Il-Liturġija tal-lum toffrilna tliet kelmiet essenzjali għall-ħajja tal-appostlu: stqarrija, persekuzzjoni, talb.

 

L-istqarrija hi dik ta’ Pietru fil-Vanġelu, meta l-mistoqsija tal-Mulej minn waħda ġenerali ssir partikulari. Fil-fatt Ġesù l-ewwel jistaqsi: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” (Mt 16:13). Minn dan l-“istħarriġ” joħroġ minn kemm-il sors li l-poplu jżomm lil Ġesù bi profeta. U għalhekk l-Imgħallem jagħmel lid-dixxipli l-mistoqsija tassew deċiżiva: Imma intom min tgħidu li jien?” (v. 15). Hawn jaqbeż Pietru u jwieġbu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (v. 16). Araw l-istqarrija: jagħraf lil Ġesù bħala l-Messija mistenni, Alla l-ħaj, Sid il-ħajja tiegħu.

 

Din il-mistoqsija essenzjali Ġesù llum qed jagħmilha lilna, lilna lkoll, b’mod partikulari lilna r-Ragħajja. Hi l-mistoqsija deċiżiva, li quddiemha ma jiswew xejn it-tweġibiet ta’ ċirkustanza, għax fin-nofs hemm ħajjitna: u l-mistoqsija tal-ħajja titlob tweġiba ta’ ħajja. Għax ftit li xejn jiswa tkun taf l-artikli tal-fidi jekk ma tistqarrx lil Ġesù bħala s-Sid ta’ ħajtek. Illum hu qed iħares f’għajnejna u jistaqsina: “Jien min jien għalik?”. Qisu qed jgħidilna: “Għadni s-Sid ta’ ħajtek, id-direzzjoni ta’ qalbek, ir-raġuni tat-tama tiegħek, il-fiduċja tiegħek li ma titheżżiżx?”. Ma’ San Pietru, aħna wkoll inġeddu llum l-għażla tal-ħajja tagħna bħala dixxipli u appostli; ngħaddu mill-ġdid mill-ewwel għat-tieni mistoqsija ta’ Ġesù, biex inkunu “tiegħu” mhux biss bil-kliem, imma bil-fatti u fil-ħajja.

 

Nistaqsu lilna nfusna aħniex Insara tas-salott, li joqogħdu jpaċpċu fuq kif sejrin l-affarijiet fil-Knisja u fid-dinja, inkella aħniex appostli li mexjin, li jistqarru lil Ġesù b’ħajjithom għax għandhom lilu f’qalbhom. Min jistqarr lil Ġesù jaf li ma jistax joqgħod biss jagħti l-pariri, imma jrid jagħti ħajtu; jaf li ma jistax jemmen b’mod distakkat, imma hu msejjaħ “jinħaraq” bl-imħabba; jaf li fil-ħajja ma jistax joqgħod “iżomm fil-wiċċ” jew imxaħxaħ komdu fil-ġid tiegħu, imma jrid jirriskja li jsalpa fil-fond, u ta’ kuljum ikala mill-ġdid id-don tiegħu nnifsu. Min jistqarr lil Ġesù, jagħmel bħal Pietru u Pawlu: jimxi warajh sal-aħħar; mhux sa ċertu punt, imma sal-aħħar, u nimxu warajh fit-triq tiegħu, mhux fit-toroq tagħna. It-triq tiegħu hi t-triq tal-ħajja ġdida, tal-ferħ u tal-qawmien, it-triq li tgħaddi wkoll mis-salib u l-persekuzzjonijiet.

 

U t-tieni kelma hi persekuzzjonijiet. Mhux Pietru u Pawlu biss xerrdu demmhom għal Kristu, imma l-komunità kollha tal-bidu ġiet ippersegwitata, kif fakkarna l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (ara 12:1). Anki llum f’ħafna rkejjen tad-dinja, xi drabi fi klima ta’ skiet – mhux darba u tnejn skiet kompliċi –, tant Insara qed jiġu mwarrbin, ikkalunnjati, iddiskriminati, magħmula oġġett ta’ vjolenzi anki tal-mewt, waqt li spiss min jista’ jara li jiġu rrispettati d-drittijiet sagrosanti tagħhom jibqa’ ma jwettaqx id-dmir doveruż tiegħu.

 

Nixtieq fuq kollox infakkar f’dak li l-Appostlu Pawlu jafferma qabel demmu jiġi, kif jikteb, “imxerred b’sagrifiċċju” (2 Tim 4:6). Għalih il-ħajja kienet Kristu (ara Fil 1:21), u Kristu mislub (ara 1 Kor 2:1), li ta ħajtu għalih (ara Gal 2:20). Hekk, bħala dixxiplu fidil, Pawlu mexa wara l-Imgħallem tiegħu u sa offrielu l-istess ħajtu. Mingħajr is-salib m’hemmx Kristu, imma mingħajr is-salib lanqas hemm in-Nisrani. Fil-fatt, “hi ħaġa proprja tal-virtù Nisranija mhux biss li tagħmel it-tajjeb, imma anki li ġġarrab bis-sabar il-ħażin” (Wistin, Disk. 46,13), bħalma għamel Ġesù. Li nġarrbu l-ħażin ma jfissirx biss li nistabru u nibqgħu mexjin b’rassenjazzjoni; li nġarrbu b’sabar ifisser nixbhu lil Ġesù: inġorru l-piż, nerfgħuh fuq spallejna għalih u għall-oħrajn. Ifisser li nilqgħu s-salib, nimxu b’fiduċja għax waħidna m’aħniex: il-Mulej li ssallab u qam rebbieħ jinsab magħna. Hekk, ma’ Pawlu nistgħu ngħidu li “aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati” (2 Kor 4:8-9).

 

Li nġarrbu bis-sabar ifisser nagħrfu nirbħu ma’ Ġesù bil-mod ta’ Ġesù, mhux bil-mod tad-dinja. Għalhekk Pawlu – smajnieh dan – iħossu bħal rebbieħ li wasal biex jirċievi l-kuruna (ara 2 Tim 4:8) u jikteb: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi” (v. 7). L-unika mġiba tat-taqbida tajba tiegħu kienet li jgħix għal: mhux għalih innifsu, imma għal Ġesù u għall-oħrajn. Għex “jiġri”, jiġifieri bla ma ħaseb fih innifsu, anzi ħaraq l-enerġija kollha tiegħu. Ħaġa waħda qal li ħaseb għaliha: mhux saħħtu, imma l-fidi, jiġifieri l-istqarrija ta’ Kristu. Għall-imħabba tiegħu hu għex il-provi, l-umiljazzjonijiet u t-tbatijiet, li m’għandna qatt infittxuhom, imma naċċettawhom. U hekk, fil-misteru tat-tbatija offruta bi mħabba, f’dan il-misteru li jitlaħħam anki llum f’tant ħutna ppersegwitati, foqra u morda, tilma l-qawwa feddejja tas-salib ta’ Ġesù.

 

It-tielet kelma hi t-talb. Il-ħajja tal-appostlu, li tgelgel mill-istqarrija u tnixxi għal ġol-offerta, tgħaddi ta’ kuljum mit-talb. It-talb hu l-ilma indispensabbli li jkabbar fina t-tama u l-fiduċja. It-talb iġagħalna nħossuna maħbubin u jagħtina li nħobbu. Imexxina ’l quddiem fil-mumenti mudlama, għax jixgħel id-dawl ta’ Alla. Fil-Knisja hu t-talb li jżommna lkoll u jgħinna negħlbu l-provi. Dan narawh ukoll fl-Ewwel Qari: “Pietru, mela, kien arrestat fil-ħabs. Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda titlob lil Alla għalih bil-ħerqa” (Atti 12:5). Knisja li titlob hi mħarsa mill-Mulej u timxi msieħba minnu. Meta nitolbu, inkunu nafdawlu l-mixja tagħna, biex jieħu ħsiebha hu. It-talb hu l-qawwa li tgħaqqadna u tweżinna, ir-rimedju kontra l-iżolament u l-awtosuffiċjenza li jġibu l-mewt spiritwali. Għax l-Ispirtu tal-ħajja ma jonfoħx jekk ma nitolbuhx, u bla talb ma jinfetħux il-ħabsijiet ġewwiena li jżommuna lsiera tagħhom.

 

L-Appostli Qaddisa jiksbulna qalb bħal tagħhom, li grazzi għat-talb hi fl-istess ħin imħabbta u sielma: imħabbta għax titlob, tħabbat u tinterċedi, taħseb f’tant persuni u sitwazzjonijiet li tixtieq tafda f’idejn Alla; imma fl-istess ħin sielma, għax l-Ispirtu jġib faraġ u qawwa f’min jitlob. Kemm hu urġenti li l-Knisja jkollha mgħallma tat-talb, imma qabelxejn irġiel u nisa li jkunu bnedmin ta’ talb, li jgħixu t-talb!

 

Il-Mulej jidħol f’ħajjitna meta nitolbu, hu li hu fidil lejn l-imħabba li stqarrejnielu u hu qrib tagħna fil-provi. Hu mexa mal-Appostli u jimxi wkoll magħna, għeżież Ħuti Kardinali, hawn miġbura fil-karità tal-Appostli li stqarru l-fidi b’demmhom. Ikun qrib tagħkom ukoll, għeżież Ħuti Arċisqfijiet li, meta ħa tirċievu l-pallju, ħa tiġu mwettqa biex tgħixu għall-merħla, fuq ix-xebh tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jweżinkom u jerfagħkom fuq spallejh. L-istess Mulej, li għandu xewqa mkebbsa li jara l-merħla kollha tiegħu miġbura, ibierek u jħares lill-Patrijarka Ekumeniku, ħija l-għażiż Bartilmew, u lid-Delegazzjoni li bagħat hawn bħala sinjal ta’ komunjoni appostolika.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard