QUDDIESA FL-OKKAŻJONI TAL-FESTA TAT-TRANSLAZZJONI

TAL-IKONA TAS-SALUS POPULI ROMANI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore

Il-Ħadd 28 ta’ Jannar 2018

 

Bħala poplu ta’ Alla li miexi, qegħdin hawn biex nistrieħu ftit fit-tempju tal-Omm tagħna. Il-preżenza tal-Omm tagħmel minn dan it-tempju dar familjari għalina l-ulied. Flimkien ma’ ġenerazzjonijiet fuq ġenerazzjonijiet ta’ Rumani, nagħrfu f’din id-dar ta’ ommna l-istess dar tagħna, id-dar fejn nistgħu nsibu s-serħan, il-faraġ, il-ħarsien, il-kenn. Il-poplu Nisrani fehem, sa mill-bidu, li qalb id-diffikultajiet u l-provi għandu bżonn idur lejn Ommu, kif turina l-eqdem antifona Marjana: Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, ja Omm Qaddisa ta’ Alla: la tistmerrx it-talb tagħna fi ħtiġijietna, imma eħlisna dejjem minn kull tiġrib, o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Nistkennu. Missirijietna fil-fidi għallmuna li fil-mumenti ta’ tiġrib għandna ninġabru taħt il-mant tal-Omm Qaddisa ta’ Alla. Dari, l-ippersegwitati u dawk fil-bżonn kienu jfittxu l-kenn għand in-nisa nobbli mlaħħqa f’postijiet għolja: meta l-mantar tagħhom, li kien meqjus ħaġa sagra, kien jinfirex b’sinjal ta’ akkoljenza, kienu jirċievu l-ħarsien. L-istess hu għalina fil-każ tal-Madonna, l-ogħla mara fost il-bnedmin. Il-mant tagħha hu dejjem miftuħ biex jilqagħna u jiġborna taħtu. Dan ifakkarhulna tajjeb ħafna l-Lvant Nisrani, fejn bil-bosta huma dawk li jagħmlu festa lill-Ħarsien tal-Omm ta’ Alla, li f’ikona sabiħa tidher hija u tkennen, taħt mantarha, l-ulied tagħha u tgħatti lid-dinja kollha. Anki l-monaċi antiki kienu jirrikkmandaw, fi żmien it-tiġrib, li nistkennu taħt il-mant tal-Omm Qaddisa ta’ Alla: li nsejħulha – “Omm Qaddisa ta’ Alla” – diġà kien garanzija ta’ ħarsien u ta’ għajnuna u din it-talba mtennija: “Omm Qaddisa ta’ Alla”, “Omma Qaddisa ta’ Alla”… Daqshekk biss.

 

Dan l-għerf, li ġej mill-bogħod, jista’ jgħinna: l-Omm tieħu ħsieb il-fidi, tħares ir-relazzjonijiet, issalva fil-maltemp u żżomm sħiħ mill-ħażen. Fejn il-Madonna hi ta’ ġewwa, ix-xitan ma jidħolx. Fejn il-Madonna hi ta’ ġewwa, ix-xitan ma jidħolx. Fejn hemm l-Omm, l-inkwiet ma għandux l-aħħar kelma, il-biża’ ma jirbaħx. Min minna m’għandux bżonn ta’ dan, min minna mhux xi darba mġarrab u inkwetat? Kemm drabi l-qalb hi baħar f’tempesta, fejn jinġabar il-mewġ tal-problemi u l-irjieħ tal-preokkupazzjonijiet ma jiqfux jonfħu! Marija hi l-arka żgura fid-dilluvju. Mhumiex l-ideat jew it-teknoloġija li sa jagħtuna l-faraġ u t-tama, imma l-wiċċ tal-Omm tagħna, dirgħajha li jżiegħlu bil-ħajja, il-mant tagħha li jkennina. Nitgħallmu nfittxu l-kenn, billi ta’ kuljum immorru għand Ommna.

 

La tistmerrx it-talb tagħna, tissokta l-antifona. Meta aħna nitolbuha, Marija titlob għalina. Hemm titlu sabiħ bil-Grieg li jgħid hekk: Grigorusa, jiġifieri “dik li minnufih tidħol għalina”. U dan il-minnufih juża Luqa fil-Vanġelu biex jgħid kif Marija marret tħaffef għand Eliżabetta: dritt, dlonk! Tinterċedi minnufih, ma tittardjax, kif smajna fil-Vanġelu, fejn dritt twassal għand Ġesù l-ħtieġa konkreta ta’ dawn in-nies: “M’għandhomx inbid” (Ġw 2:3), xejn aktar! Hekk tagħmel kull darba, jekk nitolbuha: meta tonqosna t-tama, meta jinxef il-ferħ, meta jmutu l-forzi tagħna, meta tiddallam il-kewkba tal-ħajja, tindaħal l-Omm. U jekk nitolbuha, iżjed tindaħal. Hi attenta għat-taħbit tagħna, sensibbli għat-taqlib – it-taqlib tal-ħajja –, qrib tal-qalb. U qatt, qatt ma tistmerr it-talb tagħna; mank waħda ma tħalli taħarbilha. Hi Omm, qatt ma tistħi minna, anzi tistenna biss li tista’ tgħin lil uliedha.

 

Hemm episodju li jista’ jgħinna nifhmu. Maġenb sodda fi sptar kien hemm omm tishar għal binha, midrub u muġugħ wara inċident. Dik l-omm dejjem hemm kont issibha, lejl u nhar. Darba gergret mas-saċerdot, u qaltlu: “Imma l-Mulej ħaġa waħda ma taniex lilna l-ommijiet!”. “X’inhi?”, staqsieha l-qassis. “Li nieħdu fuqna l-uġigħ ta’ wliedna”, weġbitu l-mara. Araw il-qalb tal-omm: ma tistħix minħabba l-ġrieħi, id-dgħufijiet tal-ulied, imma tridhom tagħha. U l-Omm ta’ Alla u tagħna taf terfa’ fuqha, tfarraġ, tishar, tfejjaq.

 

Tissokta l-antifona, eħlisna minn kull tiġrib. Il-Mulej innifsu jaf li għandna bżonn tal-kenn u tal-ħarsien qalb tant periklu. Għalhekk, fl-ogħla waqt, fuq is-salib, qal lid-dixxiplu l-maħbub, lil kull dixxiplu: “Hawn hi Ommok!” (Ġw 19:27). L-Omm mhix xi optional, ħaġa li nistgħu nagħżlu jew le, għax hi t-testment ta’ Kristu. U aħna għandna bżonn tagħha bħalma wieħed li jkun jivvjaġġa bil-mixi jfittex is-serħan, bħalma tarbija trid li jżommuha fid-dirgħajn. Hu periklu kbir għall-fidi li ngħixu mingħajr Omm, mingħajr ħarsien, waqt li nħallu l-ħajja tkaxkarna bħalma l-weraq jinġarr mir-riħ. Il-Mulej jafu dan u jirrikkmandalna nilqgħu lil din l-Omm. Mhux xi galatew spiritwali, hi esiġenza tal-ħajja. L-imħabba lejha mhix poeżija, imma li nagħrfu ngħixu. Għax mingħajr Omm ma nistgħux inkunu wlied. U aħna, qabelxejn, aħna wlied, ulied maħbuba, li għandhom lil Alla bħala Missier u lill-Madonna bħala Omm.

 

Il-Konċilju Vatikan II jgħallimna li Marija hi “tama żgura u ta’ faraġ għall-poplu ta’ Alla fil-mixja tiegħu lejn is-Sema” (Kostituzzjoni Lumen gentium, VIII, V). Hi sinjal, hi s-sinjal li Alla qiegħed hemm għalina. Jekk ma nimxux warajh, noħorġu barra mit-triq. Għax hemm sistema ta’ sinjali tal-ħajja spiritwali, li għandna nosservawha. Din turina, lilna li għadna “fit-triq tagħna lejn is-sema, nitħabtu fost perikli u diffikultajiet” (ara ibid., 62), lil din l-Omm, li diġà waslet fid-destinazzjoni. Min aħjar minnha jista’ jseħibna tul il-mixja tagħna? X’nistennew? Bħad-dixxiplu li taħt is-salib laqa’ lill-Omm għandu, “ħadha għandu”, jgħid il-Vanġelu (Ġw 19:27), aħna wkoll, minn din id-dar tal-omm tagħna, nistiednu lil Marija d-dar tagħna, fil-qalb tagħna, fil-ħajja tagħna. Ma nistgħux nibqgħu newtrali jew distakkati mill-Omm, inkella nitilfu l-identità tagħna ta’ wlied u l-identità tagħna ta’ poplu, u ngħixu Kristjaneżmu magħmul minn ideat, minn programmi, mingħajr affidament, mingħajr ħlewwa, mingħajr qalb. Imma mingħajr qalb ma hemmx imħabba u l-fidi tirriskja li ssir ħrafa sabiħa ta’ żminijiet oħra. Imma l-Omm tieħu ħsieb u tħejji lil uliedha. Tħobbhom u tħarishom, biex iħobbu u jħarsu lid-dinja. Ejjew nagħmlu mill-Omm tagħna l-mistiedna tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, il-preżenza kostanti fid-dar tagħna, il-kenn żgur tagħna. Nafdawlha kull ġurnata. Insejħulha qalb kull tiġrib. U ma ninsewx nerġgħu lura għandha biex irroddulha ħajr.

 

Issa aħna u nħarsu lejha, għadha kemm ħarġet mill-isptar, inħarsu lejha bi ħlewwa u nsellmulha kif sellmulha l-Insara ta’ Efesu. Ilkoll flimkien, għal tliet darbiet: “Omm Qaddisa ta’ Alla”. Ilkoll flimkien: “Omm Qaddisa ta’ Alla, Omm Qaddisa ta’ Alla, Omm Qaddisa ta’ Alla”.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard