L-EWWEL GĦASAR

TAS-SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANTISSMA OMM ALLA

U TE DEUM TA’ RADD IL-ĦAJR GĦAS-SENA LI NTEMMET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 31 ta’ Diċembru 2016

 

“Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta wlied” (Gal 4:4-5).

 

Jidwu bil-qawwa dawn il-kelmiet ta’ San Pawl. Fil-qosor u b’mod konċiż, idaħħluna fil-proġett li Alla għandu għalina: li ngħixu bħala wlied. L-istorja kollha tas-salvazzjoni ssib eku hawn: dak li ma kienx suġġett għal-liġi ddeċieda, għall-imħabba tagħna, li jitlef kull xorta ta’ privileġġ (privus legis) u jidħol mill-inqas post mistenni biex jeħles lilna li, iva, konna taħt il-liġi. U l-ġdid hu li dan iddeċieda li jagħmlu fiċ-ċokon u fid-dgħufija ta’ tarbija tat-twelid; iddeċieda li joqrob personalment lejna u fil-ġisem tiegħu jħaddan il-ġisem tagħna, fid-dgħufija tiegħu jgħannaq id-dgħufija tagħna, fiċ-ċokon tiegħu jgħatti tagħna. Fi Kristu Alla ma libisx il-maskra ta’ bniedem, imma sar bniedem u ħa sehem fil-kundizzjoni kollha tagħna. Mhux talli ma ngħalaqx fi stat ta’ idea jew ta’ essenza astratta, imma ried ikun qrib ta’ dawk kollha li jħossuhom mitlufa, batuti, miġruħa, qalbhom maqtugħa, imħabbta u mbeżżgħa. Qrib ta’ dawk kollha li fil-ġisem tagħhom qed iġorru l-piż ta’ min iħossu mbiegħed u waħdu, biex id-dnub, il-mistħija, il-ġrieħi, it-tbatija, l-esklużjoni ma jkollhomx l-aħħar kelma fil-ħajja ta’ wliedu.

 

Il-presepju jistedinna nagħmlu tagħna din il-loġika divina. Loġika li mhix iċċentrata fuq il-privileġġ, fuq il-konċessjonijiet, fuq il-favoritiżmi; hawn qed nitkellmu fuq il-loġika tal-laqgħa, tal-qrubija. Il-presepju jistedinna nwarrbu għall-ġenb il-loġika tal-eċċezzjonijiet għal uħud u l-esklużjonijiet għall-oħrajn. Alla jiġi hu stess ikisser il-katina tal-privileġġ li toħloq dejjem esklużjoni, biex iniedi ż-żegħila tal-ħniena li toħloq inklużjoni, li tagħmel li tilma f’kull persuna d-dinjità li għaliha ġiet maħluqa. Tarbija mfisqija turina l-qawwa ta’ Alla li tersaq quddiemna bħala don, bħala offerta, bħala ħmira li ttella’ l-għaġna u opportunità biex toħloq kultura tal-laqgħa.

 

Ma nistgħux nippermettu li ma nifhmux. Nafu li minn bosta bnadi aħna ttentati ngħixu f’din il-loġika tal-privileġġ li tifridna billi tifred, li teskludina billi teskludi, li tagħlaqna billi tagħlaq il-ħolm u l-ħajja ta’ tant ħutna.

 

Illum, quddiem Ġesù tarbija, nixtiequ nammettu li għandna bżonn lill-Mulej biex idawwalna, għax mhumiex waħda jew tnejn id-drabi meta donna naraw sa mniħirna u nibqgħu lsiera ta’ atteġġjament għalkollox integrazzjonista ta’ min irid bilfors idaħħal lill-oħrajn fl-iskemi tiegħu. Għandna bżonn ta’ dan id-dawl, li jgħinna nitgħallmu mill-istess żbalji u tentattivi tagħna li nitjiebu u mmorru lil hemm minna nfusna; ta’ dan id-dawl li jitnissel mill-għarfien umli u kuraġġjuż ta’ min isib il-qawwa, kull darba, li jerġa’ jqum u jibda mill-ġdid.

 

Hekk kif sena oħra qed tintemm, ejjew nieqfu quddiem il-presepju, biex irroddu ħajr lil Alla tas-sinjali kollha tal-ġenerożità divina fil-ħajja tagħna u fl-istorja tagħna, li dehret b’elf mod fix-xhieda ta’ tant uċuħ li, mistura minn kulħadd, għarfu jirriskjaw. Radd il-ħajr li ma rriduhx ikun nostalġija sterili jew tifkira vojta tal-passat idealizzat u maqtugħ mir-realtà, imma memorja ħajja li tgħinna nqanqlu l-kreattività personali u komunitarja għax nafu li Alla hu magħna. Alla hu magħna.

 

Nieqfu quddiem il-presepju biex nikkontemplaw kif Alla kien preżenti matul din is-sena kollha u hekk niftakru li kull żmien, kull mument iġorr fih il-grazzja u l-barka. Il-presepju qed jisfidana biex ma naqtgħu qalbna minn ħadd u minn xejn. Inħarsu lejn il-presepju jfisser insibu l-qawwa li nagħrfu postna fl-istorja mingħajr ma ngergru jew nagħmlu f’qalbna, mingħajr ma ningħalqu fina nfusna jew naħarbu, mingħajr ma nfittxu toroq ħfief li jipprivileġġjawna. Inħarsu lejn il-presepju jimplika li nkunu nafu li ż-żmien li qed jistenniena jitlob inizjattivi mimlija kuraġġ u tama, kif ukoll li nirrifjutaw protagoniżmi votja jew tilwim bla tarf biex nidhru aħna.

 

Inħarsu lejn il-presepju jfisser niskopru kif Alla jinvolvi ruħu billi jinvolvina, billi jagħmilna parti mill-ħidma tiegħu, u jistedinna nilqgħu bil-kuraġġ u d-determinazzjoni l-ġejjieni li għandna quddiemna.

 

U meta nħarsu lejn il-presepju niltaqgħu mal-uċuħ ta’ Ġużeppi u ta’ Marija. Uċuħ żgħażagħ mimlija tama u xewqat, mimlija mistoqsijiet. Uċuħ żgħażagħ li jħarsu ’l quddiem bil-missjoni xejn ħafifa li jgħinu lil Alla-Tarbija jikber. Ma nistgħux nitkellmu fuq futur mingħajr ma nikkontemplaw dawn l-uċuħ żgħażagħ u nerfgħu r-responsabbiltà li għandna lejn iż-żgħażagħ tagħna; iktar milli responsabbiltà, l-aħjar kelma hi dejn, iva, id-dejn li għandna magħhom. Nitkellmu fuq sena li qed tintemm ifisser inħossuna mistiedna naħdmu fuq kif qed ninteressaw ruħna fil-post li għandhom iż-żgħażagħ fis-soċjetà tagħna.

 

Ħloqna kultura li, minn naħa, tqim b’mod falz iż-żgħożija għax tfittex li żommha eterna, imma, paradossalment, ikkundannajna liż-żgħażagħ tagħna biex ma jkollhomx spazju ta’ inseriment reali, għax ftit ftit warrabniehom għall-ġenb mill-ħajja pubblika u obbligajniehom jemigraw jew jittallbu għal impjiegi li ma jeżistux jew li ma jħalluhomx jipproġettaw il-ġejjieni tagħhom. Ipprivileġġjajna l-ispekulazzjoni flok ix-xogħol dinjituż u ġenwin li jippermettilhom ikunu protagonisti attivi fil-ħajja tas-soċjetà tagħna. Nistennew minnhom u nesiġu li jkunu ħmira għall-futur, imma niddiskriminaw kontrihom u “nikkundannawhom” iħabbtu l-bibien li normalment jibqgħu magħluqa.

 

Aħna msejħin ma nkunux bħal-lukandier ta’ Betlehem li quddiem il-koppja żagħżugħa qal: Hawn m’hawnx post. Ma kienx hemm post għall-ħajja, ma kienx hemm post għall-futur. Kull wieħed u waħda minna mitlub jagħmel l-impenn tiegħu, żgħir kemm hu żgħir, biex jgħin liż-żgħażagħ tagħna jsibu mill-ġdid, hawn f’arthom, f’pajjiżhom, ixfqa konkreti ta’ futur li jistgħu jibnu. Ma nċaħħdux lilna nfusna mis-saħħa ta’ jdejhom, tal-imħuħ tagħhom, tal-ħiliet tagħhom li jħabbru s-sinjali tax-xjuħ tagħhom (ara Ġoel 3:1). Jekk nixtiequ nibnu fuq futur li jkun jixirqilhom, nistgħu naslu għalih biss jekk naħdmu għal inklużjoni vera: dik li tagħtihom xogħol dinjituż, ħieles, kreattiv, parteċipattiv u solidali (ara Diskors fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju Karlu Manju, 6 ta’ Mejju 2016).

 

Meta nħarsu lejn il-presepju, dan jisfidana biex ngħinu liż-żgħażagħ tagħna biex ma jaqtgħux qalbhom quddiem l-immaturità tagħna, u nistimulawhom biex ikunu kapaċi joħolmu u jissieltu għall-ħolm tagħhom. Kapaċi jikbru u jsiru missirijiet u ommijiet tal-poplu tagħna.

 

Quddiem is-sena li qed tintemm, kemm nagħmlu sew nikkontemplaw lil Alla-Tarbija! Hi stedina biex nerġgħu lura għall-għeruq tal-fidi tagħna. F’Ġesù l-fidi ssir tama, issir ħmira u barka: “Hu jippermettilna li ngħollu rasna ’l fuq u nibdew mill-ġdid, bi ħlewwa li ma tqarraq qatt bina u li dejjem tista’ tagħtina mill-ġdid il-ferħ” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 3).

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard