QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI

GĦALL-ARĊISQFIJIET METROPOLITI L-ĠODDA

FIS-SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju 2018

 

Il-Qari li għadu kemm ixxandar iqarrbina lejn it-tradizzjoni Appostolika, dik li “mhix trasmissjoni ta’ ħwejjeġ jew ta’ kliem, jew ġabra ta’ affarijiet mejta. It-Tradizzjoni hi x-xmara ħajja li torbotna mal-oriġni, ix-xmara ħajja li fiha l-oriġni dejjem huma preżenti” (Benedittu XVI, Katekeżi, 26 ta’ April 2006) u toffrilna l-muftieħ għas-Saltna tas-Smewwiet (ara Mt 16:19). Tradizzjoni dejjiema u dejjem ġdida li ġġedded u żżomm ħaj il-ferħ tal-Vanġelu, u biha nistgħu nistqarru fuq xofftejna u minn qalbna: “‘Ġesù Kristu hu l-Mulej!’, għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2:11).

 

Il-Vanġelu kollu jrid iwieġeb għall-mistoqsija li kienet tberren fil-qalb tal-Poplu ta’ Iżrael u li llum ukoll ma tehdiex tfiġġ fuq tant uċuħ għatxana għall-ħajja: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Mistoqsija li Ġesù jerġa’ jaqbad u jagħmilha lid-dixxipli tiegħu: “Imma intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15).

 

Jaqbeż Pietru u jagħti lil Ġesù l-ogħla titlu li bih seta’ jsejjaħlu: “Int il-Messija” (ara Mt 16:16), jiġifieri l-Midluk, l-Ikkonsagrat ta’ Alla. Xi ġmiel meta naħsbu li kien il-Missier li nebbaħ lil Pietru b’din it-tweġiba, li kien ra kif Ġesù “dilek” lill-poplu tiegħu! Ġesù, il-Midluk li, minn raħal għall-ieħor, jgħaddi bix-xewqa waħdanija li jifdi u jerfa’ lil min kien meqjus mitluf: “jidlek” lill-mejjet (ara Mk 5:41-42; Lq 7:14-15), jidlek lill-marid (ara Mk 6:13; Ġak 5:14), jidlek il-ġrieħi (ara Lq 10:34), jidlek lin-niedem (ara Mt 6:17). Jidlek bit-tama (ara Lq 7:38,46; Ġw 11:2; 12:3). F’din id-dilka kull midneb, kull magħkus, marid, pagan – hemm fejn kien jinsab – seta’ jħossu membru maħbub tal-familja ta’ Alla. Bil-ġesti tiegħu, Ġesù kien qed jgħidlu b’mod personali: inti tiegħi. Bħal Pietru, aħna wkoll nistgħu nistqarru b’xofftejna u b’qalbna mhux biss dak li smajna, imma anki l-esperjenza konkreta tal-ħajja tagħna: ġejna mqajmin mill-mewt, imdewwija, imġedda, mimlija bit-tama mid-dilka tal-Qaddis. Kull madmad tal-jasar ġie meqrud grazzi għad-dilka tiegħu (ara Iż 10:27). Ma nistgħux nitilfu l-ferħ u l-memorja li aħna ġejna mifdija, dak il-ferħ li jwassalna nistqarru: “Int l-Iben ta’ Alla l-ħajja” (ara Mt 16:16).

 

U interessanti, imbagħad, ninnutaw x’ġara wara f’din is-silta tal-Vanġelu li fiha Pietru jistqarr il-fidi tiegħu: “Minn dakinhar Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin  il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum” (Mt 16:21). Il-Midluk ta’ Alla jwassal l-imħabba u l-ħniena tal-Missier sa l-aktar konsegwenzi estremi. Din l-imħabba ħanina titlob minna li mmorru fl-irkejjen kollha tad-dinja biex nilħqu lil kulħadd, imqar jekk dan jiswielna l-“fama tajba” tagħna, il-kumditajiet, il-pożizzjoni… il-martirju.

 

Quddiem din l-aħbar hekk mhux mistennija, Pietru jirreaġixxi: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi mingħalik!” (Mt 16:22) u minnufih jinbidel fi blata ta’ xkiel fit-triq tal-Messija; xħin ħaseb li kien qed jaqbeż għad-drittijiet ta’ Alla, bla ma nduna nbidel f’għadu tiegħu (Ġesù jsajjaħlu “Satana”). Nikkontemplaw il-ħajja ta’ Pietru u l-istqarrija tiegħu jfisser ukoll nitgħallmu nagħrfu t-tentazzjonijiet li se jsieħbu l-ħajja tad-dixxiplu. Bl-istess mod ta’ Pietru, bħala Knisja, dejjem se nkunu ttentati minn dak is-“sefsif” tal-ħażin li jkun bħal blat ta’ xkiel għall-missjoni. U qed ngħid “isefsef” għax id-demonju dejjem jipprova jħajjarna bil-moħbi, u jagħmel mezz li l-intenzjoni tiegħu ma tinkixifx, “iġib ruħu wkoll bħal namrat bla serjetà: irid jibqa’ fil-moħbi u ma jinkixifx” (Sant’Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi spiritwali, n. 326).

 

Min-naħa l-oħra, li nieħdu sehem fid-dilka ta’ Kristu jfisser nieħdu sehem fil-glorja tiegħu, li hi s-Salib tiegħu: Missier, igglorifika lil Ibnek… “Missier, agħti glorja lil ismek” (Ġw 12:28). Glorja u salib f’Ġesù Kristu jimxu flimkien u ma jistgħux jinfirdu; għax meta nħallu s-salib warajna, imqar jekk nidħlu fil-ġmiel għammiexi tal-glorja, inkunu nitqarrqu, għax dik ma tkunx il-glorja ta’ Alla, imma d-daħka fil-wiċċ min-naħa tal-avversarju.

 

Mhux darba u tnejn inħossu t-tentazzjoni li nkunu Nsara billi nżommu distanza prudenti mill-ġrieħi tal-Mulej. Ġesù jmiss, Ġesù jmiss il-miżerja umana, u jistedinna nkunu miegħu u mmissu l-ġisem batut tal-oħrajn. Li nistqarru l-fidi b’xofftejna u b’qalbna jitlob minna – kif talab minn Pietru – li nidentifikaw is-“sefsif” tal-ħażin. Nitgħallmu niddixxernu u niskopru dawk il-“koperturi” personali u komunitarji li jżommuna mbiegħda mill-ħaj tad-dramma uman; li jżommuna milli nidħlu f’kuntatt mal-ħajja konkreta tal-oħrajn u, bla dubju ta’ xejn, milli nagħrfu l-qawwa rivoluzzjonarja tal-ħlewwa ta’ Alla (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 270).

 

Bla ma jifred il-glorja mis-salib, Ġesù jrid jifdi lid-dixxipli tiegħu, lill-Knisja tiegħu, minn trijonfaliżmi vojta: vojta mill-imħabba, votja mill-qadi, vojta mill-kompassjoni, vojta mill-poplu. Irid isalvahom minn immaġinazzjoni bla limiti li ma tafx tniżżel għeruqha fil-ħajja tal-Poplu fidil jew, agħar minn hekk, taħseb li l-qadi lill-Mulej qed jitlob minnha li teħles mit-toroq kollha trab tal-istorja. Li nikkontemplaw u nimxu wara Kristu jitlob minna li nħallu l-qalb tagħna tinfetaħ għall-Missier u għal dawk kollha li magħhom Hu stess ried jidentifika ruħu (ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo millennio ineunte, 49), u dan fiċ-ċertezza li nafu li mhux jabbanduna lill-poplu tiegħu.

 

Għeżież ħuti, tibqa’ tippersisti f’miljuni ta’ wċuħ dik il-mistoqsija: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Nistqarru b’xofftejna u b’qalbna: Ġesù Kristu hu l-Mulej (ara Fil 2:11). Dan hu l-cantus firmus tagħna li ta’ kuljum aħna msejħa nintonaw. Bis-sempliċità, biċ-ċertezza u l-ferħ li nafu li “l-Knisja tilma mhux bid-dawl tagħha, imma b’dak ta’ Kristu. Hi tikseb il-ġmiel tagħha mix-Xemx tal-ġustizzja, hekk li tista’ tgħid: ‘Mhux iżjed jien li ngħix, imma Kristu jgħix fija’ (Gal 2:20)” (San Ambroġ, Hexæmeron, IV, 8, 32).

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard