta’ Alla biss mat-tempju (Ġer 7:4): huwa jgħammar qalb il-Poplu tiegħu, jimxi miegħu u jgħix il-ħajja tiegħu. Il-fedeltà tiegħu hi konkreta, hi qrubija għall-ħajja ta’ kuljum ta’ wliedu. Anzi, meta Alla jrid iġedded il-ħwejjeġ kollha permezz ta’ Ibnu, ma jibdiex mit-tempju, imma mill-ġuf ta’ mara ċkejkna u fqajra tal-Poplu tiegħu. Hija tal-għaġeb din l-għażla ta’ Alla! Ma jibdilx l-istorja permezz tal-bnedmin b’saħħithom tal-istituzzjonijiet ċivili u reliġjużi, imma jibda min-nisa tal-periferija tal-imperu, bħal Marija, u mill-ġuf sterili tagħhom, bħal dak ta’ Eliżabetta.

 

Fis-salm 147, li tlabna bih ftit tal-ħin ilu, is-salmista jistieden lil Ġerusalemm biex issebbaħ lil Alla, għax hu “jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu” (v. 15). Permezz tal-Ispirtu tiegħu, li f’kull qalb umana jlissen il-Kelma tiegħu, Alla jbierek lil uliedu u jagħmlilhom il-qalb biex jaħdmu b’risq il-paċi fil-belt. Nixtieq illejla li l-ħarsa tagħna fuq il-belt ta’ Ruma tifhem l-affarijiet mill-perspettiva tal-ħarsa ta’ Alla. Il-Mulej jifraħ jara kemm realtajiet ta’ ġid jitwettqu kuljum, kemm sforzi u kemm dedikazzjoni fil-promozzjoni tal-fraternità u tas-solidarjetà. Ruma mhijiex biss belt ikkumplikata, b’tant problemi, b’nuqqas ta’ ugwaljanza, b’korruzzjoni u tensjoni soċjali. Ruma hija belt li fiha Alla jibgħat il-Kelma tiegħu, li permezz tal-Ispirtu jsib postu fil-qlub ta’ dawk li jgħixu fiha u jwassalhom biex jemmnu, biex jittamaw minkejja kollox, biex iħobbu billi jitqabdu għall-ġid ta’ kulħadd.

 

Jiġuni f’moħħi tant persuni qalbiena, jemmnu u ma jemmnux, li ltqajt magħhom f’dawn is-snin u li jirrappreżentaw il-“qalb tħabbat” ta’ Ruma. Tabilħaqq Alla qatt ma waqaf jibdel l-istorja u l-wiċċ tal-belt tagħna permezz tal-poplu taċ-ċkejknin u tal-foqra li jgħixu fiha; hu jagħżel lilhom, inebbaħhom, jimmotivahom għall-azzjoni, jagħmilhom solidali, jimbuttahom biex joħolqu xbieki, rabtiet tajba, jibnu pontijiet u mhux ħitan. U proprju hu permezz ta’ dawn l-eluf ta’ nixxigħat ta’ ilma ħaj tal-Ispirtu li l-Kelma ta’ Alla tagħmel lill-belt għammiela u minn ġuf mejjet tagħmilha “omm li tifraħ b’uliedha” (Salm 113:9).

 

U l-Mulej x’qed jitlob mill-Knisja ta’ Ruma? Jafdalna l-Kelma tiegħu u jridna nintefgħu qalb il-ħama, ninvolvu ruħna fil-laqgħa u fir-relazzjoni man-nies li jgħixu fil-belt għax “bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu”. Aħna msejħin niltaqgħu mal-oħrajn u nagħtu widen għall-ħajja tagħhom, għall-karba tagħhom għall-għajnuna. Is-smigħ diġà huwa att ta’ mħabba! Irid ikollna l-ħin għall-oħrajn, niddjalogaw, nagħrfu b’ħarsa kontemplattiva l-preżenza u l-azzjoni ta’ Alla fil-ħajja tagħhom, nagħtu xhieda bil-fatti iżjed milli bil-kliem tal-ħajja ġdida tal-Vanġelu, dan hu tassew servizz ta’ mħabba li jibdel ir-realtà. Fil-fatt, meta nagħmlu hekk, fil-belt u anki fil-Knisja tiċċirkola arja ġdida, rieda li nibdew mexjin, li negħlbu l-loġika antika ta’ kuntrasti u ħitan, biex nikkollaboraw flimkien, nibnu belt iżjed ġusta u fraterna.

 

Ma rridux nibżgħu jew inħossuna li m’aħniex kapaċi għal missjoni hekk importanti. Niftakruh dan: Alla ma jagħżilniex għax aħna “bravi”, imma proprju għax aħna u nħossuna żgħar. Irroddulu ħajr għall-Grazzja tiegħu li weżnitna tul din is-sena u bil-ferħ ngħollu quddiemu l-għana ta’ radd il-ħajr.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard