QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI

GĦALL-METROPOLITI L-ĠODDA

FIS-SOLENNITÀ TA’ L-APPOSTLI MQADDSA PIETRU U PAWLU

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

It-Tnejn 29 ta’ Ġunju 2015

 

Il-qari meħud mill-Atti ta’ l-Appostli jkellimna fuq l-ewwel komunità Nisranija assedjata mill-persekuzzjoni.  Komunità taħt persekuzzjoni qalila minn Erodi li “qabad lil Ġakbu, ħu Ġwanni, u qatagħlu rasu” u “qabad lil Pietru wkoll… arrestah u tefgħu l-ħabs” (12:2-4).

 

Madankollu, ma rridx nieqaf fuq il-persekuzzjonijiet qliel, diżumani u inspjegabbli, li b’xorti ħażina għadna naraw sal-lum f’ħafna partijiet tad-dinja, spiss taħt l-għajnejn u s-silenzju ta’ kulħadd.  Imma minflok nixtieq insellem u nqim il-kuraġġ ta’ l-Appostli u ta’ l-ewwel komunità Nisranija; il-kuraġġ li kellhom li jibqgħu mexjin bil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, bla ebda biża’ mill-mewt u mill-martirju, fil-kuntest soċjali ta’ imperu pagan; inqim il-ħajja Nisranija tagħhom li għalina li nemmnu l-lum hi mill-ġdid sejħa qawwija għat-talb, għall-fidi u għax-xhieda.

 

Sejħa għat-talb.  Il-komunità kienet Knisja li titlob: “Pietru, mela, kien arrestat fil-ħabs.  Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda titlob lil Alla għalih bil-ħerqa” (Atti 12:5).  U jekk naħsbu f’Ruma, il-katakombi ma kinux postijiet biex jaħarbu mill-persekuzzjonijiet, imma kienu, qabel xejn, imkejjen ta’ talb, biex iqaddsu jum il-Ħadd u biex, minn ġuf l-art, jgħollu att ta’ adorazzjoni lil Alla li qatt ma jinsa lil uliedu.

 

Il-komunità ta’ Pietru u ta’ Pawlu tgħallimna li Knisja li titlob hi Knisja “fuq riġlejha”, soda, f’mixja!  Fil-fatt, Nisrani li jitlob hu Nisrani protett, imħares u mwieżen, imma fuq kollox, m’huwiex waħdu.

 

U jkompli l-Ewwel Qari: “Pietru… kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b’żewġ ktajjen; u kien hemm għases oħra mal-bieb tal-ħabs.  F’daqqa waħda deher anġlu tal-Mulej, u dawl idda mal-kamra.  L-anġlu ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu…  U l-ktajjen waqgħu minn ma’ jdejh” (Atti 12:6-7).

 

Qatt ħsibna ftit kemm drabi l-Mulej sema’ t-talba tagħna u bagħtilna anġlu?  Dak l-anġlu li, bla ma nkunu nistennew, jiġi jiltaqa’ magħna biex joħroġna minn sitwazzjonijiet diffiċli.  Biex jaqlagħna minn taħt idejn il-mewt u l-ħażin; biex jurina t-triq li konna tlifna; biex jerġa’ jixgħel fina l-ħuġġieġa tat-tama; biex imellisna; biex ifarraġ lill-qalb miksura tagħna; biex iqajjimna min-nagħsa eżistenzjali; jew sempliċement biex jgħidilna: “M’intix waħdek”.

 

Kemm anġli Huwa jqiegħed fil-mixja tagħna!  Imma aħna, imwerwrin jew ma rridux nemmnu, inkella mħeġġa żżejjed, inħalluh barra – l-istess kif ġralu Pietru meta ħabbat fuq il-bieb tad-dar u “ġiet qaddejja, jisimha Roda, biex tara min kien.  Mil-leħen għarfet li kien Pietru, u bil-ferħ li qabadha anqas biss fetħet il-bieb” (Atti 12:13-14).

 

L-ebda komunità Nisranija ma tista’ tibqa’ miexja ’l quddiem bla ma tkun imwieżna mit-talb bla ma jaqta’!  It-talb li hu l-laqgħa ma’ Alla, ma’ Alla li qatt ma jqarraq bina; ma’ Alla li hu fidil għal kelmtu; ma’ Alla li ma jitlaq qatt waħidhom lil uliedu.  Staqsa Ġesù: “Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq?” (Lq 18:7).  Fit-talb, min jemmen, jesprimi l-fidi tiegħu, il-fiduċja tiegħu, u Alla juri kemm hu qrib, anki permezz tad-doni ta’ l-anġli, il-messaġġiera tiegħu.

 

Sejħa għall-fidi.  Fit-Tieni Qari, San Pawl jikteb hekk lil Timotju: “Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-Kelma tixxandar sa l-aħħar…  Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun.  Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-Sema” (2 Tim 4:17-18).  Alla qatt ma jneħħi lil uliedu mid-dinja u mill-ħażen, imma jagħtihom il-qawwa biex jegħlbuhom.  Min jemmen biss jista’ jgħid tassew: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni” (Salm 23:1).

 

Kemm qawwiet, tul l-istorja, ippruvaw – u qed jippruvaw – jeqirdu lill-Knisja, kemm minn barra u kemm minn ġewwa, imma kollha jinqerdu u l-Knisja tibqa’ ħajja u għammiela!  Tibqa’ inspjegabbilment sħiħa biex, kif jgħid San Pawl, tista’ tissokta xxandar “glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem” (2 Tim 4:18).

 

Kollox jgħaddi, Alla biss jibqa’.  Fil-fatt, għaddew saltniet, popli, kulturi, ġnus, ideoloġiji, potenzi, imma l-Knisja, imwaqqfa fuq Kristu, minkejja daqshekk tempesti u l-ħafna dnubiet tagħna, tibqa’ fidila għad-depożitu tal-fidi fil-qadi, għax il-Knisja m’hix tal-Papiet, ta’ l-isqfijiet, tas-saċerdoti u lanqas tal-fidili, hi biss ta’ Kristu.  Min jgħix fi Kristu biss jista’ jippromovi u jħares il-Knisja bil-qdusija tal-ħajja, fuq l-eżempju ta’ Pietru u ta’ Pawlu.

 

Dawk li jemmnu, f’isem Kristu qajmu l-mejtin; fejqu lill-morda; ħabbew il-persekuturi tagħhom; urew li ma teżisti l-ebda qawwa li tista’ xxejjn lil min għandu l-qawwa tal-fidi!

 

Sejħa għax-xhieda.  Pietru u Pawlu, bħall-Appostli kollha ta’ Kristu li f’ħajjithom fuq din l-art bid-demm tagħhom saqqew lill-Knisja, xorbu mill-kalċi tal-Mulej, u saru l-ħbieb ta’ Alla.

 

Pawlu, b’ton imqanqal, jikteb hekk lil Timotju: “Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal.  Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.  Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu” (2 Tim 4:6-8).

 

Knisja jew Nisrani bla xhieda hu sterili; mejjet li jaħseb li qed jgħix; siġra niexfa li ma tagħtix frott; bir niexef li ma jagħtix ilma!  Il-Knisja rebħet fuq il-ħażen grazzi għax-xhieda qalbiena, konkreta u umli ta’ wliedha.  Rebħet il-ħażen grazzi għall-istqarrija konvinta ta’ Pietru: “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj”, u għall-wegħda eterna ta’ Ġesù (ara Mt 16:13-18).

 

Għeżież Arċisqfijiet li l-lum qed tirċievu l-pallju, dan hu s-sinjal li jirrappreżenta n-nagħġa li r-ragħaj jerfa’ fuq spallejh bħalma jagħmel Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, u għalhekk hu simbolu tal-missjoni pastorali tagħkom; hu “sinjal liturġiku tal-komunjoni li tgħaqqad is-Sede ta’ Pietru u s-Suċċessur tiegħu mal-Metropoliti u, permezz tagħhom, ma’ l-Isqfijiet l-oħra tad-dinja” (Benedittu XVI, Angelus tad-29 ta’ Ġunju 2005).

 

Il-lum, bil-pallju, nixtieq nafdalkom f’idejkom din is-sejħa għat-talb, għall-fidi u għax-xhieda.

 

Il-Knisja tridna rġiel ta’ talb, mgħallma tat-talb; li jgħallmu lill-poplu fdat f’idejkom mill-Mulej li l-ħelsien mill-ħabsijiet kollha hu biss opra ta’ Alla u frott tat-talb, li Alla fil-waqt it-tajjeb jibgħat l-anġlu tiegħu biex isalvana mill-ħafna xejriet ta’ jasar u mill-għadd kbir ta’ ktajjen ta’ din id-dinja.  Anki intom, għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn, kunu anġli u messaġġiera ta’ l-imħabba!

 

Il-Knisja tridna rġiel ta’ fidi, mgħallma ta’ fidi: li jgħallmu lill-fidili ma jibżgħux mill-ħafna Erodijiet li qed jaħbtu għalina b’persekuzzjonijiet, bi slaleb ta’ kull għamla.  L-ebda Erodi ma jista’ qatt jitfi d-dawl tat-tama, tal-fidi u ta’ l-imħabba ta’ min jemmen fi Kristu!

 

Il-Knisja tridna rġiel ta’ xhieda.  San Franġisk kien jgħid hekk lill-patrijiet tiegħu: “Ippriedkaw dejjem il-Vanġelu u, jekk ikun hemm bżonn, anki bil-kliem!” (ara Fonti Franġiskani, 43).  M’hemmx xhieda mingħajr ħajja koerenti!  Il-lum m’aħniex daqshekk fil-bżonn ta’ għalliema, imma ta’ xhieda qalbiena, konvinti u konvinċenti; xhieda li ma jistħux mill-Isem ta’ Kristu u mis-Salib tiegħu la quddiem l-għajat ta’ l-iljuni u lanqas quddiem il-qawwiet ta’ din id-dinja.  Fuq l-eżempju ta’ Pietru u ta’ Pawlu u ta’ tant xhieda oħra tul l-istorja kollha tal-Knisja, xhieda li, anki jekk ġejjin minn diversi konfessjonijiet Insara, ikkontribwew biex juru u jkabbru l-Ġisem waħdieni ta’ Kristu.  U nieħu gost nagħfas fuq dan fil-preżenza – dejjem tassew mogħġuba – tad-Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, mibgħuta mill-għażiż ħuna Bartilmew I.

 

Din hi ħaġa sempliċi ħafna: għax ix-xhieda l-iżjed b’saħħitha u awtentika hi dik li ma nikkontradixxux, bl-imġiba u bil-ħajja tagħna, dak li nippriedkaw bil-kliem u ngħallmu lill-oħrajn!

 

Għeżież ħuti, għallmu t-talb billi titolbu; xandru l-fidi billi temmnu; agħtu xhieda billi tgħixu!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard