“Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu” (Gal 4:4). Din iċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar għandha nifs tal-atmosfera tal-milja taż-żmien. Mhux għax wasalna fl-aħħar lejla tas-sena solari, bogħod minn hekk, imma għax bil-fidi nikkontemplaw u nħossu li Ġesù Kristu, il-Verb magħmul bniedem, ġab fil-milja tiegħu ż-żmien tad-dinja u l-istorja tal-bniedem.

 

“Imwieled minn Mara” (v. 4). L-ewwel waħda li daqet dan is-sens tal-milja mogħtija mill-preżenza ta’ Ġesù kienet sewwasew il-“mara” li minnha hu “twieled”. L-Omm tal-Iben inkarnat, Omm Alla. Permezz tagħha, biex ngħidu hekk, gelglet il-milja taż-żmien: permezz tal-qalb tagħha umli u mimlija fidi, permezz tal-ġisem tagħha bħal miblul kollu kemm hu fl-Ispirtu s-Santu.

 

Minnha l-Knisja wirtet u kontinwament tiret din il-perċezzjoni interjuri tal-milja, li tkattar sens ta’ gratitudni, bħala tweġiba unika tal-bniedem denja tad-don immens ta’ Alla. Gratitudni li tqanqal il-qalb, li, ibda mill-kontemplazzjoni ta’ dik it-Tarbija mfisqija fil-faxex u mimduda f’maxtura, titwessa’ għal kollox u għal kulħadd, għad-dinja kollha. Hi “grazzi” li fiha tilma l-Grazzja; ma tiġix minnha, imma minnu; ma tiġix mill-jien, imma minn Alla, u tinvolvi fiha kemm il-jien u kemm l-aħna.

 

F’din l-atmosfera maħluqa mill-Ispirtu s-Santu, aħna ngħollu quddiem Alla r-radd ta’ ħajr għas-sena li waslet fi tmiemha, għax nagħrfu li l-ġid kollu li għandna hu don tiegħu.

 

Anki dan iż-żmien tas-sena 2017, li Alla tahulna sħiħ u tajjeb, aħna l-bnedmin b’ħafna modi ħlejnieh u ħassarnieh b’opri ta’ mewt, b’gideb u inġustizzji. Il-gwerer huma s-sinjal l-aktar ċar ta’ din il-kburija vvizzjata u assurda. Imma hekk ukoll huma l-offiżi kollha ċkejkna u kbar tal-ħajja, tal-verità, tal-fraternità, li jikkawżaw ħafna forom ta’ tifrik uman, soċjali u ambjentali. Ta’ dan kollu rridu u għandna nassumu r-responsabbiltà tagħna, quddiem Alla, quddiem ħutna u quddiem il-ħolqien.

 

Imma llejla tispikka l-grazzja ta’ Ġesù u l-mera tagħha f’Marija. U għalhekk tispikka l-gratitudni, li, bħala Isqof ta’ Ruma, inħoss f’qalbi meta naħseb f’tant persuni li jgħixu b’qalb miftuħa f’din il-belt.

 

Inħoss sens ta’ empatija u ta’ gratitudni għal dawk il-persuni kollha li ta’ kuljum jikkontribwixxu b’ġesti żgħar imma prezzjużi għall-ġid ta’ Ruma: ifittxu li jwettqu bl-aħjar mod id-dmir tagħhom, jiċċaqilqu fit-traffiku b’qies u prudenza, jirrispettaw il-postijiet pubbliċi u jiġbdu l-attenzjoni fuq dak li ma jkunx sejjer sew, huma attenti għall-persuni anzjani jew f’diffikultà, u l-bqija. Dawn u eluf oħra ta’ mġibiet jesprimu konkretement l-imħabba għal din il-belt. Bla diskorsi, bla pubbliċità, imma bi stil ta’ edukazzjoni ċivika mħaddma fil-ħajja ta’ kuljum. U hekk jikkoperaw fis-skiet b’risq il-ġid komuni.

 

Bl-istess mod inħoss fija stima kbira għall-ġenituri, għall-għalliema u l-edukaturi kollha li, b’dan l-istess stil, ifittxu li jsawru t-tfal u l-adolexxenti f’sens ċiviku, f’etika tar-responsabbiltà, billi jedukawhom biex iħossuhom parti, jieħdu ħsieb, jinteressaw ruħhom mir-realtà ta’ madwarhom.

 

Dawn il-persuni, anki jekk ma jagħmlux ħoss fl-aħbarijiet, huma l-parti l-kbira tan-nies li tgħix Ruma. U f’nosfhom mhux wieħed jew tnejn jinsabu f’qagħda ekonomika iebsa; imma ma joqogħdux jibku, lanqas jinkurlaw, imma jagħmlu kull sforz biex ta’ kuljum jagħmlu l-parti tagħhom biex iġibu l-affarijiet xi ftit ’il quddiem.

 

Illum, aħna u rroddu ħajr lil Alla, nistedinkom tesprimu wkoll ir-rikonoxxenza tagħkom għal dawn il-bennejja kollha tal-ġid komuni, li l-belt tagħhom iħobbuha mhux bil-kliem imma bil-fatti.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard