ĊELEBRAZZJONI PENITENZJALI

RIT GĦAS-SAGRAMENT TAR-RIKONĊILJAZZJONI

GĦAL IŻJED MINN PENITENT WIEĦED

BIL-QRARA U L-ASSOLUZZJONI INDIVIDWALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan - Il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu 2014

 

Fi żmien ir-Randan il-Knisja, f’isem Alla, iġġedded is-sejħa għall-indiema u l-konverżjoni.  Hi s-sejħa biex nibdlu ħajjitna.  Li nikkonvertu m’hix kwistjoni ta’ waqt wieħed jew ta’ perjodu fis-sena, imma impenn li jibqa’ għall-ħajja kollha.  Min minna jista’ jgħid li m’hux midneb?  Ħadd.  Kollha kemm aħna midinbin.  Jikteb l-Appostlu Ġwanni: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina.  Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen” (1 Ġw 1:8-9).  Dan hu li jseħħ ukoll f’din iċ-ċelebrazzjoni u tul dan il-jum penitenzjali kollu.  Il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna ddaħħalna f’żewġ elementi essenzjali tal-ħajja Nisranija.

 

L-ewwel: Nilbsu l-bniedem il-ġdid.  Il-bniedem il-ġdid, “maħluq skond Alla” (Efes 4:24), jitwieled mill-Magħmudija, fejn jilqa’ fih l-istess ħajja ta’ Alla, li jagħmilna wliedu u jinkorporana fi Kristu u fil-Knisja tiegħu.  Din il-ħajja ġdida tagħtina li nħarsu lejn ir-realtà b’għajnejn differenti, mingħajr ma naljenaw iżjed ruħna mill-ħwejjeġ li ma jiswewx u ma jtulux, mill-ħwejjeġ li jgħaddu maż-żmien.  Għalhekk aħna msejħin biex inwarrbu l-imġibiet tad-dnub u niffissaw ħarsitna fuq dak li hu essenzjali.  “Il-bniedem iktar jiswa għal dak li hu milli għal dak li għandu” (Gaudium et spes, 35).  Din hi d-differenza bejn il-ħajja mgħawġa tad-dnub u dik imdawla tal-grazzja.  Minn qalb il-bniedem imġedded skond Alla toħroġ l-imġiba tajba: jitkellem dejjem bil-verità u jaħrab kull xorta ta’ gideb; ma jisraqx, anzi, jaqsam li għandu ma’ l-oħrajn, speċjalment ma’ min hu l-aktar fil-bżonn; ma jaqax għall-mibegħda, ma jinġarrx mir-rabja u mill-vendetta, imma jkun twajjeb, ta’ qalb kbira u lest biex jaħfer; ma jaqax fis-seksik li jkisser il-fama tajba tan-nies, imma jħares aktar lejn il-lat pożittiv ta’ kull persuna.  Irridu nilbsu l-bniedem il-ġdid, b’dawn l-atteġġjamenti ġodda.

 

It-tieni element: Nibqgħu fl-imħabba.  L-imħabba ta’ Ġesù Kristu tibqa’ għal dejjem, ma tintemm qatt għax hi l-istess ħajja ta’ Alla.  Din l-imħabba tirbaħ fuq id-dnub u tagħtina l-qawwa nerġgħu nqumu u nibdew mill-ġdid, għax bil-maħfra l-qalb tiġġedded u terġa’ ssir żagħżugħa.  Dan ilkoll nafuh: Missierna ma jegħja qatt iħobb u għajnejh ma jitqalux huwa u jħares lejn it-triq li twassal għal daru, biex jara jekk ibnu li telaq u ntilef hux ġej lura.  Nistgħu nitkellmu dwar it-tama ta’ Alla: Missierna dejjem qiegħed jistenniena, u mhux biss iħallilna l-bieb miftuħ, imma jistenniena.  Hu jħossu involut f’din l-istennija ta’ wliedu.  U dan il-Missier lanqas jegħja jħobb lill-iben l-ieħor li, anki jekk baqa’ dejjem miegħu d-dar, xorta waħda m’hux jaqsam fil-ħniena tiegħu, fil-kompassjoni tiegħu.  Alla mhux biss jinsab fil-bidu ta’ l-imħabba, imma f’Ġesù Kristu jsejħilna nixbhuh fl-istess mod tiegħu ta’ kif iħobb: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34).  Skond kemm l-Insara jgħixu din l-imħabba, huma jistgħu jsiru dixxipli kredibbli ta’ Kristu fid-dinja.  L-imħabba ma tistax tissaporti li tibqa’ magħluqa fiha nfisha.  Minħabba fl-istess natura tagħha, hi miftuħa, tixtered u tagħmel il-frott, tnissel dejjem imħabba ġdida.

 

Għeżież ħuti, wara din iċ-ċelebrazzjoni, ħafna minnkom sa jagħmluha ta’ missjunarji biex jipproponu lil oħrajn l-esperjenza tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla.  “24 siegħa għall-Mulej” hi l-inizjattiva li daħlu għaliha tant djoċesijiet f’kull parti tad-dinja.  Ma’ dawk li tiltaqgħu, tistgħu twasslulhom il-ferħ li jħoss min irċieva l-maħfra tal-Missier u sab mill-ġdid il-ħbiberija sħiħa miegħU.  U għidulhom li l-Missier tagħna qiegħed jistenniena, il-Missier tagħna jaħfrilna, u iżjed minn hekk, jagħmlilna festa.  Jekk int tmur għandU b’ħajtek kollha, anki b’tant dnubiet, flok iċanfrek, jagħmillek festa: dan hu l-Missier tagħna.  Dan intom tridu tgħiduh, għiduh lil tant nies, il-lum.  Min iduq mill-ħniena divina, iħoss li għandu jsir bennej ta’ ħniena fost l-imsejknin u l-foqra.  F’dawn “l-iżgħar fost l-aħwa” Ġesù qed jistenniena (ara Mt 25:40); nirċievu l-ħniena u nagħtu l-ħniena!  Noħorġu niltaqgħu magħhom u hekk nistgħu niċċelebraw l-Għid fil-ferħ ta’ Alla!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard