KAPPELLA PAPALI

FIS-SOLENNITÀ TA’ L-APPOSTLI MQADDSA PIETRU U PAWLU

 QUDDIESA U GĦOTI TAL-PALLJU

LILL-METROPOLITI L-ĠODDA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 29 ta’ Ġunju 2014

 

Fis-solennità ta’ l-Appostli mqaddsa Pietru u Pawlu, patruni ewlenin ta’ Ruma, nilqgħu b’ferħ u gratitudni d-Delegazzjoni mibgħuta mill-Patrijarka Ekumeniku, il-meqjum u maħbub ħuna Bartilmew, immexxija mill-Metropolita Ioannis.  Nitolbu lill-Mulej li anki din iż-żjara ssaħħaħ ir-rabtiet ta’ aħwa li hemm bejnietna fil-mixja tagħna lejn il-komunjoni sħiħa bejn iż-żewġ Knejjes aħwa, tant mixtieqa minna.

 

“Il-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn id Erodi” (Atti 12:11).  Fl-ewwel żminijiet tas-servizz ta’ Pietru fil-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, kien għad hemm biża’ kbira minħabba fil-persekuzzjonijiet ta’ Erodi kontra xi wħud mill-membri tal-Knisja.  Kien hemm il-qtil ta’ Ġakbu, u issa l-arrest ta’ l-istess Pietru biex Erodi jogħġob lill-poplu.  Meta Pietru kien miżmum il-ħabs u fil-ktajjen, jisma’ l-leħen ta’ l-Anġlu li jgħidlu: “Qum malajr!…  Tħażżem u ilbes il-qorq…  Dawwar il-mantar miegħek u ejja warajja!” (Atti 12:7-8).  Il-ktajjen waqgħu u l-bieb tal-ħabs infetaħ waħdu.  Pietru jintebaħ li l-Mulej “ħelsu minn id Erodi”; jintebaħ li Alla ħelsu mill-biża’ u mill-irbit tal-ktajjen.  Iva, il-Mulej jeħlisna minn kull biża’ u minn kull katina, biex nistgħu nkunu tassew ħielsa.  Iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-lum tesprimi tajjeb din il-verità, bi kliem ir-ritornell tas-Salm responsorjali: “Il-Mulej ħelisni minn kull biża’”.

 

Araw naqra kif il-problema tagħna hi l-biża’ u l-kenn pastorali.  Għeżież ħuti Isqfijiet, aħna – nistaqsi – għandna biża’?  Minn xiex nibżgħu?  U jekk nibżgħu, liema kenn qed infittxu fil-ħajja pastorali tagħna, biex inkunu fiż-żgur?  Forsi qed infittxu l-appoġġ ta’ dawk li għandhom is-setgħa f’din id-dinja?  Jew nitqarrqu mill-kburija li tfittex gratifikazzjonijiet u rikonoxximenti, u hemm jidhirlna li qegħdin fiż-żgur?  Għeżież ħuti isqfijiet, fejn qed inqiegħdu s-sigurtà tagħna?

 

Ix-xhieda ta’ l-Appostlu Pietru tfakkarna li il-kenn veru tagħna hu l-fiduċja f’Alla: hu jbiegħed minna kull biża’ u jeħlisna minn kull jasar u minn kull tentazzjoni tad-dinja.  Il-lum, l-Isqof ta’ Ruma u l-Isqfijiet l-oħra, speċjalment il-Metropoliti li rċivew il-Pallju, inħossu l-eżempju ta’ San Pietru jisfidana biex aħna wkoll nivverifikaw il-fiduċja tagħna fil-Mulej.

 

Pietru kiseb lura l-fiduċja tiegħu meta Ġesù għal tliet darbiet qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:15,16,17).  U fl-istess waqt hu, Xmun, stqarr għal tliet darbiet imħabbtu għal Ġesù, u hekk għamel tajjeb għat-tliet ċaħdiet li seħħu fil-Passjoni.  Pietru għadu jħoss taqbad ġo fih il-ġerħa ta’ dik id-delużjoni li ta lill-Imgħallem tiegħu fil-lejl tat-tradiment.  Issa li Hu jistaqsih: “Tħobbni int?”, Pietru ma jafdax iżjed fih innifsu u fil-qawwa personali tiegħu, imma f’Ġesù u fil-ħniena tiegħu: “Mulej, int taf kollox; int taf li nħobbok” (Ġw 21:17).  U hawn jgħib il-biża’, id-dubju, il-qtigħ il-qalb.

 

Pietru daq kif il-fedeltà lejn Alla hi akbar mill-infedeltajiet tagħna u aqwa minn kull ċaħda.  Jintebaħ li l-fedeltà għall-Mulej tbiegħed minna l-biżgħat tagħna u tmur ’l hemm minn kull immaġinazzjoni umana.  Anki lilna, il-lum, Ġesù jistaqsina: “Tħobbni int?”.  Dan jagħmlu propju għax jaf x’inhuma l-biżgħat kollha tagħna u t-tbatijiet tagħna.  Pietru jurina t-triq: nafdaw fiH, li “jaf kollox” fuqna, nafdaw mhux fil-ħila tagħna li nkunu fidili lejh, imma fil-fedeltà tiegħu li ma tiġġarraf qatt.  Ġesù qatt ma jitlaqna waħidna, għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu (ara 2 Tim 2:13).  Hu jibqa’ fidil.  Il-fedeltà li Alla bla heda jwettaq anki fina r-Rgħajja, lil hemm mill-merti tagħna, hi l-għajn tal-fiduċja tagħna u tal-paċi tagħna.  Il-fedeltà tal-Mulej lejna żżomm dejjem mixgħula fina x-xewqa li naqduh u li naqdu lil ħutna fl-imħabba.

 

L-imħabba ta’ Ġesù għandha tkun biżżejjed għal Pietru.  Hu ma jridx jaqa’ fit-tentazzjoni tal-kurżità, ta’ l-għira, bħal meta, x’ħin jilmaħ lil Ġwanni hemm qrib, jistaqsi lil Ġesù: “U dan, Mulej, x’se jsir minnu?” (Ġw 21:21).  Imma Ġesù, quddiem dawn it-tentazzjonijiet, iwieġeb: “Inti x’inhi affarik Int imxi warajja” (Ġw 21:22).  Din l-esperjenza ta’ Pietru għandha messaġġ importanti għalina wkoll, għeżież ħuti Arċisqfijiet.  Il-Mulej il-lum itenni lili, lilkom, u lir-Rgħajja kollha: Imxi warajja!  Taħlix ħinek f’mistoqsijiet jew fi tpaċpiċ bla bżonn; tiqafx fuq il-ħwejjeġ sekondarji, imma ara l-essenzjal u imxi warajja.  Imxi warajja minkejja d-diffikultajiet.  Imxi warajja fil-predikazzjoni tal-Vanġelu.  Imxi warajja fix-xhieda ta’ ħajja li taqbel mad-don tal-grazzja tal-Magħmudija u ta’ l-Ordinazzjoni.  Imxi warajja f’li titkellem fuqi ma’ dawk li magħhom tgħix, jum wara l-ieħor, fit-taħbit tax-xogħol, fid-djalogu u fil-ħbiberija.  Imxi warajja fix-xandir tal-Vanġelu lil kulħadd, speċjalment lill-imwarrbin, biex ħadd ma jibqa’ nieqes mill-Kelma tal-ħajja, li teħles minn kull biża’ u tagħti l-fiduċja fil-fedeltà ta’ Alla.  Int imxi warajja!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard