QUDDIESA GĦALL-GĦELUQ TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

 

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

It-XXX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 27 ta’ Ottubru 2019

 

Il-Kelma ta’ Alla llum tgħinna nitolbu permezz ta’ tliet persunaġġi: fil-parabbola ta’ Ġesù nsibu jitolbu l-Fariżew u l-pubblikan, waqt li l-Ewwel Qari jitkellem fuq it-talba tal-fqajjar.

 

1. It-talba tal-Fariżew tiftaħ hekk: “O Alla, niżżik ħajr”. Bidu mill-aqwa, għax l-aqwa talba hi dik tal-gratitudni, hi dik tat-tifħir. Imma dritt naraw x’inhi r-raġuni li għaliha qed jirringrazzja: “li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin” (Lq 18:11). U jispjega wkoll din ir-raġuni: isum darbtejn fil-ġimgħa, meta dak iż-żmien l-obbligu kien darba fis-sena; iħallas l-għexur ta’ kulma jdaħħal, meta dan kien preskritt biss fuq l-iżjed prodotti importanti (ara Dewt 14:22ss). Insomma, jiftaħar għax qed iwettaq bl-aħjar mod xi preċetti partikolari. Imma jinsa l-ikbar wieħed fosthom: li jħobb lil Alla u lill-proxxmu (ara Mt 22:36-40). Mimli biċ-ċertezza fih innifsu, bil-ħila tiegħu li josserva l-Kmandamenti, bil-merti tiegħu u bil-virtujiet tiegħu, kollox idur miegħu nnifsu. It-traġedja ta’ dan il-bniedem hi li m’għandux imħabba. Imma mqar l-aqwa affarijiet, mingħajr imħabba, ma jiswew għal xejn, kif jgħid San Pawl (ara 1 Kor 13). U mingħajr imħabba, xi jkun ir-riżultat? Li fl-aħħar, flok jitlob, jispiċċa jagħmel eloġju tiegħu nnifsu. Fil-fatt lill-Mulej ma jitolbu xejn, għax ma jħossux fil-bżonn jew midjun miegħu, anzi jħoss li Hu għandu x’jagħtih. Qiegħed fit-Tempju tal-Mulej, imma jipprattika reliġjon oħra, ir-reliġjon tal-jien. U tant gruppi “illustri”, “Insara Kattoliċi”, jimxu f’din it-triq.

 

U barra lil Alla, jinsa wkoll il-proxxmu, anzi jistkerrhu: għalih m’għandux prezz, m’għandux valur. Iħossu aqwa mill-oħrajn, li jsejħilhom, litteralment, “il-fdalijiet, li baqa’” (loipoiLq 18:11). Jiġifieri huma ż-“żejda”, huma skart li wieħed għandu jitbiegħed minnu. Kemm drabi naraw din id-dinamika sseħħ fil-ħajja u fl-istorja! Kemm drabi min qiegħed quddiem, bħall-Fariżew meta mqabbel mal-pubblikan, itella’ ħitan biex ikabbar id-distanzi, u hekk lill-oħrajn iġibhom iktar żibel. Jew iżommhom bħala nies li għadhom lura jew ta’ ftit valur, jiskterrah it-tradizzjonijiet tagħhom, irid jeqred l-istorja tagħhom, jeħdilhom it-territorji tagħhom, jużurpalhom ġidhom. Meta pretensjonijiet ta’ superjorità jispiċċaw f’oppressjonijiet u sfruttamenti, anki llum – dan rajnieh fis-Sinodu meta tkellimna dwar l-isfruttament tal-ħolqien, tan-nies, ta’ dawk li jgħixu fl-Amażonja, dwar it-traffikar tal-persuni, il-kummerċ tal-persuni! L-iżbalji tal-imgħoddi ma kinux biżżejjed biex nieqfu nħarbtu lill-oħrajn u nikkawżaw ġrieħi lil ħutna u lil oħtna l-art: rajniehom fil-wiċċ sfreġjat tal-Amażonja. Ir-reliġjon tal-jien għadha għaddejja, turi wiċċ b’ieħor bir-riti u t-“talb” tagħha – ħafna huma Kattoliċi, jistqarru li huma Kattoliċi, imma nsew li huma Nsara u umani –, tinsa l-vera qima ta’ Alla x’inhi, dik li tgħaddi dejjem mill-imħabba tal-proxxmu. Anki l-Insara li jitolbu u jmorru l-quddiesa l-Ħadd huma sudditi ta’ din ir-reliġjon tal-jien. Nistgħu nħarsu ġo fina stess u naraw jekk għalina wkoll hemmx min hu inferjuri, ta’ min jiskartah, imqar jekk biss bil-kliem. Nitolbu l-grazzja li ma nħossux li aħna superjuri, li ma naħsbux li għandna kollox f’postu, li ma nsirux ċiniċi u niżżuffjettaw b’ħaddieħor. Nitolbu lil Ġesù jfejjaqna mit-tqassis u t-tgergir fuq l-oħrajn, miż-żebliħ ta’ xi persuna oħra: dawn ħwejjeġ li ma jogħġbuhx lil Alla. U providenzjalment, illum f’din il-quddiesa għandna magħna mhux biss l-indiġeni tal-Amażonja: anki lill-iktar foqra tas-soċjetajiet żviluppati, ħutna l-morda tal-Komunità tal-Arche. Jinsabu hawn magħna, fl-ewwel filliera.

 

2. Ngħaddu għat-talba l-oħra. It-talba tal-pubblikan min-naħa l-oħra tgħinna nifhmu x’inhu li jogħġob lil Alla. Hu ma jitlaqx mill-merti tiegħu, imma min-nuqqasijiet tiegħu; mhux mill-għana tiegħu, imma mill-faqar tiegħu: mhux faqar ekonomiku – il-pubblikani kienu għonja u kienu jdabbruha tajjeb anki b’mod ħażin, minn fuq dahar in-nies ta’ pajjiżhom stess – imma jħoss il-faqar ta’ ħajtu, għax fid-dnub qatt ma tista’ tħossok tgħix tajjeb. Dan ir-raġel li jisfrutta lill-oħrajn jagħraf li hu fqir quddiem Alla u l-Mulej jagħti widen għat-talba tiegħu, magħmula minn seba’ kelmiet biss imma minn atteġġjamenti veri. Fil-fatt, waqt li l-Fariżew jinsab quddiem bilwieqfa (ara v. 11), il-pubblikan jibqa’ ’l bogħod u “anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema”, għax jemmen li s-Sema jeżisti u huwa kbir, waqt li hu jħossu żgħir. U “jħabbat fuq sidru” (ara v. 13), għax taħt sidru hemm qalbu. It-talba tiegħu tinbet proprju mill-qalb, hi trasparenti: iqiegħed quddiem Alla lil qalbu, u mhux l-apparenzi. Li titlob ifisser tħalli lil Alla jara x’hemm ġo fik – hu Alla li jħares lejja jiena u nitlob –, bla ma tippretendi mod ieħor, bla skużi, bla ġustifikazzjonijiet. Tant drabi jdaħħkuna l-indimiet mimlija ġustifikazzjonijiet. Iktar milli ndiema tidher qisha awtokanonizzazzjoni. Għax mix-xitan jiġu n-nuqqas ta’ trasparenza u l-qerq – dawn huma l-ġustifikazzjonijiet –, imma minn Alla d-dawl u l-verità, it-trasparenza tal-qalb tiegħi. Kienet ħaġa sabiħa, u ta’ dan jien grat ħafna, għeżież Padri u Aħwa Sinodali, li ddjalogajna f’dawn il-ġimgħat bil-qalb, bis-sinċerità u b’mod skjett, waqt li qegħidna quddiem Alla u ħutna t-taħbit u t-tamiet tagħna.

 

Illum, meta nħarsu lejn il-pubblikan, niskopru mill-ġdid mnejn għandna nitilqu: milli nemmnu li aħna fil-bżonn tas-salvazzjoni, ilkoll kemm aħna. Dan hu l-ewwel pass tar-reliġjon ta’ Alla, li hi ħniena lejn min jagħraf il-faqar tiegħu. Imma l-għerq ta’ kull żball spiritwali, kif kienu jgħallmu l-irħieb tal-qedem, hu li naħsbu li aħna ġusti. Meta naħsbu li aħna ġusti nkunu naqflu barra minn darna lil Alla, li waħdu hu ġust. Hu tant importanti dan l-atteġġjament ta’ tluq li Alla jurihulna b’konfront paradossali, billi jqiegħed flimkien fil-parabbola l-persuna l-iżjed qaddisa u devota ta’ dak iż-żmien, il-Fariżew, u l-midneb pubbliku per eċċellenza, il-pubblikan. U l-ġudizzju jinqaleb ta’ taħt fuq: min hu bravu imma prużuntuż ifalli; min hu diżastruż imma umli jiġi mgħolli minn Alla. Jekk inħarsu ġewwa fina bis-sinċerità, naraw li hemm it-tnejn li huma, il-pubblikan u l-Fariżew. Aħna xi ftit pubblikani, għax midinbin, u xi ftit Fariżej, għax prużuntużi, kapaċi niġġustifikaw lilna nfusna, kampjuni f’li niġġustifikaw ruħna b’arti! Mal-oħrajn din spiss taħdem, imma ma’ Alla le. B’Alla ma nidħkux. Nitolbu l-grazzja li nħossuna fil-bżonn tal-ħniena, foqra minn ġewwa. Għalhekk ukoll jagħmlilna tajjeb li niffrekwentaw il-foqra, biex niftakru li aħna foqra, biex niftakru li fi klima ta’ faqar interjuri biss taħdem is-salvazzjoni ta’ Alla.

 

3. U hekk naslu għat-talba tal-fqajjar, tal-Ewwel Qari. Din, jgħid Bin Sirak, “tinfed is-sħab” (35:17). Waqt li t-talba ta’ min jippretendi li hu ġust tibqa’ l-art, mgħaffġa mill-qawwa tal-gravità tal-egoiżmu, dik tal-fqajjar titla’ dritt għand Alla. Is-sens tal-fidi tal-Poplu ta’ Alla lemaħ fil-foqra “l-purtinara tas-Sema”: dak is-sensus fidei li kien nieqes fid-dikjarazzjoni [tal-Fariżew]. Huma li se jiftħulna beraħ jew inqas il-bibien tal-ħajja ta’ dejjem, huma li ma qisux ruħhom sidien f’din il-ħajja, li ma poġġewx lilhom infushom qabel l-oħrajn, li f’Alla biss kellhom kull ġid tagħhom. Huma ikoni ħajja tal-profezija Nisranija.

 

F’dan is-Sinodu kellna l-grazzja li nisimgħu l-ilħna tal-foqra u nirriflettu fuq il-prekarjetà ta’ ħajjithom, mhedda minn mudelli ta’ żvilupp li jdabbruha tajjeb minn fuq darhom. Imma, proprju f’din il-qagħda, ħafna tawna xhieda li hu possibbli tħares lejn ir-realtà b’mod differenti, u tilqagħha b’dirgħajk miftuħa bħala don, tgħix fil-ħolqien mhux bħala mezz biex tisfruttah imma bħala dar biex tħarisha, tafda f’Alla. Hu Missier li, kif jgħidilna mill-ġdid Bin Sirak, “jagħti widen għat-talba tal-magħkus” (v. 13). U kemm drabi, anki fil-Knisja, l-ilħna tal-foqra ma jiġux mismugħa jew isibu min jiddieħak bihom jew irid isikkithom għax huma skomdi. Nitolbu l-grazzja li nagħrfu nagħtu widen għall-karba tal-foqra: hi l-karba tat-tama tal-Knisja. Il-karba tal-foqra hi l-karba tat-tama tal-Knisja. Jekk nagħmlu tagħna l-karba tagħhom, anki t-talba tagħna, nistgħu nibqgħu ċerti, tinfed is-sħab.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard